ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI
GĦAL ĦAMIS IX-XIRKA 1987

 

 

I. Bejn iċ-Ċenaklu u l- Ġetsemani

1. «U wara li kantaw l-innu, ħarġu lejn il-muntanja taż-Żebbuġ» (Mk 14, 26).

Ippermettuli, għeżież ħuti fis-saċerdozju, li nibda din l-Ittra tiegħi ta’ Ħamis ix-Xirka ta’ din is-sena b’dan il-kliem, li jeħodna lura għall-waqt li fih, wara l-Aħħar Ċena Kristu ħareġ biex imur lejn il-muntanja taż-Żebbuġ.

Aħna lkoll li, permezz tas-sagrament tal-Ordni Sagri, ingawdu minn parteċipazzjoni speċjali, ministerjali fis-Saċerdozju ta’ Kristu, f’Ħamis ix-Xirka ninġabru b’mod interjuri fit-tifkira tal-istituzzjoni tal-Ewkaristija, għaliex din il-ġrajja timmarka l-bidu u s-sors ta’ dak kollu li, bil-grazzja ta’ Alla, aħna ninsabu fil-Knisja u fid-dinja. Ħamis ix-Xirka huwa l-jum tat-twelid tas-saċerdozju tagħna u, għalhekk, huwa wkoll il-festa annwali tagħna.

Dan huwa jum importanti u sagru mhux biss għalina, imma għall-Knisja kollha, għal dawk kollha li Alla sawwar għalih fi Kristu «saltna ta’ saċerdoti» (Ap 1, 6). Għalina huwa b’mod partikolari importanti u deċiżiv, minħabba li s-saċerdozju komuni tal-Poplu ta’ Alla kollu huwa marbut mas-servizz tad-dispensaturi kollha tal-Ewkaristija li huwa d-dmir tagħna l-iktar qaddis. Għalhekk illum waqt li tinġabru madwar l-Isqfijiet tagħkom, flimkien magħhom ġeddu, għeżież ħuti, f’qalbkom il-grazzja mogħtija lilkom «permezz tal-impożizzjoni tal-dejn» (cfr. 2 Tm 1, 6) fis-sagrament tal-presbiterjat.

F’dan il-jum hekk straordinarju, nixtieq – bħal kull sena – inkun magħkom ilkoll, hekk bħal mal-Isqfijiet tagħkom, sabiex ilkoll inħosu bżonn profond li nġeddu fina l-għarfien tal-grazzja ta’ dan is-sagrament li jgħaqqadna b’mod intimu ma’ Kristu, saċerdot u ostja.

Propju għal dan il-għan, bl-ittra preżenti nixtieq nesprimi xi ħsibijiet dwar l-importanza tat-talb f’ħajjitna, b’mod speċjali fejn tidħol il-vokazzjoni tagħna u l-missjoni tagħna.

2. Wara l-Aħħar Ċena, Ġesù jerħilha flimkien mal-Appostli lejn il-muntanja taż-Żebbuġ. Fis-suċċessjoni tal-ġrajjiet feddejja tal-Ġimgħa Mqaddsa, iċ-Ċena tikkostitwixxi għal Kristu l-bidu tas-«siegħa tiegħu». Propju waqt iċ-Ċena tibda l-attwazzjoni definittiva ta’ dak kollu li għandha tikkostitwixxi din is «siegħa».

Fiċ-Ċenaklu Ġesù jwaqqaf is-sagrament, is-sinjal ta’ realtà li għad trid isseħħ fis-suċċessjoni tal-ġrajjiet. Għalhekk jgħid: «Dan huwa ġismi, li ingħata għalikom» (Lq 22, 19); «Dan il-kalċi huwa l-patt il-ġdid b’demmi, li sejjer jixtered għalikom» (Lq 22, 20). Hekk jitnissel is-sagrament tal-ġisem u tad-demm tal-Feddej, li miegħu jiżdied b’mod intimu s-sagrament tal-Ordni Sagri, bis-saħħa tal-mandat afdat lill-appostli: «Agħmlu dan b’tifkira tiegħi» (Lq 22, 19).

Il-kliem li jwaqqaf l-Ewkaristija mhux biss jantiċipa dak li kellu jitwettaq fil-jum ta’ wara, imma wkoll jenfasizza b’mod espress li tali twettiq issa viċin jippossiedi s-sens u l-iskop tas-sagrifiċċju. Infatti, «il-ġisem huwa mogħti . .. ., u d-demm se jixtered għalikom».

B’tali mod Ġesù, waqt l-Aħħar Ċena, iqiegħed f’idejn l-appostli u l-Knisja il-veru sagrifiċċju. Dak li filwaqt tal-istituzzjoni għadu jirrapreżenta aħbar, huwa wkoll definittiv, imma huwa wkoll l-antiċipazzjoni effettiva tar-realtà sagrifikali tal-Kalvarju, imbagħad issir, permezz tal-ministeru tas-saċerdoti, «il-memorjal» li jipperpetwa b’mod sagramentali l-istess realtà redentriċi. Realtà ċentrali fl-ordni tal-ekonomija kollha tal-fidwa.

3. Waqt li ħareġ flimkien mal-appostli u waqt li ġibed lejn il-muntanja taż-Żebbuġ, Ġesù javanza propju lejn ir-realtà tas-«siegħa tiegħu», li huwa ż-żmien tat-twettiq paskwali tal-pjan ta’ Alla u tal-aħbarijiet kollha, imbegħda u viċini, miġbura fl- «Iskritturi» f’dan ir-rigward (cfr. Lq 24, 27).

Din is-«siegħa» timmarka wkoll iż-żmien, li fih is-saċerdozju jkun mimli mill-ġdid b’kontenut ġdid u definittiv bħala vokazzjoni u servizz, fuq il-bażi tar- rivelazzjoni u tat-twaqqif divin. Nistgħu nsibu espożizzjoni iktar wiesgħa ta’ din il-verità b’mod speċjali fl-Ittra lil-Lhud, test fundamentali għall-għarfien tas-saċerdozju ta’ Kristu u tas-saċerdozju tagħna.

Imma fil-kwadru tal-konsiderazzjonijiet preżenti jidher essenzjali l-fatt li lejn it-twettiq tar-realtà, kulminanti fis-«siegħa tiegħu», Ġesù javanza permezz tat-talb.

4. It-talb fil-Ġetsemani jiġbor fih mhux biss ir-riferenza għal dak kollu li jseħħ matul il-ġrajjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa – jiġifieri l-passjoni u l-mewt fuq is-salib – imma wkoll, u mhux inqas b’mod intimu, b’riferenza għall-Aħħar Ċena.

Waqt iċ-Cena tal-firda Ġesù wassal għat-twettiq dak kollu li kienet ir-rieda eterna tal-Missier fir-rigward tiegħu u kienet ukoll ir-rieda tiegħu, ir-rieda tiegħu ta’ Iben: «Għalhekk jiena ġejt għal din is-siegħa!» (Ġw 12, 27). Il-kliem li jwaqqaf is-sagrament tal-patt il-ġdid u etern, l-Ewkaristija, jikkostitwixxi b’ċertu mod is-siġill sagramentali ta’ dik ir-rieda eterna tal-Missier u tal-Iben, li issa kienet waslet għas- «siegħa» tat-twettiq definittiv.

Fil-Ġetsemani l-isem «Abbà», li fuq xuftejn Ġesù jippossiedi dejjem profondità trinitarja – huwa infatti l-isem li bih jinqeda fil-kliem mal-Missier u tal-Missier, u b’mod speċjali fit-talb – jidwi fuq in-niket tal-passjoni s-sens tal-kliem tal-istituzzjoni tal-Ewkaristija. Ġesù, fis-sewwa, jiġi fil-Ġetsemani biex jirrivela mill-ġdid aspett tal-verità dwaru, iben, u dan jagħmlu b’mod speċjali permezz tal-kelma: Abbà. U din il-verità, din l-inawdita verità dwar Ġesù Kristu tikkonsisti fil-fatt li hu, «billi kien ugwali għall-Missier», bħala Iben konsustanzjali għall-Missier, huwa fl-istess ħin tassew bniedem. U infatti spiss isejjaħ lilu nnifsu «Bin il-bniedem». Qatt daqs fil-Ġetsemani ma timmanifesta ruħha r-realtà tal-Iben ta’ Alla, li «jassumi l-kondizzjoni ta’ qaddej» (cfr. Fil 2, 7) skont il-profezija ta’ Iżaija (cfr.   53).

It-talb fil-Ġetsemani, bħal u iktar minn kull talb ieħor ta’ Ġesù, jirrivela l-verità dwar l-identità, il-vokazzjoni u l-missjoni tal-Iben, li ġie fid-dinja biex iwettaq ir-rieda paterna ta’ Alla sal-aħħar, meta jgħid li «kollox huwa mitmum» (Ġw 19, 30).

Dan huwa mportanti għal dawk kollha li jidħlu biex jagħmlu parti mill-«iskola tat-talb» ta’ Kristu: u b’mod partikolari importanti għalina s-saċerdoti.

5. Mela Ġesù Kristu, L-Iben konsustanzjali, jippreżenta ruħu lill-Missier u jgħid «Abbà». U hekk hu, waqt li jimmanifesta b’mod li nistgħu ngħidu radikali l-kondizzjoni tiegħu ta’ veru bniedem, «Bin il-bniedem», huwa jitolbu it-tbegħid tal-kalci morr: «Missieri, jekk inhu possibbli, ħa jitbiegħed minni dan il-kalċi (Mt 26, 39; cfr. Mk 14, 36; Lq 22, 42).

Ġesù jaf li dan «mhux possibbli», li «il-kalċi» ingħatalu, sabiex «jixorbu» sal-aħħar qatra. Bdanakollu jgħid propju hekk: «Jekk inhu possoibbli, ħa jitbiegħed minni». Dan jgħidu propju fil-waqt li fih dak il-«kalċi», minnu mixtieq b’mod ferventi (cfr. Lq 22, 15), issa sar is-siġill sagramentali tal-patt il-ġdid u etern fid-demm tal-Ħaruf. Meta dan kollu li kien «stabbilit» sa mill-eternità, huwa issa «istitwit» b’mod sagramentali fiż-żmien: introdott fil-futur kollu tal-Knisja.

Ġesù, li fiċ-Ċenaklu opera din l-istituzzjoni, żgur li ma jridx jirrevoka r-realtà ippjanata mis-sagrament tal-Aħħar Ċena. Anzi, b’qalbu kollha huwa jixtieq it-twettiq tagħha. Jekk, minkejja kollox, huwa jitlob sabiex «jitbiegħed minnu dak il-kalċi, huwa juri b’dan il-mod quddiem Alla u quddiem il-bnedmin il-piż kollu tad-dmir li għandu jassumi: jieħu postna fl-espjazzjoni tad-dnub. Huwa juri wkoll l-immensità tat-tbatija li timla qalbu umana. B’dan il-mod Bin il-bniedem jirrivela ruħu solidali ma’ ħutu bniet u subien kollha li jagħmlu parti mill-familja kbira umana, sa mill-bidu sal-aħhar taż-żminijiet. It-tbatija hija  għall-bniedem il-ħażin – Ġesù Kristu fil-Ġetsemani jħossha bil-piż kollu tagħha, dak li jikkorrispondi mal-esperjenza komuni tagħna, mal-atteġġjament intern spontanju tagħna. Quddiem il-Missier huwa jibqà fil-verità kollha tal-umanità tiegħu, il-verità ta’ qalb umana magħfusa mit-tbatija, li waslet biex tilħaq il-quċċata drammatika tagħha: «Ruħi hija mnikkta għall-mewt» (Mk14, 34). Bdanakollu, ta’ din it-tbatija ta’ bniedem ħadd ma jistà jesprimi l-qies adegwat billi jinqeda bil-kriterji umani biss. Fil-Ġetsemani, infatti, min jitlob lill-Missier huwa bniedem, li fl-istess ħin huwa Alla, konsustanzjali mal-Missier.

6.Il-kliem tal-evanġelista: «Qiegħed nibda ninħakem minn dwejjaq u diqa tal-qalb» (Mt 26, 37), bħal ma wkoll juri l-iżvilupp kollu tat-talb fil-Ġetsemani, donnu jindika mhux biss il-biżà quddiem it-tbatija, imma wkoll il-biżà karatteristiku tal-bniedem, speċi ta’ biżà marbut mas-sens ta’ responsabiltà. Mhux il-bniedem dak l-esseri singolari, li l-vokazzjoni tiegħu hija li «jegħleb b’mod kostanti lilu nnifsu»?

Ġesù Kristu, «Bin il-bniedem», fit-talb li bih jagħti bidu għall-passjoni jesprimi  d-diqa tipika tar-responsabiltà, marbuta mal-assunzjoni ta dmirijiet li fihom il-bniedem irid «jegħleb lilu nnifsu».

Il-Vanġeli jfakkru iktar drabi li Ġesù kien jitlob, li anzi «kien jgħaddi l-iljieli fit-talb» (cfr. Lq 6, 12); imma ebda waħda minn dan it-talb ma kienet ippreżentata b’mod hekk profond bħal dik tal-Ġetsemani. Dan wieħed jistà jifhmu. Infatti ebda waqt ieħor fil-ħajja ta’ Ġesù ma kien hekk deċiżiv. Ebda talb ieħor ma kien jidħol b’mod hekk sħiħ f’dik li kellha tkun «l-aħħar siegħa tiegħu». Minn l-ebda siegħa oħra ta’ ħajtu daqs kemm minn din ma kien jiddependi t-twettiq tar-rieda tal-Missier, li «tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu uniġenitu, sabiex kull min jemmen fih ma jmutx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem» (Ġw 3, 16).

Meta Ġesù fil-Ġetsemani jgħid: «Imma mhux ir-rieda tiegħi imma tiegħek» (Lq 22, 42), huwa jirrivela l-verità tal-Missier u ta’ mħabbtu feddejja għall-bniedem. Ir- «rieda tal-Missier» hija preċiżament l-imħabba feddejja: il-fidwa tad-dinja trid isseħħ permezz tas-sagrifiċċju feddej tal-Iben. Huwa konċepibbli biżżejjed li Bin il-bniedem, waqt li jassumi dan id-dmir, juri fid-diskors tiegħu deċiżiv mal-Missier l-għarfien li hu għandu d-dimensjoni sovrumana ta’ tali dmir, li fiha huwa jwettaq ir-rieda tal-Missier fil-profondita divina tal-għaqda filjali miegħu.

«Wettaqt l-opra li bgħattni nagħmel» (cfr. Ġw 17, 4). L-evanġelista jgħid: «Maħkum mid-dwejjaq kien jitlob b’mod intens» (Lq 22, 44). U dan id-dwejjaq mortali wera ruħu wkoll bl-għaraq li, bħal qtar ta’ demm, kienu jirrigaw il-wiċċ ta’ Ġesù (cfr. Lq22, 44). Din hija l-espressjoni estrema ta’ tbatija li tittraduċi ruħha f’talb, u f’talb li, min-naħa tiegħu, jaf in-niket, waqt li jakkumpanja s-sagrifiċċju antiċipat sagramentalment fiċ-Ċenaklu, migħux b’mod profond fl-ispirtu tal-Ġetsemani u li wasal biex ikun ikkunsmat fuq il-Kalvarju.

Propju dwar dawn il-mumenti tat-talb saċerdotali u sagrifikali ta’ Ġesù nixtieq niġbed l-attenzjoni tagħkom, għeżież ħuti, fir-rigward tat-talb tagħna u ta’ ħajjitna.

II. It-talb fiċ-ċentru tal-eżistenza saċerdotali

7. Jekk fil-meditazzjoni tagħna ta’ Ħamis ix-Xirka din is-sena ngħaqqdu ċ-Ċenaklu mal-Ġetsemani, dan għandu jkun biex nifhmu kemm b’mod profond għandu jkun is-saċerdozju tagħna marbut mat-talb; radikat fit-talb.

L-affermazzjoni fis-sewwa ma titlobx dimostrazzjoni, imma pjuttost bżonn li tkun kontinwament ikkultivata bil-moħħ u bil-qalb, sabiex il-verità fiha miġbura tkun tistà tattwa ruħha dejjem b’mod iktar profond fil-ħajja.

Din infatti hija l-ħajja tagħna, tal-eżistenza saċerdotali nfisha, fl-għana kollha tagħha, miġbura qabel xejn fis-sejħa għas-saċerdozju, u mbagħad murija f’dak is-servizz tal-fidwa li minnha joħroġ.

Nafu li s-saċerdozju – sagramentali u ministerjali – huwa sehem speċjali tas-saċerdozju ta’ Kristu. Dan ma jeżistix mingħajru u barra minnu. Dan ma jiżviluppax u ma jagħmilx frott mingħajr ma jrabbi għeruqu fih. «Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn» (Ġw15, 5), qal Ġesù waqt l-Aħħar Ċena bħala konklużjoni tal-parabbola tad-dielja u l-friegħi.

Meta iktar tard waqt it-talb solitarju tiegħu fl-ort tal-Ġetsemani, Ġesù jmur fuq Pietru, Ġwanni u Ġakbu u jsibhom mitlufin fin-ngħas, huwa jqajjimhom u jgħidilhom: «Ishru u itolbu, biex ma taqgħux fit-tiġrib» (Mt 26, 41).

It-talb, mela, kellu jkun għall-appostli il-mod konkret u effikaċi biex jieħdu sehem fis- «siegħa ta’ Ġesù», biex irabbu għeruqhom fih u fil-ministeru paskwali tiegħu. Hekk dejjem se jkun għalina s-saċerdoti. Mingħajr it-talb insibu ruħna mhedda mill-periklu ta’ dak «it-tiġrib», li għalih l-appostli sfortunatament ċedew fil-waqt li fih sabu ruħhom wiċċ imb wiċċ mal-«iskandlu tas-salib» (cfr. Gal5, 11).

8. Fil-ħajja tagħna saċerdotali it-talb għandu varjetà ta’ forom u sinifikati, kemm dak personali kif ukoll dak komunitarju, kif ukoll dak liturġiku (pubbliku u uffiċċjali). Madankollu, fil-bażi ta’ dan it-talb multuniformi għandu jsib ruħu dejjem dak is-sies profondissmu, li jikkorrispondi mal-eżistenza saċerdotali tagħna fi Kristu, ġaladarba realiżazzjoni speċifika tal-istess eżistenza nisranija iktar wiesà – ta’ dik umana. It-talb, infatti, huwa l-espressjoni konnaturali tal-għarfien li konna maħluqin minn Alla, u wkoll iktar – bħal ma tinnota b’mod ċar il-Bibbja – li l-Ħallieq  immanifesta ruħu lill-bniedem bħala l-Alla tal-patt.

It-talb li jikkorrispondi mal-eżistenza saċerdotali tagħna, jifhem naturalment fih dak kollu li jirriżulta mill-fatt li aħna nsara, jew ukoll b’mod sempliċi mill-fatt li aħna bnedmin magħmulin «xbiha u xebħ» ta’ Alla. Din tinkludi, ukoll, il-kuxjenza tal-fatt tagħna li aħna bnedmin u nsara bħala saċerdoti. U dan donnu propju li nistgħu niskopru iktar pjenament f’Ħamis ix-Xirka, billi nmorru flimkien ma’ Kristu, wara l-Aħħar Ċena, fil-Ġetsemani. Hawn, infatti, aħna xhieda tat-talb tal-istess Ġesù, li mmedjatament jipproċiedi t-twettiq suprem tas-saċerdozju tiegħu permezz tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu fuq is-salib. Hu, «bħala sommu saċerdot tal-ġid futur . . ., daħal darba għal dejjem fis-santwarju . . . b’demmu stess» (Lh 9, 11-12). Infatti, jekk hu kien saċerdot sa mill-bidu tal-eżistenza tiegħu, «sar» bdanakollu b’mod sħiħ l-uniku saċerdot tal-patt il-ġdid u etern permezz tas-sagrifiċċju feddej, li kellu l-bidu tiegħu fil-Ġetsemani. Dan il-bidu seħħ f’kuntest ta’ talb.

9. Din hija għalina, għeżież ħuti, skoperta ta’ mportanza fundamentali f’Ħamis ix-Xirka, li b’mod ġust nikkunsidraw bħala l-jum tat-twelid tas-saċerdozju ministerjali tagħna fi Kristu. Fost il-kliem tal-istituzzjoni: «Dan huwa ġismi, li ingħata għalikom»; «Dan huwa l-kalċi tal-patt il-ġdid f’demmi, li se jixxerred għalikom» u t-twettiq effettiv ta’ dak li tali kliem jesprimi, hemm interpost it-talb tal-Ġetsemani. Mhuwiex forsi minnu li, fil-korsa tal-ġrajjiet paskwali, huwa dan li jwassal għar-realtà ukoll viżibbli, li s-sagrament ifisser u fl-istess ħin iġedded?

Is-saċerdozju, li sar il-wirt tagħna bis-saħħa ta’ sagrament magħqud b’mod hekk strett mal-Ewkaristija, huwa dejjem sejħa biex nipparteċipaw fl-istess realtà divina-umana, feddejja u redentriċi, li propju permezz tal-ministeru tagħna għandha dejjem twassal frott ġdid fl-istorja tal-fidwa: «Sabiex tmorru u ġgibu frott u l-frott tagħkom jibqà» (Ġw 15,1 6). Il-qaddis Kurat ta’Ars, li tiegħu s-sena l-oħra ċċelebrajna t-tieni ċentinarju mit-twelid tiegħu, jidhrilna propju bħala l-bniedem ta’ din is-sejħa, waqt li jqanqal fina wkoll l-għarfien. Fil-ħajja erojka tiegħu kien it-talb il-mezz li ppermettielu li jibqà b’mod kostanti fi Kristu, li «jishar» ma’ Kristu quddiem is-siegħa tiegħu». Din «is-siegħa» ma tiqafx tiddeċiedi dwar il-fidwa ta’ tant bnedmin, afdati għas-servizz saċerdotali u għall-kura pastorali ta’ kull presbiteru. Fil-ħajja ta’ Ġwanni Maria Vianney, din «is-siegħa» wettqet ruħha b’mod partikolari bis-servizz tiegħu fil-konfessjonarju.

10. It-talb fil-Ġetsemani huwa bħal ġebla tax-xewka, imqiegħda minn Kristu fil-bażi tas-servizz għall-kawża «afdata lilu mill-Missier» - fil-bażi tal-opra tiegħu tal-fidwa tad-dinja permezz tas-sagrifiċċju offrut fuq is-salib.

Parteċipi tas-saċerdozju ta’ Kristu, li huwa magħqud b’mod inseparabbli mas-sagrifiċċju tiegħu, ukoll aħna rridu nqiegħdu fil-bażi tal-eżistenza saċerdotali tagħna il-ġebla tax-xewka tat-talb. Din tippermettilna nintonaw l-eżistenza tagħna mas-servizz saċerdotali, waqt li nikkonservaw intatta l-identità u l-awtentiċità ta’ din il-vokazzjoni, li saret il-wirt speċjali tagħna fil-Knisja, bħala komunità tal-Poplu ta’ Alla.

It-talba saċerdotali, b’mod partikolari dik tal-Liturġija tas-Siegħat u tal-adorazzjoni ewkaristika, tgħinna qabel kollox biex nikkonservaw l-għarfien profond li, bħala «qaddejja ta’ Kristu», aħna b’mod speċjali u eċċezzjonali «amministraturi tal-misteri ta’ Alla» (1 Kor 4, 1). Ikun xi jkun id-dmir konkret tagħna, ikun xi jkun it-tip ta’ impenn li fih niżvolġu s-servizz pastorali, it-talb jassikuralna l-għarfien ta’ dawk il-misteri ta’ Alla, li tagħhom aħna «amministraturi», u jwasslu biex jesprimi ruħu fl-opri kollha tagħna.

Ukoll f’dan il-mod inkunu għall-bnedmin sinjal leġibbli ta’ Kristu u tal-Vanġelu tiegħu.

Għeżież ħuti! Għandna bżonn it-talb, talb profond u, f’ċertu sens, «organiku», biex nistgħu nkunu tali sinjal. «Minn dan kulħadd jagħraf li intom dixxipli tiegħi, jekk tħobbu lil xulxin» (Ġw 13, 35). Iva! Fl-aħħar minn l-aħħar din hija kwistjoni ta’ mħabba», ta’ mħabba «għall-oħrajn»; infatti li «tkunu», bħala saċerdoti, «amministraturi tal-misteri ta’ Alla», ifisser li tqiegħdu lilkom infuskom għad-dispożizzjoni tal-oħrajn u, hekk, tirrendu xhieda ta’ dik l-imħabba suprema li hi fi Kristu, ta’ dik l-imħabba li hi Alla nnifsu.

11. Jekk it-talba saċerdotali terġà tħeġġeġ tali għarfien u tali atteġġjament fil-ħajja ta’ kull wieħed minna, fl-istess ħin, skont il-«logika» ntima li nkunu amministraturi tal-misteri ta’ Alla, hija trid b’mod kostanti titwessa u testendihom għal dawk kollha li l-Missier tana» (cfr. Ġw 17, 6).

Huwa dan li jispikka b’mod ċar fit-talba saċerdotali ta’ Ġesù fiċ-Ċenaklu: «Għarraft ismek lill-bnedmin, li inti tajtni mid-dinja. Kienu tiegħek u tajthom lili, u huma osservaw kelmtek» (Ġw 17, 6).

Fuq l-eżempju ta’ Ġesù, is-saċerdot, «amministratur tal-misteri ta’ Alla», huwa hu stess, meta hu «għall-oħrajn». It-talb itih sensibilità partikolari lejn dawn l- «oħrajn», billi jirrendih attent għall-bżonnijiet tagħhom, għal ħajjithom u għad-destin tagħhom. It-talb jippermetti lis-saċerdot ukoll li jagħraf lil dawk «li l-Missier tah». Dawk huma, qabel kollox, dawk li jitqiegħdu mir-Ragħaj it-Tajjeb biex ngħidu hekk fil-mixja tas-servizz saċerdotali tiegħu, tal-kura pastorali tiegħu. Dawn huma t-tfal, il-kbar, l-anzjani. Huma ż-żgħażagħ, il-koppji miżżewġa, il-familji, imma wkoll il-persuni weħedhom. Huma l-morda, il-batuti, l-agonizzanti. Huma dawk li huma spiritwalment qrib, disposti għall-kollaborazzjoni apostolika, imma wkoll dawk imbegħda, dawk nieqsa, l-indifferenti, fi stat ta’ riflessjoni u ta’ riċerka. Dawk li huma bierda għal diversi raġunijiet, dawk li jinsabu f’nofs diffikultajiet ta’ natura differenti, dawk li jissieltu kontra l-vizzji u d-dnubiet, dawk bogħod għall-fidi u għat-tama. Dawk li jfittxu l-għajnuna tas-saċerdot u dawk li jwarrbuh.

Kif tkun «għal» dawn kollha - u «għal» kull wieħed u waħda minnhom – fuq il-mudell ta’ Kristu? Kif tkun «għal» dawk, li «il-Missier jagħti lilna», billi jafdahomlna bħala impenn? Din tagħna tkun dejjem prova ta’ mħabba, - prova li rridu naċċettaw, qabel kollox, fuq l-art tat-talb.

12. Ilkoll, għeżież ħuti, nafu sewwa li din il-prova «tiswa». Kemm jiswew kultant id-djalogi apparentement ordinarji mad-diversi persuni! Kemm jiswa s-servizz għall-kuxjenzi fil-konfessjonarju! Kemm tiswa l-konsiderazzjoni «għall-knejjes kollha» (cfr. 2 Kor 11, 28; «Sollicitudo omnium ecclesiarum»): dawn huma l- «knejjes domestiċi» (cfr.«Lumen Gentium», 11), jiġifieri l-familji fid-diffikiltajiet u l-kriżijiet attwali tagħhom; dawn huma kull-«tempju»  solitarju «tal-Ispirtu Santu» (1 Kor 6, 19): ta’ kull raġel u mara fid-dinjità umana u nisranija tagħhom; dawn huma, fl-aħħarnett, kull knisja-komunità bħall-paroċċa, li tibqà dejjem il-komunità fundamentali, jew inkella dawk il-gruppi, il-movimenti, l-assoċċjazzjonijiet, li  jservu t-tiġdid tal-bniedem u tas-soċjetà skont l-ispirtu tal-Vanġelu, illum fjorenti fuq l-art tal-Knisja u li lejhom għandna nkunu grati lejn l-Ispirtu Santu, li jqajjem tant inizjattivi sbieħ. Impenn simili għandu wkoll il-«prezz» tiegħu, li għandna nsostnu bl-għajnuna tat-talb.

It-talb huwa ndispensabbli biex iżomm is-sensibiltà pastorali lejn dak kollu li jiġi mill- «Ispirtu», biex «jiddixxerna» b’mod korrett u juża tajjeb dawk il-kariżmi, li jwasslu għall-għaqda u huma marbuta mas-servizz saċerdotali fil-Knisja. Infatti, huwa dmir tal-presbiteri «li jlaqqgħu l-Poplu ta’ Alla», mhux jifirduh. U huma jwettquh speċjalment bħala distributuri tal-Ewkaristija mqaddsa.

It-talb, għalhekk, jippermettilna, għalkemm fost ħafna kontrarjetà, li nagħtu dik il-prova ta’ mħabba li jmissha toffri l-ħajja ta’ kull bniedem – u dik tas-saċerdot b’mod speċjali. U meta donnu li tali prova tissupera l-forzi tagħna, niftakru dak li l-evanġelista jgħid dwar Ġesù fil-Ġetsemani: «Maħkum mill-biżà, kien jitlob b’iktar intensità» (Lq 22, 44).

13. Il-Konċilju Vatikan II jippreżenta l-ħajja tal-Knisja bħala pellegrinaġġ tal-fidi (cfr. «Lumen Gentium», 48 ss.). Kull wieħed minna, għeżież ħuti, minħabba l-vokazzjoni u l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu, għandu f’dan il-pellegrinaġġ parti speċjali. Aħna msejħin biex navanzaw billi niggwidaw lill-oħrajn, billi ngħinuhom fil-mixja tagħhom bħala ministri tar-Ragħaj it-Tajjeb. Bħala amministraturi tal-misteri ta’ Alla, irridu, mela, nippossiedu maturità ta’ fidi, adegwata għall-vokazzjoni tagħna u għal dmirijietna. Infatti, «dak li wieħed jitlob fl-amministraturi huwa li kull wieħed jirriżulta fidil» (1 Kor 4, 2), minn dak il-waqt li l-Mulej jafdalu l-wirt tiegħu.

Huwa tajjeb mela li, f’dan il-pellegrinaġġ tal-fidi, kull wieħed minna jiffissa ħarstu tar-ruħ fuq il-Verġni Marija, Omm Ġesù Kristu, Bin Alla. Hija infatti – kif jgħallem il-Konċilju waqt li jsegwi s-Santi Padri – tinsab «qabilna» f’dan il-pellegrinaġġ (cfr.«Lumen Gentium», 58) u toffrilna eżempju sublimi, li ppruvajt nenfasizza wkoll fl-enċiklika riċenti, ippubblikata in vista tas-Sena Marjana, li għaliha qegħdin inħejju ruħna.

Fiha, li hija l-Verġni Immakulata, aħna niskopru wkoll il-misteru ta’ dik il-fertilità soprannaturali bl-opra tal-Ispirtu Santu, li għaliha hija hi «figura» tal-Knisja.Infatti, il-Knisja, «issir hija wkoll omm, ladarba bil-predikazzjoni u l-magħmudija tiġgenera għal ħajja ġdida u immortali l-ulied, imnissla bl-opra tal-Ispirtu Santu u mwielda minn Alla» («Lumen Gentium», 64), skont ix-xhieda tal-appostlu Pawlu: «Uliedi, li jiena nwelled mill-ġdid fit-tbatija»  (Gal 4, 19); u hekk waqt li nbati bħal omm, li  «ssofri għaliex waslet is-siegħa tagħha; imma wara li tkun tat id-dawl lit-tarbija, ma tiftakarx aktar it-tbatija minħabba l-ferħ li jkun ġie fid-dinja bniedem» (Ġw 16, 21).

Din ix-xhieda forsi ma tmissx ukoll l-essenza tal-vokazzjoni speċjali tagħna fil-Knisja? Madankollu – ngħiduha din waqt li nikkonkludu -, sabiex ix-xhieda tal-Appostlu tkun tistà ssir ukoll tagħna, hemm bżonn li nerġgħu lura b’mod kostanti fiċ-Ċenaklu u fil-Ġetsemani,  u nerġgħu nsibu ċ-ċentru stess tas-saċerdozju tagħna fit-talb u permezz tat-talb  .

Meta, flimkien ma’ Kristu, insejħu:  «Abbà, Missier», allura «l-Ispirtu nnifsu jiċċertifika l-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla» (Rm8, 15-16).«Bl-istess mod ukoll l-Ispirtu jiġi jgħin id-dgħufija tagħna, għaliex aħna ma nafux linqas x’inhu konvenjenti li nitolbu imma l-Ispirtu nnifsu jinterċedi b’insistenza għalina, bi krib inesprimibbli; u dak li jeżamina l-qlub jaf x’inhuma x-xewqat tal-Ispirtu» (Rm 8, 26-27).

Ilqgħu, għeżież ħuti, it-tislima paskwali u l-bewsa tal-paċi f’Ġesù Kristu Sidna.

Mill-Vatikan, it-13 ta’ April tas-sena 1987, id-disà tal-Pontifikat.

ĠWANNI PAWLU II

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb