ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI
GĦAL ĦAMIS IX-XIRKA 1979

 

 

Għalikom jien Isqof, magħkom jiena saċerdot

Għeżież Ħuti saċerdoti.

1. Fil-bidu tal-ministeru ġdid tiegħi fil-Knisja, inħoss b’mod profond il-bżonn li ndur lejkom, lejkom ilkoll mingħajr ebda eċċezzjoni, Saċerdoti kemm dijoċeżani kif ukoll reliġjużi, li intom ħuti bis-saħħa tas-sagrament tal-Ordni Sagri. Nixtieq sa mill-bidu nesprimi l-fidi tiegħi fil-vokazzjoni, li tgħaqqadkom mal-Isqfijiet tagħkom, f’komunjoni partikolari tas-sagrament u tal-ministeru, li permezz tagħha tedifika ruħha l-Knisja, ġisem mistiku ta’ Kristu. Lilkom ilkoll mela, li, bis-saħħa ta’ grazzja speċjali u  bis-saħħa ta’ donazzjoni singolari lis-Salvatur tagħna, tissaportu «il-piż tal-jum u s-sħana» (cfr. Mt 20,12), fost il-kuri multepliċi tas-servizz saċerdotali u pastorali, dortu fuq ħsiebi u qalbi sa mill-waqt li fih Kristu sejjaħli għal din il-Katedratra, li fuqha darba waħda San Pietru kellu b’ħajtu u b’mewtu, jwieġeb sal-aħħar għall-mistoqsija: «Tħobbni inti? Tħobbni iktar minn dawn...?» (cfr. Ġw 21,15ss).

Dwarkom naħseb bla naqtà, għalikom nitlob, magħkom infittex it-toroq tal-għaqda spiritwali u tal-kollaborazzjoni, għaliex, bis-saħħa tas-sagrament tal-Ordni Sagri, li ukoll jien irċivejt minn idejn l-Isqof tiegħi (il-metropolita ta’ Krakovja Kardinal Adam Stefano Sapieha, ta’ tifkira indimentikabbli), intom ħuti. Waqt li nadatta, mela, il-kliem magħruf ta’ Santu Wistin («Vobis enim sum episcopus, vobiscum sum christianus»: «Serm.» 340,1: PL 38, 1483), nixtieq illum ngħidilkom:  «Għalikom jien Isqof, magħkom jien saċerdot». Illum, infatti, hemm ċirkostanza partikolari li timbuttani biex nafdalkom xi ħsibijiet, li qed niġbor f’din l-Ittra: il-qrib ta’ Ħamis ix-Xirka. Din hija l-festa annwali tas-saċerdozju tagħna, li tgħaqqad il-Presbiterju kollu kemm hu ta’ kull dijoċeżi madwar l-Isqof tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni komuni tal-Ewkaristija. Huwa f’dan il-jum li s-saċerdoti kollha huma mistiedna biex iġeddu, quddiem l-Iqof tagħhom u flimkien miegħu, il-wegħdiet magħmula fil-waqt tal-Ordinazzjoni saċerdotali; u dan jippermetti li flimkien ma’ Ħuti fl-Episkopat, li nerġà nsib ruħi assoċjat f’għaqda speċjali u, speċjalment, li nerġà nsib ruħi fil-qalb stess tal-misteru ta’ Ġesù Kristu, li fih nieħdu sehem ilkoll.

Il-Konċilju Vatikan II, li b’mod tant espliċitu enfasizza l-kolleġġjalità tal-Episkopat fil-Knisja, ta wkoll forma ġdida lill-ħajja tal-komunitajiet saċerdotali, bejniethom magħqudin minn rabta speċjali ta’ fratellanza u uniti mal-Isqof ta’ kull Knisja partikolari. Il-ħajja kollha u l-ministeru saċerdotali iservu għall- approfondiment u għar-rafforziment ta’ din ir-rabta; responsabiltà partikolari, iżda, għad-diversi dmirijiet li jirrigwardaw din il-ħajja u l-ministeru jassumu, fost l-oħrajn, il-Pariri Presbiterjali, li, b’mod konformi mal-ħsieb tal-Konċilju u mal-Moto propju «Ecclesiae Sanctae» (I art. 15) ta’ Pawlu VI għandhom ikunu operanti f’kull dijoċesi. Dan kollu donnu li jasal li jagħmel iva li kull Isqof, f’għaqda mal-Presbiterju tiegħu, jistà jaqdi b’mod iktar effikaċi il-kawża l-kbira tal-evanġelizzazzjonii. Permezz ta’ dan is-servizz il-Knisja twettaq il-missjoni tagħha, anzi n-natura propja tagħha. Liema mportanza għandha hawn l-għaqda tas-Saċerdoti mal-Isqof tagħhom, hija kkonfermata mill-kliem ta’ Sant’Injazju ta’ Antijokja («Ep. ad Magnesios», VI,1): «Oqogħdu attenti li twettqu l-ħwejjeġ kollha f’armonija li togħġob lil Alla, taħt il-presidenza tal-Isqof li jirrapreżenta lil Alla, u mal-Presbiteri li jirrapreżentaw il-kulleġġ apostoliku, u mad-Djakni, għalija għeżież, li lilhom ġie afdat is-servizz ta’ Ġesù Kristu».

Tgħaqqadna l-imħabba ta’ Kristu u tal-Knisja

2. Mhix l-intenzjoni tiegħi li f’din l-Ittra niġbor dak kollu li jikkostitwixxi l-għana tal-ħajja u tal-ministeru saċerdotali. Minħabba dan qiegħed nirreferi, għat-tradizzjoni kollha tal-Maġisteru tal-Knisja u, b’mod partikolari, għad-duttrina tal-Konċilju Vatikan II, miġbura fid-diversi dokumenti tiegħu, b’mod speċjali fil-kostituzzjoni «Lumen Gentium» u fid-Digrieti «Presbyterorum Ordinis» u «Ad Gentes». Ningħaqad mill-ġdid, ukoll, mal-Enċiklika tal-predeċessur tiegħi Pawlu VI «Sacerdotalis Caelibatus». Fl-aħħarnett, feħsiebni nagħti mportanza kbira lid-dokument «De Sacerdotio ministeriali», li l-istess Pawlu VI approva, bħala frott tax-xogħlijiet tas-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1971, ladarba sab fih – għalkemm dik is-sessjoni tas-Sinodu, li kienet elaboratu, kellha karattru kunsultattiv – stqarrija ta’ mportanza essenzjali għal dak li jirrigwarda l-aspett speċifiku tal-ħajja u tal-ministeru saċerdotali fid-dinja kontemporanja.

Waqt li nirreferi għal dawn is-sorsi kollha, magħrufa minnkom, nixtieq fl-Ittra preżenti naċċenna biss għal xi punti, li jidhruli ta’ mportanza estrema f’dan il-waqt tal-istorja tal-Knisja u tad-dinja. Dan huwa kliem iddettat lili mill-imħabba għall-Knisja, li tkun kapaċi twettaq il-missjoni tagħha fir-rigward tad-dinja biss jekk – minkejja d-dgħufija kollha umana – iżżomm il-fedeltà tagħha lejn Kristu. Naf li qed nindirizza lil dawk, li għalihom biss hija mogħtija li-imħabba ta’ Kristu, b’vokazzjoni speċifika, li jingħataw għas-servizz tal-Knisja u, fil-Knisja, għas-servizz tal-bniedem, għas-soluzzjoni tal-problemi l-iktar importanti, b’mod speċjali ta’ dawk li jirrigwardaw is-salvazzjoni eterna tiegħu.

Ukoll jekk fil-bidu ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet tiegħi nirreferi għal bosta sorsi miktuba u għal dokumenti uffiċċjali, bdanakollu feħsiebni mpatti billi ndur b’mod speċjali fuq dak is-sors li hija l-imħabba komuni tagħna lejn Kristu u l-Knisja tiegħu, imħabba li titnissel mill-grazzja tal-vokazzjoni saċerdotali, imħabba li hija l-ikbar don tal-Ispirtu Santu (cfr. Rm 5,5; 1Kor 12,31; 13).

«Magħżul minn fost il-bnedmin... mibni favur il-bnedmin»

3. Il-Konċilju Vatikan II approfondixxa l-idea tas-saċerdozju, meta ppreżentah, fit-totalità tal-maġisteru tiegħu, bħala espressjoni tal-qawwiet interni, ta’ dawk id- «dinamiżmi» li permezz tagħhom tikkostitwixxi ruħha l-missjoni tal-Poplu kollu ta’ Alla fil-Knisja. Jinħtieġ li hawn nirreferi b’mod speċjali għall-kostituzzjoni «Lumen Gentium», billi naqra mill-ġdid attentament il-paragrafi rigwardanti. Il-missjoni tal-Poplu ta’ Alla tattwa ruħha permezz tas-sehem fl-uffiċċju u fil-missjoni tal-istess Ġesù Kristu, li – kif inhu magħruf –għandha dimensjoni tripla: din hija missjoni u uffiċċju ta’ Profeta, ta’ Saċerdot u ta’ Sultan. Waqt li nanalizzaw b’attenzjoni t-testi konċiljari, huwa ċar li hemm bżonn nitkellmu dwar dimensjoni tripla tas-servizz u tal-missjoni ta’ Kristu, pjuttost milli dwar tliet funzjonijiet differenti. Infatti, dawn huma bejniethom intimament marbutin, jispjegaw ruħhom b’mod reċiproku, jikkondizzjonaw ruħhom b’mod reċiproku u b’mod reċiproku jilluminaw ruħhom. Konsegwentement, hija minn l-għaqda tripla li tirriżulta l-parteċipazzjoni tagħna fil-missjoni u fl-uffiċċju ta’ Kristu. Bħala nsara, membri tal-Poplu ta’ Alla u, suċċessivament, bħala Saċerdoti, parteċipi tal-ordni ġerarkiku, niksbu l-bidu tagħna mit-totalità tal-missjoni u tal-uffiċċju tal-Imgħallem tagħna li huwa Profeta, Saċerdot u Sultan, biex nagħtuh xhieda partikolari fil-Knisja u quddiem id-dinja.

Is-saċerdozju li fih nieħdu sehem permezz tas-sagrament tal-Ordni Sagri, li ġie  «stampat» għal dejjem fi qlubna permezz ta’ sinjal partikolari ta’ Alla, jiġifieri l- «karattru», jibqà f’relazzjoni ċara mas-saċerdozju komuni tal-fidili, jiġifieri tal-imgħammdin kollha u, fl-istess ħin, jiddeferixxi minnu «essenzjalment, u mhux biss fil-grad» (Lumen Gentium, 10). B’tali mod, jakkwista sinifikat sħiħ il-kliem tal-awtur tal-Ittra lil-Lhud dwar is-saċerdot, li «magħżul fost il-bnedmin, jiġi kkostitwit favur il-bnedmin» (Lh 5,11).

F’dan il-punt, ikun aħjar li nerġgħu naqraw għal darb’oħra dan it-test klassiku konċiljari kollu, li jesprimi l-veritajiet fendamentali dwar it-tema tal-vokazzjoni tagħna fil-Knisja: «Kristu Mulej, Papa magħżul minn fost il-bnedmin (cfr. Lh 5,1-5), għamel mill-poplu l-ġdid "saltna u saċerdoti għal Alla u Missieru" (Ap 1,6; cfr. 5,9-10). Infatti, għar-riġenerazzjoni u d-dlik tal-Ispirtu Santu l-imgħammdin jiġu kkonsagrati biex jiffurmaw tempju spiritwali u saċerdozju qaddis, biex joffru, permezz tal-opri kollha tan-nisrani, sagrifiċċji spiritwali u biex jgħarrfu l-għeġubijiet ta’ Dak, li mid-dlamijiet sejħilhom għad-dawl tiegħu tal-għaġeb (cfr. 1Pt 2,4-10). Mela, id-dixxipli kollha ta’ Kristu, waqt li jipperseveraw fit-talb u waqt li flimkien ifaħħru lil Alla (cfr. At 2,42-47), joffru lilhom infushom bħala vittma ħajja, qaddisa,  li togħġob lil Alla (cfr. Rm 12,1), jagħtu kullimkien xhieda ta’ Kristu u, lil min jitlobha, jagħtu raġuni tat-tama tagħhom fil-ħajja eterna (cfr. 1Pt 3,15). Is-saċerdozju komuni tal-fidili u s-saċerdozju ministerjali jew ġerarkiku, għalavolja jiddeferixxu essenzjalment u mhux biss fil-grad, huma madankollu rranġati wieħed għall-ieħor, ġaladarba kemm wieħed kif ukoll l-ieħor, kull wieħed bil-mod propju tiegħu, jipparteċipaw fl-uniku saċerdozju ta’ Kristu. Is-saċerdot ministerjali, bil- qawwa sagra li biha huwa nvestit, jifforma u jmexxi l-poplu saċerdotali, iwettaq is-sagrifiċċju ewkaristiku fil-persuna ta’ Kristu u joffrih lil Alla f’isem il-poplu kollu; Il-fidili, bis-saħħa tas-saċerdozju regali tagħhom, jikkonkorru għall-oblazzjoni tal-Ewkaristija, u jeżerċitawh bir-riċeviment tas-sagramenti, bit-talb u bir-radd il-ħajr, bix-xhieda ta’ ħajja qaddisa, bid-dedikazzjoni u bil-karità operanti» (Lumen Gentium, 10).

Is-saċerdot, don ta’ Kristu lill-komunità

4. Hemm bżonn nikkunsidraw għal kollox mhux biss is-sinifikat tejoriku, imma wkoll dak essenzjali tar-«relazzjoni» mutwa, li teżisti bejn is-saċerdozju ġerarkiku u s-saċerdozju komuni tal-fidili, jekk huma jiddiferixxu bejniethom mhux biss ta’ grad imma wkoll ta’ essenza, jiġifieri huwa frott ta’ għana partikolari tal-istess saċerdozju ta’ Kristu, li huwa l-uniku ċentru u l-uniku sors kemm ta’ dik il-parteċipazzjoni li hija propja tal-imgħammdin kollha, kif ukoll ta’ dik il-parteċipazzjoni l-oħra, li għaliha dak li jkun jasal permezz ta’ sagrament distint, li huwa appuntu s-sagrament tal-Ordni Sagri. Dan is-sagrament, għeżież ħuti, għalina speċifiku, frott tal-grazzja speċifika tal-vokazzjoni u bażi tal-identità tagħna, bis-saħħa tal-istess natura tiegħu u ta’ dak kollu li huwa jipproduċi f’ħajjitna u attività, iservi biex il-fidili jintebħu bis-saċerdozju komuni tagħhom u biex jattwalizzawh (cfr. Ef 4,11-12): dan ifakkarhom li huma l-Poplu ta’ Alla u jwassalhom għall-«offerta ta’ dawk is-sagrifiċċji spiritwali» (cfr. 1Pt 2,5), li permezz tagħhom Kristu nnifsu jagħmel minna don etern lill-Missier (cfr. 1Pt 3,18). Dan iseħħ, qabel kollox, meta s-saċerdot «b’dik il-qawwa sagra li biha hu nvestit... iwettaq is-sagrifiċċju ewkaristiku fil- persuna ta’ Kristu («in persona Christi») u joffrih lil Alla f’isem il-poplu kollu» (cfr. Lumen Gentium, 10), bħal ma naqraw fl-imsemmi test konċiljari.

Is-saċerdozju sagramentali tagħna, mela, huwa saċerdozju «ġerarkiku» u fl-istess ħin «ministerjali». Jikkostitwixxi «ministerium» partikolari, jiġifieri huwa «servizz» fir-rigward tal-komunità ta’ dawk li jemmnu. Però, ma jikseb ebda oriġni minn din il-komunità, bħallikieku kienet hi li «ssejjaħ» jew «tikkonsinja». Din hija, fil-verità, don għal din il-komunità u tiġi minn Kristu nnifsu, mill-milja tas-saċerdozju. Tali milja ssib l-espressjoni tagħha fil-fatt li Kristu, waqt li jirrendi lil kulħadd idoneju biex joffri s-saġrifiċċju spiritwali, jsejjaħ lil uħud u jippermettilhom li jkunu ministri tas-sagrifiċċju sagramentali tiegħu, l-Ewkaristija, li għall-oblazzjoni tagħha jikkonkorru l-fidili kollha u li fiha jiġu mdaħħla s-sagrifiċċji spiritwali tal-Poplu ta’ Alla.

Konxji dwar din ir-realtà, nifhmu b’liema mod is-saċerdozju tagħna huwa «ġerarkiku», jiġifieri marbut mal-qawwa li niffurmaw u nmexxu l-poplu saċerdotali  (cfr. Lumen Gentium, 10), u propju minħabba dan «ministerjali». Nagħmlu dan l-uffiċċju, li permezz tiegħu Kristu nnifsu «serva» bla waqfien lill-Missier fl-opra tal-fidwa tagħna. L-eżistenza saċerdotali kollha tagħna hija u għandha tkun b’mod profond ispirata minn dan is-servizz, jekk irridu nwettqu b’mod adegwat is-sagrifiċċju ewkaristiku «in persona Christi».

Is-saċerdozju jitlob integrità partikolari ta’ ħajja u ta’ servizz, u appuntu tali ntegrità tixraq bil-kbir lill-identità saċerdotali tagħna. Fiha nesprimu, fl-istess ħin, il-kobor tad-dinjità tagħna u d-«disponibilità» magħha mqabbla: din hija l-prontezza umli biex naċċettaw id-doni tal-Ispirtu Santu u biex nifirxu fost l-oħrajn il-frott tal-imħabba u tal-paċi, biex nirregalawlhom dik iċ-ċertezza tal-fidi, li minnha joħorġu l-fehim profond tas-sens tal-eżistenza umana u l-kapaċità li nintroduċu l-ordni morali fil-ħajja tal-individwi u tal-ambjenti umani.

Ġaladarba s-saċerdozju huwa mogħti lilna biex naqdu bla waqfien lill-oħrajn, bħal ma kien jagħmel Kristu l-Mulej, ma nistgħux għalih nirrinunzjaw minħabba d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom u mis-sagrifiċċji mitluba lilna. Bl-istess mod tal-Appostli, «aħna ħallejna kollox biex insegwu lil Kristu» (cfr. Mt 19,27); hemm bżonn, għalhekk, li nipperseveraw maġembu ukoll permezz tas-salib.

Għas-servizz tar-Ragħaj it-Tajjeb

5. Waqt li qed nikteb, jippreżentaw ruħhom quddiem il-ħarsa ta’ ruħi is-setturi l-iktar wiesà u differenti tal-ħajja tal-bnedmin, li għalihom, għeżież ħuti, intom mistiedna bħala ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej (cfr. Mt 20,1-16). Imma għalikom jgħodd ukoll il-paragun tal-merħla (cfr. Ġw10,1-16), ladarba, grazzi għall-karattru saċerdotali, tieħdu sehem fil-kariżma pastorali, li hija sinjal ta’ relazzjoni ta’ xebħ speċifiku ma’ Kristu, Ragħaj it-Tajjeb. Intom b’mod speċjali mżejna b’din il-kwalifika, b’mod kollu kemm hu speċjali. Għalkemm l-urġenza għall-fidwa tal-oħrajn hija u għandha tkun dmir ta’ kull membru tal-komunità l-kbira tal-Poplu ta’ Alla, jiġifieri wkoll tal-aħwa irġiel u nisa lajċi kollha – bħal ma ddikjara b’mod hekk wiesà l-Konċilju Vatikan II (Lumen Gentium, kap. II) – bdanakollu minnkom Saċerdoti jistennew urġenza u impenn kbar sewwa u differenti minn dawk ta’ kull lajk; u dan għaliex is-sehem tagħkom fis-saċerdozju ta’ Ġesù Kristu jiddeferixxi mis-sehem tagħhom «essenzjalment, u mhux biss fi grad» (Lumen Gentium, 10).

Infatti, is-saċerdozju ta’ Ġesù Kristu huwa l-ewwel sors u l-espressjoni ta’ urġenza inċessanti u dejjem effikaċi għas-salvazzjoni tagħna, li tippermettilna li nħarsu lejh bħala r-Ragħaj it-Tajjeb. Il-kliem «Ir-ragħaj it-tajjeb joffri ħajtu għan-nagħaġ tiegħu» (Ġw 10,11) ma jirreferix forsi għas-sagrifiċċju tas-salib, għall-att definittiv tas-saċerdozju ta’ Kristu? Ma jindikax forsi għalina lkoll, li Kristu l-Mulej, permezz tas-sagrament tal-Ordni Sagri, irrenda parteċipi tas-Saċerdozju tiegħu, it-triq li wkoll aħna irridu nivvjaġġaw? Dan il-kliem ma jgħidilniex forsi li l-vokazzjoni tagħna hija urġenza singolari għas-salvazzjoni tal-proxxmu tagħna? Li din l-urġenza hija raġuni partikolari tal-eżistenza tal-ħajja saċerdotali tagħna? Li propju hi ttiha sens, u li biss permezz tagħha nistgħu nsibu mill-ġdid is-sinifikat sħiħ tal-ħajja propja tagħna, il-perfezzjoni tagħna, il-qdusija tagħna? Din it-tema tiġi ttrattata mill-ġdid, f’partijiet varji, fid-Digriet konċiljari «Optatam Totius» (cfr. nn. 8-11; 19ss).

Din il-problema, madankollu, issir iktar tiftiehem fid-dawl tal-kliem tal-istess Mgħallem tagħna, li jgħid: «Min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu minħabba fija u l-Vanġelu, isalvaha» (Mk 8,35). Dan, huwa, kliem misterjuż, u donnu paradoss. Imma ma jibqax misterjuż, jekk infittxu li npoġġuh fil-prattika. Allura l-paradoss jgħib, u tirrivela ruħha għal kollox is-sempliċità profonda tas-sinifikat tiegħu. Jalla tingħatalna din il-grazzja f’ħajjitna saċerdotali u fis-servizz sħiħ tagħna ta’ żelu.

«Arti tal-arti hija l-gwida tal-erwieħ»

6. L-urġenza partikolari għas-salvazzjoni tal-oħrajn, għall-verità, għall-imħabba u l-qdusija tal-Poplu kollu ta’ Alla, għall-għaqda spiritwali tal-Knisja, li kienet afdata lilna minn Kristu flimkien mal-qawwa saċerdotali, tesprimi ruħha f’modi differenti. Differenti bla dubju huma t-toroq li tulhom, għeżież ħuti, twettqu l-vokazzjoni saċerdotali tagħkom. Uħud fil-pastorali ordinarja parrokkjali; oħrajn fl-artijiet tal-missjoni; oħrajn, ukoll, fil-qasam tal-attivitajiet marbutin mat-tagħlim, mal-istruzzjoni u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, waqt li jaħdmu fl-ambjenti u fl-organizzazzjonijiet , u waqt li jakkumpanjaw l-iżvilupp tal-ħajja soċjali u kulturali; oħrajn fl-aħħarnett, maġemb il-batuti, mal-morda, mal-abbandunati; kultant, intom stess, imwaħħlin ma’ sodda ta’ tbatija. Diversi huma dawn it-toroq, u huwa saħansitra impossibbli ssemmihom kollha b’mod singolari. Neċessarjament dawn huma numerużi u differenzjati, għaliex varja hija l-istruttura tal-ħajja umana, tal-proċessi soċjali, tat-tradizzjonijiet storiċi u tal-patrimonju tad-diversi kulturi u ċiviltajiet. Madankollu, f’dawn id-differenzjazzjonijiet kollha, intom dejjem u kullimkien portaturi tal-vokazzjoni partikolari tagħkom: intom portaturi tal-grazzja ta’ Kristu, Saċerdot etern, u tal-kariżma tar-Ragħaj it-Tajjeb. U dan ma tistgħu qatt tinsewh; għal dan ma tistgħu qatt tirrinunzjaw; dan tridu f’kull ħin u f’kull post u b’kull mod tattwawh. F’dan tikkonsisti dik l-«arti tal-arti», li għaliha Ġesù Kristu sejħilkom. «Arti tal-arti hija l-gwida tal-erwieħ», kien jikteb San Girgor il-Kbir («Regula pastoralis» I, 1: PL 77, 14).

Ngħidilkom, mela, waqt li nagħmel tiegħi dan il-kliem tiegħu: sfurzaw li tkunu «artisti» tal-pastorali. Kien hemm bosta fl-istorja tal-Knisja. Hemm bżonn nelenkawhom? Għal kull wieħed minna jitkellmu, per eżempju, San Vinċenz de Paule, San Ġwann ta’ Avila, il-qaddis Kurat ta’ Ars, San Ġwann Bosco, il-Beatu illum San) Massimiljanu Kolbe, u tant u tant oħrajn. Kull wieħed minnhom kien differenti mill-oħrajn u kien «aġġornat» skont żminijietu. Imma dan l- «aġġornament» ta’ kull wieħed kien tweġiba oriġinali għall-Vanġelu, tweġiba meħtieġa propju għal dawk iż-żminijiet, kienet it-tweġiba tal-qdusija u taż-żelu. Mhemmx regola oħra ‘il barra minn din biex «naġġornaw ruħna», f’ħajjitna u fl-attività saċerdotali, fi żminijietna u għall-attwalità tad-dinja. Bla dubju, ma jistgħux jitqiesu bħala «aġġornament» adegwat it-tentattivi u proġetti varji ta’ «lajċizzazzjoni» tal-ħajja saċerdotali.

Distributur u xhud

7. Il-ħajja saċerdotali hija mibnija fuq is-sies tas-sagrament tal-Ordni Sagri, li jistampa f’ruħna is-sinjal ta’ karattru ndelibbli. Dan is-sinjal, stampat fil-qiegħ tal-esseri uman tagħna, għad-dinamika tiegħu «personalistika». Il-personalità saċerdotali għandha tkun għall-oħrajn sinjal ċar u luċidu u indikazzjoni. Hija, din l-ewwel kundizzjoni tas-servizz tagħna pastorali. Il-bnedmin, li minn fosthom aħna magħżula u għal min niġu mħejjija (cfr. Lh 5,1), iridu qabel kollox jaraw fina tali sinjal u tali ndikazzjoni, u għal dan għandhom dritt. Dan kultant jistà jidhrilna li ma jriduhx, jew li jixtiequ li nkunu f’kollox «bħalhom»; kuiltant saħansitra donnhom li jesiġuh minna. U hawn huwa propju meħtieġ «sens ta’ fidi» profond u  «id-don tad-dixxerniment». Infatti, huwa ferm faċli li nħallu lilna nfusna niġu ggwidati mill-apparenzi u nsiru vittmi ta’ illużjoni fundamentali. Dawk li qegħdin jitolbu l-lajċizzazzjoni tal-ħajja saċerdotali u li japprovaw il-manifestazzjonijiet vojta tagħha, bla dubju se jitilquna, meta naqgħu għat-tentazzjoni; u allura ma nibqgħux meħtieġa u popolari. L-epoka tagħna hija kkaratterizzata minn diversi forom ta’ «manipulazzjoni» u ta’ «strumentalizzazzjoni» tal-bniedem, imma aħna ma nistgħu nċedu għall-ebda waħda minnhom («Ma nilludux ruħna li naqdu l-Vanġelu jekk nippruvaw "inċekknu" l-kariżma saċerdotali tagħna permezz ta’ nteress esaġerat fil-qasam vast tal-problemi temporali, kemm-il darba nixtiequ  "nillaċizzaw" il-mod tal-għixien u tal-aġir tagħna, kemm-il darba nħassru wkoll is-sinjali esterni tal-vokazzjoni saċerdotali tagħna. Hemm bżonn nikkonservaw is-sens tal-vokazzjoni singolari tagħna, u tali "singolarità" għandha tesprimi ruħha wkoll fil- libsa esterna tagħna. Ejjew ma nistħux! Iva, ninsabu fid-dinja! Imma m’aħniex tad-dinja!»: Ġwanni Pawlu II, «Diskors lill-Kleru ta’ Ruma», n. 3,9 novembru 1978). Fl-aħħarnett, se jirriżulta dejjem iktar meħtieġ għall-bnedmin is-saċerdot biss li jkun konxju tas-sens sħiħ tas-saċerdozju tiegħu: is-saċerdot li jemmen b’mod profond, li jipprofessa b’kuraġġ il-fidi tiegħu, li jitlob b’fervur, li jgħallem b’konvinzjoni profonda, li jaqdi, li jattwa f’ħajtu l-programm tal-Beatitudni, li jaf iħobb b’mod diżinteressat, li huwa qrib kulħadd u, b’mod partikolari, għal dawk fil-bżonn.

L-attività pastorali tagħna tesiġi li nkunu qrib il-bnedmin u l-problemi kollha tagħhom, kemm dawk personali u familjari, kif ukoll dawk soċjali, imma tesiġi wkoll li nkunu qrib dawn il-problemi «bħala saċerdoti». Hemm biss, fl-isfera ta’ dawk il-problemi kollha, nibqgħu dak li tassew aħna. Kemm-il darba mela naqdu verament dawk il-problemi umani, kultant diffiċli ħafna, allura nikkonservaw l-identità tagħna u nkunu tassew fidili għall-vokazzjoni tagħna.

Hemm bżonn li nfittxu b’intwizzjoni kbira, flimkien mal-bnedmin kollha, il-verità u l-ġustizzja, li d-dimensjoni vera u definittiva tagħha ma nistgħux insibuha għajr fil-Vanġelu, anzi, fi Kristu nnifsu. Dmirna huwa li naqdu l-verità u l-ġustizzja fid-dimensjonijiet tat-«temporalità» umana, imma dejjem fi prospettiva li tkun dik tas-salvazzjoni eterna. Din tqis ir-rebħiet temporali tal-ispirtu uman fl-isfera tal-għarfien tal-morali, bħal ma fakkar b’mod meraviljuż il-Konċilju Vatikan II (cfr. Gaudium et Spes, 38-42), imma ma jidentifikax ruħu magħhom u, fir-realtà, jissuperahom: «Dawk il-ħwejjeġ li għajn ma ratx, linqas widna ma semgħet... dawn ħejja Alla għal dawk li jħobbuh» (1Kor 2,9). Il-bnedmin ħutna fil-fidi u wkoll dawk li ma jemmnux jistennew minna li nkunu dejjem kapaċi li nindikawlhom din il-prospettiva, li nsiru xhieda awtentiċi tagħha, li nkunu distributuri tal-grazzja, li nkunu qaddejja tal-Kelma ta’ Alla. Jistennew li nkunu bnedmin tat-talb.

Hemm f’nofsna wkoll dawk li għaqqdu l-vokazzjoni saċerdotali tagħhom, b’mod speċjali, ma’ ħajja intensa ta’ talb u ta’ penitenza fil-forma strettament kontemplattiva tal-Ordnijiet Reliġjużi rispettivi. Jiftakru huma li l-ministeru saċerdotali tagħhom ukoll f’din il-forma huwa – b’mod partikolari - «metodiku» mal-urġenza kbira tar-Ragħaj it-Tajjeb, li hija l-urġenza tas-salvazzjoni ta’ kull bniedem. U dan hemm bżonn li niftakruh ilkoll: li għal ħadd minna mhu leċitu li nimmeritaw l-isem ta’ «merċenarju», jiġifieri «li n-nagħaġ mhumiex tiegħu», ta’ wieħed «li jara ġej il-lupu, jitlaq in-nagħaġ u jaħrab, u l-lupu jħarbathom u jferrixhom; dak huwa merċenerju u ma jimpurtahx min-nagħaġ» (Ġw 10,12ss). L-urġenza ta’ kull Ragħaj it-Tajjeb hija li l-bnedmin kollha «ikollhom il-ħajja u jkollhom minnha bl-abbundanza» (Ġw 10,10), sabiex ħadd minnhom ma jintilef (cfr. Ġw17,12), imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem, ejjew iva nħallu li din l-urġenza tippenetra b’mod profond f’ruħna: ejjew infittxu li ngħixuha. Li hi tikkaratterizza l-personalità tagħna, u tkun il-bażi tal-identità saċerdotali tagħna.

Is-Sinifikat taċ-ċelibat

8. Ippermettuli li hawn inmiss il-problema taċ-ċelibat saċerdotali. Se nitrattaha b’mod sintetiku, għaliex diġa ttrattajnieha b’mod profond u sħiħ matul il-Konċilju u, wara, fl-Enċiklika «Sacerdotalis Caelibatus», u mill-ġdid waqt is-sessjoni ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1971. Tali riflessjoni dehret meħtieġa kemm biex nippreżentaw il-problema b’mod iktar matur, kif ukoll biex nimmotivaw b’mod ferm iktar profond is-sens tad-deċiżjoni, li l-Knisja Latina ħadet tul tant sekli u li lejha fittxet li tkun fidila, waqt li tixtieq li żżomm ukoll fil-ġejjieni din il-fedeltà. L-importanza tal-problema in kwestjoni hija hekk gravi u r-rabta tagħha mal-lingwaġġ tal-istess Vanġelu hekk stretta, li ma nistgħux f’dan il-każ naħsbu b’kategoriji differenti minn dawk li nqdew bihom il-Konċilju, is-Sinodu tal-Isqfijiet u l-istess kbir Papa Pawlu VI. Nistgħu biss infittxu li nifhmu din il-problema b’mod iktar profond u li nwieġbu għaliha b’mod iktar matur, waqt li nilliberaw rwieħna kemm mill-oġġezzjonijiet differenti, li dejjem – tqajmu kontra ċ-ċelibat saċerdotali, kif ukoll mill-interpretazzjonijiet differenti li jirreferu għall-ktiterji barramin għall-Vanġelu, għat-Tradizzjoni u għall-Maġisteru tal-Knisja; kriterji, aħna nżidu, li l-eżattezza u l-fondatezza tagħhom «antropoloġika» jirrivelaw ruħhom tassew dubji u ta’ valur relattiv.

Mill-bqija, m’għandniex għalfejn nistagħġbu wisq dwar dawn l-oġġezzjonijiet u kritiki li, tul il-perijodu post-konċiljari, intensifikaw ruħhom u li ‘l hawn u ‘l hinn donnu li llum kull ma jmur qegħdin jiżdiedu. Ġesù Kristu wara li kien ippreżenta lid-dixxipli l-kustjoni taċ-ċaħda għaż-żwieġ «għas-saltna tas-smewwiet», ma kienx jewwilla żied dak il-kliem sinifikattiv: «Min jistà jifhem, ħalli jifhem» (Mt 19,12)? Il-Knisja Latina riedet u għadha trid, waqt li tirreferi għall-eżempju tal-istess Kristu Mulej, għat-tagħlim apostolikui u għat-tradizzjoni kollha li hija propja għaliha, li dawk kollha li jirċievu s-sagrament tal-Ordni Sagri iħaddnu din iċ-ċaħda għas-saltna tas-smewwiet. Din it-tradizzjoni, però, hija magħquda mar-rispett lejn it-tradizzjonijiet differenti ta’ Knejjes oħra. Infatti, din tikkostitwixxi karatteristika, speċifiċità, wirt tal-Knisja kattolika Latina, li lejha din taf bosta u li fiha hija deċiża li tippersevera, minkejja d-diffikultajiet kollha, li għalihom tali fedeltà tistà tkun esposta, u minkejja wkoll is-sintomi differenti ta’ dgħufija u ta’ kriżi tas-Saċerdoti individwalment. Ilkoll aħna konxji li «għandna dan it-teżor f’vażuni tal-fuħħar» (cfr. 2Cor 4,7); madankollu nafu tajjeb li dan huwa appuntu teżor.

Għaliex teżor? Irridu b’dan forsi nċekknu l-valur taż-żwieġ u tal-ħajja familjari: Inkella nċedu għad-disprezz manikew għall-ġisem uman u l-funzjonijiet tiegħu? Irridu forsi b’xi mod niddisprezzaw l-imħabba, li tmexxi lir-raġel u lill-mara għaż-żwieġ u għall-għaqda konjugali tal-ġisem, biex hekk jiffurmaw «ġisem wieħed» (Ġen 2,24; Mt 19,6)? Kif nistgħu naħsbu u nirraġunaw b’tali mod, jekk nafu, nemmnu u nxandru, waqt li nsegwu lil San Pawl, li ż-żwieġ huwa «misteru kbir» b’referenza għal Kristu u għall-Knisja? (cfr. Ef 5,32). Ebda wieħed, però, mill-mottivi li bihom kultant infittxu li «nikkonvinċu lilna nfusna» dwar l-inopportunità taċ-ċelibat ma tikkorrispondi mal-verità li l-Knisja xxandar u li tfittex li twettaq fil-ħajja permezz tal-impenn, li għalih jobligaw lilhom infushom is-Saċerdoti qabel is-sagra Ordinazzjoni. Il-mottiv, iżda, essenzjali, propju u adegwat huwa miġbur fil-verità li Kristu iddikjara, waqt li tkellem dwar iċ-ċaħda għaż-żwieġ għas-saltna tas-smewwiet, u li San Pawl xandar, waqt li kiteb li kull wieħed fil-Knisja għandu d-don propju (cfr. 1Kor 7,7). Iċ-ċelibat huwa appuntu «don tal-Ispirtu». Don simili, għalkemm differenti huwa nkluż fil-vokazzjoni għall-imħabba konjugali vera u fidila, diretta għall-prokrejazzjoni skont il-ġisem, fil-kuntest hekk kbir tas-sagrament taż-żwieġ. Huwa magħruf kif dan id-don huwa fundamentali biex tinbena l-komunità kbira tal-Knisja, Poplu ta’ Alla. Kemm-il darba però din il-komunità trid twieġeb b’mod sħiħ għall-vokazzjoni tagħha f’Ġesù Kristu, ikun meħtieg li fiha jitwettaq, fi proporzjon adegwat, ukoll dak id-«don» l-ieħor, id-don taċ-ċelibat «għas-saltna tas-smewwiet» (Mt 19,12).

Għal liema raġuni l-Knisja kattolika Latina torbot dan id-don mhux biss mal-ħajja tal-persuni li jaċċettaw il-programm strett tal-pariri evanġeliċi fl-Istituti Reliġjużi, imma wkoll mal-vokazzjoni għas-saċerdozja fl-istess ħin ġerarkiku u ministerjali? Dan tagħmlu għaliex iċ-ċelibat «għas-saltna» mhuwiex biss sinjal eskatoloġiku, imma għandu wkoll sinifikat kbir soċjali, fil-ħajja preżenti, għas-servizz tal-Poplu ta’ Alla. Is-saċerdot, permezz taċ-ċelibat tiegħu, isir il-«bniedem għall-oħrajn», b’mod differenti milli jsir wieħed li, waqt li jorbot lilu nnifsu f’għaqda konjugali ma’ mara, isir hu wkoll, bħala żewġha u missier, «bniedem għall-oħrajn» b’mod speċjali fir-raġġ tal-familja propja: għal martu, u fl-istess ħin għall-ulied, li lilhom jagħti l-ħajja. Is-Saċerdot, waqt li jiċċaħħad minn din il-paternità li hija propja tal-miżżewġin, ifittex paternità oħra u kważi saħansitra maternità oħra, waqt li jiftakar il-kliem tal-Appostlu dwar l-ulied li hu jiġġenera fit-tbatija (cfr. 1Kor 4,15; Gal 4,19). Dawn huma l-ulied tal-ispirtu tiegħu, bnedmin afdati mir-Ragħaj it-Tajjeb għall-urġenza tiegħu. Dawn il-bnedmin huma bosta, iktar numerużi minn kemm tistà tħaddan sempliċi familja umana. Il-vokazzjoni pastorali tas-Saċerdoti hija kbira u l-Konċilju jgħallem li hija universali: din hija diretta lejn il-Knisja kollha (cfr. Presbyterorum Ordinis, 3, 6, 10, 12) u, allura, hija wkoll missjunarja. Normalment, din hija marbuta mas-servizz ta’ komunità speċifika tal-Poplu ta’ Alla, li fiha kull wieħed jistenna b’attenzjoni, premura u mħabba. Il-qalb tas-Saċerdot, biex tkun disponibbli għal tali servizz, għal tali urġenza u mħabba, trid tkun libera. Iċ-ċelibat huwa sinjal ta’ libertà, li hija għas-servizz. Bis-saħħa ta’ dan is-sinjal is-saċerdozju ġerarkiku, biex inkunu eżatti  «ministerjali», huwa – skont it-tradizzjoni tal-Knisja tagħna – iktar b’mod  strett «ordnat» għas-saċerdozju komuni tal-fidili.

Prova u responsabiltà

9. Frott ta’  ambigwità – jekk mhux propju ta’ malafidi – hija l-opinjoni spiss imxerrda, li skontha ċ-ċelibat saċerdotali fil-Knisja Kattolika huwa sempliċement istituzzjoni mposta b’liġi fuq dawk li jirċievu s-sagrament tal-Ordni Sagri.

Ilkoll nafu li dan mhux hekk. Kull nisrani li jirċievi s-sagrament tal-Ordni Sagri jimpenja ruħu għaċ-ċelibat b’kuxjenza u libertà sħiħa, wara tħajjija pluriennali, riflessjoni profonda u talb frekwenti. Huwa jieħu d-deċiżjoni għal ħajja fiċ-ċelibat biss wara li jkun wasal għall-konvinzjoni soda li Kristu jagħtih dan id-«don» għall-ġid tal-Knisja u għas-servizz tal-oħrajn. Hemm biss huwa jimpenja ruħu li josservah ħajtu kollha. Hija ħaġa ovvja li tali deċiżjoni tobbliga mhux biss bis-saħħa tal-liġi stabbilita mill-Knisja, imma wkoll bis-saħħa tar-responsabiltà personali. Din hija hawn żamma tal-kelma mogħtija lil Kristu u lill-Knisja. Iż-żamma tal-kelma huwa, fl-istess ħin, dmir u verifika tal-maturità interna tas-saċerdot, u l-espressjoni tad-dinjità personali tiegħu. Dan jidher biċ-ċarezza kollha tiegħu, meta ż-żamma tal-kelma mogħtija lil Kristu, permezz ta’ impenn ċelibatarju konxju u liberu għall-ħajja kollha, jsib ruħu f’diffikultà, jiġi ppruvat, jew aħjar espost għat-tentazzjoni, kollha ħwejjeġ li ma jaħfruhiex lis-Saċerdoti, bħal kwalunkwè bniedem u nisrani ieħor. F’tali waqt kull wieħed għandu jfittex sosten fit-talb iktar ħerqan. Għandu, permezz tat-talb, isib mill-ġdid fih innifsu dak l-atteġġjament ta’ umiltà u ta’ sinċerità fir-rigward ta’ Alla u tal-kuxjenza propja, li hija appuntu s-sors tal-qawwa biex isostni dak li jkun ixxengel. Huwa hawn li titwieled fiduċja li tixbaħ lil dik li San Pawl esprima bil-kliem: «Kollox nistà jien f’dak li jagħtini l-qawwa» (Fil 4,13). Dawn il-veritajiet huma mwettqa mill-esperjenza ta’ numerużi Saċerdoti u ppruvati mir-realtà tal-ħajja. L-aċċettazzjoni tagħhom tikkostitwixxi l-bażi tal-fedltà għall-kelma mogħtija lil Kristu u lill-Knisja, li hija fl-istess ħin, il-verifika tal-fedeltà awtentika lilu nnifsu, lill-kuxjenza propja. Lill-umanità u d-dinjità propja. Għal dan kollu hemm bżonn naħsbu b’mod speċjali fil-waqtiet ta’ kriżi,  u mhux minnufih niġru għad-dispensa, maħsuba bħala «intervent amministrattiv», bħallikieku fir-realtà din hi, għall-kuntrarju, kwistjoni profonda ta’ kuxjenza u prova ta’ umanità. Alla għandu dritt għal tali provi fir-rigward ta’ kull wieħed minna, jekk inhu minnu li l-ħajja terrena hija għal kull bniedem żmien ta’ prova. Imma Alla jrid ugwalment li noħorġu rebbiħin minn tali provi, u lest jagħtina l-għajnuna adegwata.

Forsi, mhux bla raġun, hemm bżonn li hawn inżid li l-impenn tal-fedeltà konjugali, derivanti mis-sagrament taż-żwieġ, joħloq fil-qasam tiegħu obligi analogi, u li kultant huwa jsir terren ta’ provi u esperjenzi analogi għall-miżżewġin, irġiel u nisa, li wkoll f’dawn il-«provi tan-nar» għandhom mod kif jivverifikaw il-valur tal-imħabba tagħhom. L-imħabba, infatti, f’kull dimensjoni tagħha mhijiex biss sejħa, imma wkoll dmir. Inżidu, fl-aħħar, li ħutna rġiel u nisa marbutin biż-żwieġ għandhom id-dritt li jistennew minna, Saċerdoti u Rgħajja, l-eżempju tajjeb u x-xhieda tal-fedeltà għall-vokazzjoni sal-mewt, fedeltà għall-vokazzjoni li aħna nagħżlu permezz tas-sagrament tal-Ordni Sagri, bħal ma huma jagħżluha permezz tas-sagrament taż-żwieġ. Ukoll f’dan il-qasam u f’dan is-sens irridu naraw is-saċerdozju ministerjali tagħna bħala «subordinazzjoni» għas-saċerdozju komuni tal-fidili kollha, tal-lajċi, b’mod speċjali ta’ dawk li jgħixu fiż-żwieġ u jiffurmaw familja. B’dan il-mod, aħna nservu «biex nibnu l-ġisem ta’ Kristu» (Ef 4,12); Inkella, minflok ma nikkoperaw għal dan il-bini, inkunu qegħdin indgħajfu l-kompożizzjoni spiritwali. B’dan il-bini tal-ġisem ta’ Kristu huwa marbut b’mod strett l-iżvilupp awtentiku tal-personalità umana ta’ kull nisrani – kif ukoll ta’ kull Saċerdot – li jwettaq lilu nnifsu skont il-kejl tad-don ta’ Kristu. Id-diżorganizzazzjoni tal-kompożizzjoni spiritwali tal-Knisja żgur li ma tiffavorixxix l-iżvilupp tal-personalità umana u ma tikkostitwixxix il-verifika ġusta tagħha.

Kull jum hija meħtieġa l-konversjoni tagħna nfusna

10. «X’irridu nagħmlu?» (Lq 3,10): hekk donna nistaqsu, għeżież ħuti, bħal ma tant drabi staqsew lill-istess Kristu Mulej id-dixxipli u dawk li kienu jisimgħuh. Xi trid tagħmel il-Knisja, meta donnhom li jonqsu s-Saċerdoti, meta l-iskarsezza tagħhom tinħass, b’mod speċjali f’xi pajjiżi u Reġġjuni tad-dinja? B’liema mod irridu nwieġbu għall-bżonnijiet immensi ta’ evanġelizzazzjoni, u kif nistgħu ntaffu l-ġuħ tal-Kelma u tal-Ġisem tal-Mulej? Il-Knisja, li timpenja ruħha biex iżżomm iċ-ċelibat tas-Saċerdoti bħala don partikolari għas-saltna ta’ Alla, tipprattika l-fidi u tesprimi t-tama lejn l-Imgħallem, Feddej u Għarus tagħha, u fl-istess ħin lejn Dak li huwa «Sid il-ħsad» u «regalatur tad-don» (Mt 9,38; 1Kor 7,7). Infatti, «kull don perfett jiġi mill-għoli u jinżel mingħand il-Missier tad-dawl» (Gc 1,17). Ma nistgħux aħna ndgħajfu din il-fidi u din il-fiduċja bid-dubju uman tagħna, jew bil-ġjufija tagħna.

Konsegwentement, ilkoll hemm bżonn li nikkonvertu kuljum. Nafu li din hija esiġenza fondamentali tal-Vanġelu, indirizzata lill-bnedmin kollha (cfr. Mt 4,17; Mk 1,15), u wisq iktar irridu nqisuha ndirizzata lilna. Jekk għandna d-dmir li ngħinu lill-oħrajn jikkonvertu lilhom infushom, daqstant ieħor irridu nagħmlu b’mod kontinwu aħna f’ħajjitna. Nikkonvertu lilna nfusna tfisser nerġgħu lura għall-grazzja tal-vokazzjoni tagħna, nimmeditaw t-tjubija infinita u l-imħabba infinita ta’ Kristu, li dar lejn kull wieħed minna u, waqt li sejħilna b’isimna, qal: «Imxi warajja». Nikkonvertu lilna nfusna tfisser «nagħtu kont» dejjem tas-servizz tagħna, taż-żelu tagħna, tal-fedeltà tagħna, quddiem il-Mulej ta’ qlubna, għaliex aħna «ministri ta’ Kristu u amministraturi tal-misteri ta’ Alla» (1Kor 4,1). Nikkonvertu lilna nfusna jfisser «nagħtu kont» ukoll tan-nuqqasijiet u tad-dnubiet tagħna, tal-ġjufija, tan-nuqqas ta’ fidi u ta’ tama, tal-ħsieb biss «b’mod uman», u mhux «divin». Niftakru, f’dan ir-rigward, it-twissija li Kristu ndirizza lil Pietru stess (cfr. Mt16,23). Nikkonvertu lilna nfusna jfisser għalina li nfittxu mill-ġdid il-maħfra u l-qawwa ta’ Alla fis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, u hekk nerġgħu dejjem nibdew mill-bidu, u kull jum nipprogredixxu, niddominaw lilna nfusna, nagħmlu rebħiet spiritwali, nirregalaw bil-ferħ, għaliex «Alla jrid il-ġid lil min jirregala bil-ferħ» ( 2 Cor 9,7).

Nikkonvertu lilna nfusna tfisser «nitolbu dejjem, bla ma ngħejjew» (Lq 18,1). It-talb huwa b’xi mod l-ewwel u l-aħħar kondizzjoni tal-konversjoni, tal-progress spiritwali, tal-qdusija. Jistà jkun li fl-aħħar snin – talinqas f’ċerti ambjenti – kien diskuss wisq dwar is-saċerdozju, dwar l-«identità» tas-saċerdot, dwar il-valur tal-preżenza tiegħu fid-dinja kontemporanja, eċċ., u għal kuntrarju ftit li xejn kien hemm talb. Ma kienx hemm biżżejjed impetu biex jitwettaq l-istess saċerdozju permezz tat-talb, biex jirrendi effikaċi d-dinamiżmu evanġeliku awtentiku tiegħu, biex tkun verifikata l-identità saċerdotali. Huwa t-talb li jindika l-istil essenzjali tas-saċerdozju; mingħajru dan l-istil jitgħawweġ. It-talb jgħinna li dejjem nsibu mill-ġdid id-dawl, li mexxiena sa mill-bidu tal-vokazzjoni saċerdotali tagħna, u li bla ma jaqtà jmexxina, ukoll jekk xi kultant donna nintilfu fid-dlam. It-talb jippermettilna li kontinwament nikkonvertu lilna nfusna, li nibqgħu fl-istat ta’ tensjoni kostanti lejn Alla, li hija ndispensabbli jekk irridu nmexxu lill-oħrajn lejh. It-talb jgħinna nemmnu, nittamaw u nħobbu, ukoll meta d-dgħufija umana tagħna tfixkilna.

Barra minn dan, it-talb jippermettilna li niskopru mill-ġdid b’mod kontinwu d-dimensjonijiet ta’ dik is-saltna, li għall-miġja tagħha nitolbu kuljum, waqt li nirrepetu l-kliem li Kristu għallimna. Allura nħossu liema huwa postna fit-twettiq ta’ din it-talba: «Tiġi saltnatek», u naraw kemm aħna bżonnjużi biex hija titwettaq. U jistà jkun li, meta nitolbu, nilmħu b’mod iktar faċli dawk «l-oqsma li diġa sofor lesti għall-ħsad» (Ġw 4,35) u nifhmu liema sinifikat għandu l-kliem li Kristu jippronunzja għad-dehra tagħhom: «Itolbu, mela, lil sid il-ħsad, biex jibgħat ħaddiema fil-ħsad tiegħu» (Mt 9,38).

It-talb għandna ngħaqqduh ma xogħol kontinwu fuqna nfusna: din hija l-«formatio permanens». Bħal ma ġustament ifakkar id-Dokument  addottat dwar din it-tema mis-Sagra Kongregazzjoni gl-kleru (cfr. «Litterae Circulares», 4 novembre 1969: AAS 62 [1970] 123ss), tali formazzjoni għandha tkun kemm interna,  jiġifieri mmirata għall-approfondiment tal-ħajja spiritwali tas-saċerdot, kif ukoll pastorali u ntellettwali (filosofika e tejoloġika). Jekk mela l-attività pastorali tagħna, ix-xandir tal-Kelma u l-interità tal-ministeru saċerdotali jiddependu mill-intensità tal-ħajja interna tagħna, din għandha xorta waħda ssib is-sosten tagħha fi studju regolari. Mhuwiex biżżejjed li nieqfu fuq dak li darba tgħallimna fis-seminarju, ukoll fil-każ li dan kien ta’ studji f’livell universitarju, li lejhom hija b’mod riżolut orjentata s-Sagra Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika. Dan il-proċess ta’ formazzjoni intellettwali għandu jinfirex tul ħajjitna kollha, speċjalment fiż-żminijiet tallum ikkaratterizzati – talinqas f’bosta Reġġjonijiet tad-dinja – mill-iżvilupp ġenerali tal-istruzzjoni pubblika u tal-kultura. Quddiem il-bnedmin, li jibbenefikaw mill-benefiċċji ta’ dan l-iżvilupp, aħna jinħtieġ li nkunu xhieda ta’ Ġesù Kristu, ikkwalifikati b’mod adegwat. Bħala għalliema tal-verità u tal-morali, hemm bżonn li nkunu lejhom responsabbli, b’mod konvinċenti u effikaċi, tat-tama li ttina l-ħajja (cfr. 1Pt 3,15). U dan jagħmel ukoll parti mill-proċess tal-konversjoni ta’ kuljum gl-imħabba, permezz tal-verità.

Għeżież ħuti! Intom li «tissaportu l-piż tal-jum u s-sħana» (cfr. Mt 20,12), li tfajtu jdejkom fuq il-moħriet u ma tħarsux lura (cfr. Lq 9,62), u forsi wkoll iktar intom li tiddubitaw mis-sens tal-vokazzjoni tagħkom, jew mill-valur tas-servizz tagħkom! Aħsbu dwar dawk il-postijiet, fejn il-bnedmin jistennew b’ansjetà Saċerdot, u fejn għal bosta snin, waqt li jħossu n-nuqqas tiegħu, ma jiqfux jawspikaw l-preżenza tiegħu. U, kultant, jiġri lio jinġabru flimkien f’Santwarju abbandunat, u jqiegħdu fuq l-altar l-istola għadha kkonservata, u jirreċitaw it-talb kollu tal-liturġija ewkaristika; u hekk hu, fil-waqt li jikkorrispondi mat-transustanzjazzjoni, jaqà fosthom silenzju profond, kultant forsi miksur miksur minn xi bikja…, b’mod hekk jaħraq huma jixtiequ li jisimgħu l-kliem li biss xuftejn Saċerdot jistgħu jippronunzjawh b’mod effikaċi! B’mod hekk ħaj jixtiequ t-Tqarbin ewkaristiku, li biss bis-saħħa tal-ministeru saċerdotali jistgħu jsiru parteċipi, bħal ma wkoll jistennew b’mod anzjuż li jisumgħu l-kliem divin tal-maħfra: «Ego te absolvo a peccatis tuis»! B’mod hekk profond jerġgħu jħossu n-nuqqas ta’ Saċerdot f’nofshom!... Dawn il-posdtijiet ma jonqsux fid-dinja. Jekk, mela, xi ħadd minnkom jiddubita dwar is-sens tas-saċerdozju tiegħu, jekk jaħseb li dan huwa «soċjalment» bla frott inkella inutli, jirrifletti dwar dan!

Hemm bżonn li nikkonvertu kuljum, niskopru mill-ġdid kuljum id-don miksub mingħand Kristu stess fis-sagrament tal-Ordni Sagri, waqt li nippenetraw fl-importanza tal-missjoni feddejja tal-Knisja u waqt li nirriflettu dwar is-sinifikat kbir tal-vokazzjoni tagħna fid-dawl ta’ din il-missjoni.

Omm is-Saċerdoti

11. Għeżież ħuti, fil-bidu tal-ministeru tiegħi nafdakom ilkoll lil Omm Kristu, li b’mod partikolari hija Ommna: Omm is-Saċerdoti. Infatti, id-dixxiplu maħbub, li, billi kien wieħed mit-Tnax, kien sema fiċ-Ċenaklu l-kliem: «Agħmlu dan b’tifkira tiegħi» (Lq 22,19), kien minn Kristu, mill-għoli tas-Salib, magħżul għal Ommu bil-kliem: «Hemm hu ibnek» (Gw 19,26). Ir-raġel li nhar Ħamis ix-Xirka kien irċieva s-setgħ1 li jiċċelebra l-Ewkaristija, b’dan il-kliem tal-Feddej agonizzant kien irregalat lil Ommu bħala «iben». Aħna lkoll, mela, li nirċievu l-istess setgħa permezz tal-Ordinazzjoni saċerdotali, għandna f’ċertu sens id-dritt li nkunu l-ewwel li naraw fiha lil Ommna. Nixtieq, għalhekk, li intom ilkoll, flimkien miegħi, issibu f’Marija l-omm tas-saċerdozju, li rċivejna mingħand Kristu. Nixtieq, ukoll, li lilha tafdaw b’mod partikolari s-saċerdozju tagħkom. Ippermettuli li dan nagħmlu jien stess, billi nafda lil Omm Kristu lil kull wieħed minnkom – mingħajr eċċezzjoni – b’mod sollenni u, fl-istess ħin, sempliċi u umli. Nitlobkom ukoll, għeżież ħuti, li kull wieħed minnkom dan jagħmlu hu stess, personalment, kif tiddettahulu qalbu, speċjalment l-imħabba tiegħu lejn Kristu-Saċerdot, u wkoll id-dgħufija tiegħu, li timxi bl-istess pass max-xewqa tas-servizz u tal-qdusija. Nitlobkom.

Il-Knisja tallum titkellem dwarha nfisha b’mod speċjali fil-kostituzzjoni dommatika «Lumen Gentium» (cfr. kap. VIII). Ukoll hawn, fl-aħħar kapitolu, hija tistqarr li tħares lejn Marija bħala Omm Kristu, għaliex issejjaħ lilha nfisha omm u tixtieq li tkun omm, waqt li tiġġenera għal Alla l-bnedmin għal ħajja ġdida. Oh, għeżież ħuti, kemm intom qrib intom ta’ din il-kawża ta’ Alla! Kemm, hija hi stampata fil-vokazzjoni, il-ministeru u l-missjoni tagħkom. Konsegwentement, f’nofs il-Poplu ta’ Alla, li jħares lejn Marija b’imħabba u tama mmensa, intom għandkom tħarsu lejha b’tama u mħabba eċċezzjonali. Difatti, intom għandkom tħabbru lil Kristu li huwa binha: u min jistà jittrażmettilkom aħjar il-verità dwaru, jekk mhux Ommu?

Intom għandkom titimgħu l-qlub umani bi Kristu: u min jistà jirrendikom iktar konxji ta’ dak li tagħmlu, jekk mhux Dik li temgħetu? «Is-sliem o Gisem tassew, imwieled mill-Verġni Marija». Hemm fis-saċerdozju ministerjali tagħna d-dimensjoni stupenda u penetyranti tal-viċinanza lejn Omm Kristu. Ejjew infittxu, mela, li ngħixu f’din id-dimensjoni.  Jekk inhu leċitu li hawn nagħmel referenza għall-esperjenza propja, ngħidilkom li, waqt li qed nikteb lilkom, nirreferi b’mod speċjali għall-esperjenza personali tiegħi.

Fil-komunikazzjoni ta’ dan kollu lilkom, fil-bidu tas-servizz tiegħi lill-Knisja universali, ma niqafx nitlob lil Alla sabiex jimla lilkom, Saċerdoti ta’ Ġesù Kristu, b’kull barka u grazzja tiegħu u, bħala impenn u konferma ta’ tali komunjoni oranti, imberikkom mill-qalb fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu.

Irċievu din il-barka. Irċievu l-kliem tas-suċċessur ġdid ta’ Pietru, ta’ dak Pietru, li lilu l-Mulej amar: «U int, ġaladarba tergà lura għas-sewwa, wettaq lil sħabek» (Lq  22,32). La tiqfux titolbu għalija flimkien mal-Knisja kollha, sabiex jien inwieġeb għal-dik l-esiġenza ta’ primat t’imħabba, li l-Mulej qiegħed bħala sies tal-missjoni ta’ Pietru, meta qallu: «Irgħa n-nagħaq tiegħi» (Ġw 21,16). Amen.

Mill-Vatikan, it-8 ta’ April, Ħadd il-Palm "de Passione Domini", tas-sena 1979, l-ewwel tal-Pontifikat.

 

ĠWANNI PAWLU II

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb