ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI
GĦAL ĦAMIS IX-XIRKA 1983

 

 

Għeżież Saċerdoti!

1. B’gost partikolari, fis-Sena tal-Ewkaristija,  nirritorna għall-appuntament annwali spiritwali fl-okkażjoni ta’ Ħamis ix-Xirka, il-jum tal-imħabba ta’ Kristu mbuttat « sat-tmiem » (cfr Ġw 13,1), il-jum tal-Ewkaristija, il-jum tas-saċerdozju tagħna.

Il-ħsieb tiegħi idur lejkom, saċerdoti, waqt li ngħaddi perijodu ta’ kura u ta’ rijabilitazzjoni fi sptar, marid fost il-morda, waqt li ngħaqqad fl-Ewkaristija t-tbatija tiegħi ma’ dik ta’ Kristu. F’dan l-ispirtu rrid nirrifletti magħkom dwar xi aspetti tal-ispiritwalità saċerdotali tagħna.

Dan se nagħmlu billi nħalli lili nnifsi niġi ggwidat mill-kliem tal-istituzzjoni ewkaristika, dak li ta’ kuljum inlissnu in persona Christi, biex nirrendu preżenti fuq l-altari tagħna s-sagrifiċċju mwettaq darba għal dejjem fuq il-Kalvarju. Minn dan il-kliem joħorġu indikazzjonijiet imdawla ta’ spiritwalità saċerdotali: jekk il-Knisja kollha tgħix mill-Ewkaristija, l-eżistenza saċerdotali għandu jkollha bħala titolu speċjali « forma ewkaristika ». Il-kliem tal-istituzzjoni tal-Ewkaristija għalhekk għandu jkun għalina mhux biss formula konsagratorja, imma « formula ta’ ħajja ».

Eżistenza profondament « grata »

2. « Tibi gratias agens benedixit... ». F’kull Quddiesa Mqaddsa nerġgħu niftakru u ngħixu l-ewwel sentiment espress minn Ġesù  fl-att tal-qsim tal-ħobż: dak tar-ringrazzjament. Ir-rikonoxxenza u l-atteġġjament li hemm fil-bażi nfisha tal-istess isem ta’ « Ewkaristija ». Ġo din l-espressjoni ta’ gratitudni tinġabar l-ispiritwalità bibblika kollha tat-tifħir għall-mirabilia Dei. Alla jħobbna, imur qabilna bil-Providenza tiegħu, jakkumpanjana b’interventi kontinwi ta’ fidwa.

Fl-Ewkaristija Ġesù jiżżi ħajr lill-Missier magħna u għalina. Kif jistà dan ir-ringrazzjament ta’ Ġesù ma jagħtix forma lill-ħajja tas-saċerdot? Huwa jaf li għandu jikkultiva ruħ grata b’mod kostanti għal tant doni riċevuti tul il-kors tal-eżistenza tiegħu: b’mod partikolari, għad-don tal-fidi, li tagħha huwa sar ħabbar, għal dak tas-saċerdozju li jikkonsagrah kollu kemm hu għas-servizz tas-Saltna ta’ Alla. Ilkoll għandna s-slaleb tagħna – u bla dubju maħniex l-uniċi li għandhom! – imma d-doni riċevuti huma hekk kbar li ma nistgħux ma nkantawx mill-qiegħ ta’ qalbna l-Magnificat tagħna.

Eżistenza « regalata »

3. « Accipite et manducate... Accipite et bibite... ». L-awto-donazzjoni ta’ Kristu, li għandha l-oriġini tagħha fil-ħajja trinitarja tal-Alla-Mħabba, tilħaq l-espressjoni tagħha l-iktar għolja fis-sagrifiċċju tas-Salib, li tiegħu l-Aħħar Ċena hija l-antiċipazzjoni sagramentali. Mhuwiex possibbli li wieħed jirrepeti l-kliem tal-konsagrazzjoni mingħajr ma jħossu nvolut f’dan il-moviment spiritwali. F’ċertu sens, jiġi wkoll minnu li s-saċerdot irid jitgħallem jgħid, bis-sewwa u b’ġenerożità: « ħudu u kulu ». Infatti, ħajtu jkollha sens jekk hu jaf jagħmel lilu nnifsu don, waqt li jqiegħed lilu nnifsu għad-dispożizzjoni tal-komunità u għas-servizz ta’ kull min ikun fil-bżonn.

Appuntu dan, Ġesù kien jistenna mill-Appostli tiegħu, bħal ma l-evanġelista Ġwanni jenfasizza waqt li jirrakkonta dwar il-ħasil tar-riġlejn. Dan ukoll il-Poplu ta’ Alla jistenna mis-saċerdot. Biex nirriflettu sewwa, l-ubbidjenza li għaliha hu mpenja ruħu fil-jum tal-Ordinazzjoni, u liema wegħda huwa mistieden biex  jikkonferma fil-Quddiesa kriżmali,  tingħaraf minn dan ir-rapport mal-Ewkaristija. Waqt li jobdi b’imħabba, waqt li saħansitra jirrinunzja għal spazji leġittimi ta’ libertà meta jkollu jaderixxi għad-dixxerniment awtorevoli tal-Isqfijiet, is-saċerdot jattwa propju f’laħmu dik il- « ħudu u kulu » li biha Kristu, fl-Aħħar Ċena, fada lilu nnifsu lill-Knisja.

Eżistenza « salvata » biex issalva

4. « Hoc est enim corpus meum quod pro vobis tradetur ». Il-ġisem u d-demm ta’ Kristu huma dati għall-fidwa tal-bniedem, tal-bniedem kollu u tal-bnedmin kollha. Din hija fidwa ntegrali u fl-istess ħin universali, għaliex mhemmx bniedem, għajr għal att liberu ta’ rifjut, li huwa eskluż mill-qawwa feddejja tad-demm ta’ Kristu: « quid pro vobis et pro multis effundetur ». Dan huwa sagrifiċċju offrut għal « ħafna », bħal ma jirrakkonta t-test bibbliku (Mk14,24; Mt 26,28; cfr Iż 53, 11-12) b’espressjoni tipika semitika li, waqt li tindika l-moltitudni milħuqa mill-fidwa mwettqa mill-uniku Kristu, tinvolvi fl-istess ħin it-totalità tal-esseri umani li għalihom kienet offruta: dan huwa demm « imxerred għalikom u għal kulħadd », bħalma diversi traduzzjonijiet leġittimament jesprimu. Il-ġisem ta’ Kristu huwa nfatti mogħti «għall-ħajja tad-dinja » (Ġw 6,51; cfr 1 Ġw 2,2).

Waqt li fis-silenzju miġbur tal-assemblea liturġika nirrepetu il-kliem venerabbli ta’ Kristu, aħna s-saċerdoti nsiru ħabbara privileġġjati ta’ dan il-misteru ta’ fidwa. Imma kif nistgħu nkunu dan b’mod effikaċi, mingħajr ma nħossu lilna nfusna salvati? Aħna l-ewwel nies li nintlaħqu fl-intimu tal-grazzja li, waqt li tgħollina mill-fraġilitajiet tagħna, iġġegħlna ngħajtu « Abba, Missier » bil-kunfidenza propja tal-ulied (cfr Gal 4,6; Rm 8,15). U dan jimpenjana biex navanzaw fil-mixja ta’ perfezzjoni. Il-qdusija, infatti, hija l-espressjoni sħiħa  tal-fidwa.  Bl-għixien ta’ mifdija biss, insiru ħabbara kredibbli tal-fidwa. Mill-banda l-oħra,  r-rieda ta’ Kristu li joffri l-fidwa lil kulħadd ma tistax ma  terġax tħeġġeġ f’ruħna l-fervur missjunarju, billi tixpruna lil kull wieħed minna biex jagħmel «kollox għal kulħadd, biex isalva akkost ta’ kollox lil xi ħadd  » (1 Kor 9,22).

Eżistenza « konxja »

5. « Hoc facite in meam commemorationem ». Dan il-kliem ta’ Ġesù kien ikkonservat barra minn Luqa (22,19), ukoll minn Pawlu (1 Kor 11,24). Il-kuntest li fih kien ippronunzjat – ikun tajjeb li nżommuh preżenti – huwa dak taċ-ċena paskwali, li għal-Lhud kienet appuntu « memorjal » (zikkarôn, bl-Ebrajk). F’dik iċ-ċirkustanza, l-Iżraeliti kienu jgħixu mill-ġdid qabel kollox l-Esodu, imma miegħu l-ġrajjiet l-oħra mportanti tal-istorja tagħhom: il-vokazzjoni ta’ Abraham, is-sagrifiċċju ta’ Iżakk, il-Patt tas-Sinaj, il-bosta interventi ta’ Alla fid-difiża tal-poplu tiegħu. Għall-insara wkoll l-Ewkaristija hija « memorjal », imma dan hu f’qies uniku: ma jfakkarx biss, imma jattwalizza sagramentalment il-mewt u l-qawmien mill-imwiet tal-Mulej.

Irrid barra minn hekk nenfasizza li Ġesù qal: « Agħmlu dan b’tifkira tiegħi ». L-Ewkaristija mela ma tfakkarx sempliċement fatt: tfakkar lilU! Għas-saċerdot li jtenni kuljum, in persona Christi, il-kliem tal-« memorjal » jikkostitwixxi stedina biex dak li jkun jiżviluppa « spiritwalità tat-tifkira ». Fi żmien li fih it-tibdil mgħaġġel kulturali u soċjali jbiegħed is-sens tat-tradizzjoni u jesponi b’mod speċjali l-ġenerazzjonijiet il-ġodda għar-riskju tat-telfien tar-rapport mal-għeruq tagħhom, is-saċerdot huwa msejjaħ biex ikun fil-komunità lilu fdatha, il-bniedem tat-tifkira fidila ta’ Kristu u tal-misteru kollu tiegħu: il-prefigurazzjoni tiegħu tat-Testment il-Qadim, l-attwazzjoni tiegħu tal-Ġdid, l-approfondiment progressiv, taħt il-gwida tal-Ispirtu, skont il-wegħda espliċita: « Huwa jgħallimkon kull ħaġa u jfakkarkom dak kollu li jiena għedtilkom » (Ġw 14,26).

Eżistenza  «kkonsagrata »

6. « Mysterium fidei! ». B’din l-esklamazzjoni s-saċerdot jesprimi, wara kull konsagrazzjoni tal-ħobż u tal-imbid, l-istagħġib dejjem imġedded għall-miraklu straordinarju li jkun twettaq bejn idejh. Dan huwa miraklu li l-għajnejn tal-fidi biss jistgħu josservaw. L-elementi naturali ma jitilfux il-karatteristiċi esterni tagħhom, ġaladarba l-« ispeċi » jibqgħu dawk tal-ħobż u tal-imbid; imma s-« sostanza » tagħhom, bil-qawwa tal-kelma ta’ Kristu u tal-azzjoni tal-Ispirtu Santu tinbidel fis-sustanza tal-ġisem u d-demm ta’ Kristu. Fuq l-altar huwa hekk « verament, realmente sostanzjalment » il-Kristu mejjet u rxuxtat fit-totalità tal-umanità u d-divinità tiegħu. Realtà eminentement sagra, mela! Għal dan il-Knisja ddawwar b’tant reverenza dan il-misteru, u b’mod  attent tgħasses biex ikunu osservati n-normi liturġiċi mqiegħda biex tipproteġi l-qdusija ta’ Sagrament hekk kbir.

Aħna s-saċerdoti aħna  ċ-ċelebranti, imma wkoll l-għassiesa ta’ dan il-Misteru sagrosant. Mir-rapport tagħna ma’ l-Ewkaristija tieħu s-sens tagħha l-iktar esiġenti wkoll il-kondizzjoni « sagra » ta’ ħajjitna. Hija trid tidher mill-mod kollu tagħna li aħna, imma qabel kollox mill-mod stess taċ-ċelebrazzjoni. Impoġġu minħabba f’dan ruħna fl-Iskola tal-Qaddisin! Is-Sena tal-Ewkaristija tistedinna biex niskopru mill-ġdid il-Qaddisin li xehdu b’qawwa partikolari d-devozzjoni lejn l-Ewkaristija (cfr Mane nobiscum Domine, 31). Tant saċerdoti beatifikati u kanonizzati taw, f’dan, xhieda eżemplari, waqt li qanqlu fervur fil-fidili preżenti għall-Quddies tagħhom. Bosta ddistingwew ruħhom għall-adorazzjoni ewkaristika mtawla. Meta nkunu quddiem Ġesù Ewkaristija, napprofittaw ruħna,  mis-« solitudinijiet » tagħna biex nimlewhom b’din il-Preżenza. Dan ifisser li nagħtu lill-konsagrazzjoni tagħna il-ħerqa kollha tal-intimità ma’ Kristu, li minnu nieħdu l-ferħ u s-sens ta’ ħajjitna.

Eżistenza mifruxa lejn Kristu

7. « Mortem tuam annuntiamus, Domine, et tuam resurrectionem confitemur, donec venias ». Kull darba li niċċelabraw l-Ewkaristija, it-tifkira ta’ Kristu fil-misteru paskwali tiegħu issir xewqa tal-laqgħa sħiħa u definittiva miegħU. Aħna ngħixu fl-istennija tal-miġja tiegħu! Fl-ispiritwalità saċerdotali din it-tensjoni għandha tkun migħuxa fil-forma propja tal-karità pastorali, li timpenjana biex ngħixu f’nofs il-Poplu ta’ Alla, biex norjentaw il-mixja u nżommu ħajja t-tama. Huwa dmir, dan, li jirrikjedi mis-saċerdot atteġġjament intern jixbaħ lil dak li l-Appostlu Pawlu kien jgħix fih innifsu: « Ninsa l-imgħoddi u mifrux lejn il-ġejjieni, niġri lejn id-destinazzjoni... » (Fil 3,13- 14). Is-saċerdot huwa wieħed li, minkejja l-mogħdija tas-snin, ikompli juri enerġija żagħżugħa, kważi  « billi  jinfetta » biha l-persuni li jiltaqà magħhom fil-mixja tiegħu. Is-sigriet tiegħu jinsab fil-« passjoni » li huwa jgħix għal Kristu. San Pawl kien jgħid: « Għalija l-għixien huwa Kristu » (Fil 1,21).

Fuq kollox fil-kuntest tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida, għas-saċerdoti n-nies, għandhom id-dritt li jduru fuqhom bit-tama li « jaraw » fihom Kristu (cfr Ġw 12,21). Iħossu l-bżonn b’mod speċjali ż-żgħażagħ, li Kristu jsejjaħ lejh biex jagħmilhom ħbiebu u biex jipproponi lil uħud minnhom id-donazzjoni sħiħa tagħhom infushom għall-kawża tas-Saltna. Zgur li l-vokazzjonijiet ma jonqsux, jekk ngħollu l-leħen tal-ħajja saċerdotali tagħna, jekk inkunu iktar qaddisin, iktar ferrieħa, iktar imħeġġa fl-eżerċizzju tal-ministeru tagħna. Saċerdot « mirbuħ » minn Kristu (cfr Fil 3,12) b’mod iktar faċli « jirbaħ » oħrajn għad-deċiżjoni li jiġru l-istess avventura.

Eżistenza « ewkaristika » fl-iskola ta’ Marija

8. Ir-rapport tal-Verġni Mqaddsa mal-Ewkaristija huwa tassew strett, bħal ma fakkart fl-Enċiklika Ecclesia de Eucharistia (cfr nn. 53-58). Ukoll fil-moderazzjoni tal-lingwaġġ liturġiku, kull Talba ewkaristika tenfasizza dan. Hekk fil-kanone Ruman ngħidu: « F’għaqda mal-Knisja kollha, niftakru u nqimu qabel xejn il-glorjuża u dejjem verġni Marija, Omm Alla u Mulej tagħna Ġesù Kristu ». Fit-Talbiet ewkaristiċi l-oħra, il-qima ssir supplika, bħal per eżempju fit-tieni Anafora: « Tina li jkollna sehem fil-ħajja eterna flimkien mal-Beata Marija, Verġni u Omm Alla ».

Waqt li nsistejt f’dawn is-snin, speċjalment fin- Novo millennio ineunte (cfr nn. 23 ss.) u fir-Rosarium Virginis Mariae (cfr nn. 9 ss.), dwar il-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Kristu,  jien indikajt lil Marija bħala l-għalliema l-kbira. Fl-Enċiklika dwar l-Ewkaristija imbagħad ippreżentajtha bħala «Mara ewkaristika» (cfr n. 53). Min iktar minn Marija jistà jġegħelna niggustaw il-kobor tal-Misteru ewkaristiku? Ħadd daqsha ma jistà jgħallimna b’liema fervur imissna niċċelebraw il-Misteri mqaddsa u kemm imissna nittrattjenu fil-kumpanija ta’ Binha moħbi taħt il-veli ewkaristiċi. Nitlobha, mela,  għalikom ilkoll, nafdalha b’mod speċjali lil dawk l-iktar anzjani, lill-morda, lil dawk li jinsabu f’diffikultà. F’dan il-Għid tas-Sena tal-Ewkaristija nieħu pjaċir nidwi mill-ġdid għal kull wieħed minnkom il-kelma ħelwa u rassiguranti ta’ Ġesù: « Hawn hi Ommok » (Ġw 19,27).

B’dawn is-sentimenti, imberikkom ilkoll, waqt li nawguralkom ferħ tal-Għid qawwi.

Mill-Polikliniku Ġemelli f’Ruma, 13 ta’ Marzu, il-ħames Ħadd tar-Randan tas-sena 2005, is-sebgħa u għoxrin sena tal-Pontifikat.

ĠWANNI PAWLU II

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb