John Henry Newman: Qaddis għal żminijietna

 

Ħafna nies semgħu għall-ewwel darba b’John Henry Newman meta kienu fil-knisja, Kattolika jew Protestanta, u semgħu l-innijiet Firmly I Believe and Truly jew inkella Praise to the Holiest.  Oħrajn semgħu bl-Apologia tiegħu jew inkella l-ktieb l-ieħor The Idea of a University.  Il-Professur Tracey Rowland tal-Universita’ ta’ Notre Dame tal-Awstralja[i] huwa tal-fehma li kienu l-Ġermaniżi li bdew japprezzaw lil Newman l-ewwel.

 

Dan jagħmel sens jekk wieħed jaqra dak li għandu x’jgħid dwar Newman it-teologu Ġermaniż Joseph Ratzinger li sar il-Papa Benedittu XVI.  Ratzinger jiddeskrivh lil Newman bħala wieħed mill-eroj tal-ġenerazzjoni tiegħu ta’ seminaristi.  L-aktar pubblikazzjonijiet sinifikanti ta’ Newman, il-Grammar of Assent u l-Essay on the Development of Doctrine kienu tradotti għall-Ġermaniż minn Theodor Haecker li kien ħabib ta’ Hans u Sophie Scholl, il-martri tal-moviment tal-Warda l-Bajda[ii].  Fil-fatt, kien ix-xogħol ta’ Newman dwar il-kuxjenza li ispira lill-istudenti tal-Moviment sabiex jirreżistu n-Nażi.

 

Gottlieb Söhngen, li kien is-supervisor tad-dottorat ta’ Ratzinger, kiteb hekk: ‘Newman ispira lilna l-Ġermaniżi daqslikieku kien wieħed minna u qisu kien qed jikteb proprju għalina, u dan mingħajr ma jnaqqas xejn mis-sinifikat tal-Kristjanita’ tal-Ingilterra u l-bqija tad-dinja’.  Ratzinger kiteb: ‘Newman għallimna lkoll kif naħsbu b’mod storiku fit-teoloġija’.  Qal ukoll: ‘It-tagħlim tiegħu dwar il-kuxjenza sar bażi importanti għall-personaliżmu teoloġiku’.  Stqarr ukoll: ‘Kien minnu li tgħallimna kif nifhmu l-primat tal-papat’.

 

Għal  Newman, il-Papa ma kienx monarku assolut jew dittatur, imma xi ħadd jixbah lil monarka kostituzzjonali li l-azzjonijiet u l-ġudizzji tiegħu kienu deċiżi skont kostituzzjoni.  Imma f’dan il-każ, il-kostituzzjoni kienet l-Iskrittura flimkien mat-Tradizzjoni.  Ratzinger faħħar lil Newman ukoll talli fehem l-importanza tad-duttrina.  Hu qal hekk: ‘Il-Kristjaneżmu huwa bbażat fuq l-oġġettivita’ tad-domma.’  Kienet preċiżament il-wasla ta’ Newman għal din il-konklużjoni li nneċessitat il-firda tiegħu minn mal-Protestantiżmu.

 

Bl-idea tiegħu ta’ kuxjenza, Newman ta kontribut singulari lit-teoloġija morali; bit-trattament tiegħu tal-papat, hu żviluppa tema ewlenija fl-ekkleżjoloġija u għen sabiex iħares il-Kattoliċi milli jimbarazzaw l-interpretazzjonijiet massimalisti tad-duttrina tal-infallibilita’ tal-Papa.  Bix-xogħol tiegħu fuq l-iżvilupp tad-duttrina, speċjalment il-kriterji tiegħu għad-distinzjoni tal-iżviluppi duttrinali leġittimi minn dawk illeġittimi, Newman indirizza tema kontemporanja taħraq fit-teoloġija dommatika u ppermetta li l-istorja tilgħab rwol fl-iżvilupp tradizzjonali mingħajr ma jagħmel ħsara lit-tradizzjoni u mingħajr ma jirriduċi lill-Kattoliċi għall-kundanna tal-ħondoq tar-relativiżmu storiku.

 

Newman ta kontributi oħra fil-qasam tal-antropoloġija teoloġika bl-enfasi tiegħu fuq l-importanza ta’ qalb safja f’dik li hija r-relazzjoni bejn l-imħabba u r-raġuni.  Dan għamlu wkoll bit-trattament tiegħu tas-sens illativ (fakulta’ mentali li tixbah lill-intwizzjoni)  fir-relazzjoni bejn fidi u raġuni.  Hu enfasizza wkoll ir-rwol tal-immaġinazzjoni umana fl-iżvilupp spiritwali.  L-immaġinazzjoni kienet fakulta’ li ġiet abbandunata wisq fir-rwol tagħha fi ħdan ir-ruħ umana.  Newman bikri fehem il-ħtieġa u l-importanza ta’ dik li tissejjaħ mitopoesis.   Ma kienx ikollna lil Tolkien u lil C. S. Lewis kieku ma kellniex immaġinazzjoni Nisranija żviluppata tajjeb.

 

Newman xeħet ukoll l-attenzjoni tiegħu fuq il-qalb bħala s-sit tal-integrazzjoni tal-fakultajiet kollha tar-ruħ.  Għalkemm xi wħud jisħqu li l-qalb hija sempliċiment dak l-organu li jippompja d-demm madwar il-ġisem kollu, għal Newman il-qalb kienet il-post tal-integrazzjoni fi ħdan ir-ruħ umana.   Newman kellu idea għolja tal-importanza tal-fenomenu tal-ġmiel.  Għalih, il-ġmiel kien indispensabbli għall-kuntest liturġiku.  Għaldaqstant, hu kien jopponi l-Filistiniżmu fil-forom kollha tiegħu.   B’filistiniżmu, nifhmu dak it-terminu degrogatorju li jiddeskrivi ‘il-manjieri, id-drawwiet u l-karattru’ ta’ persuna li l-attitudni soċjali anti-intelletwali tagħha tissottovaluta u tobgħod fl-istess waqt l-arti u l-ġmiel, l-ispiritwalita’ u l-intellett. Fil-fatt li hu ddefenda l-ġmiel u fir-riċerka tiegħu sabiex jintegra l-istorja fit-teoloġija mingħajr ma jaqa’ fir-relattiviżmu storiku, Newman kien il-preskursur kemm ta’ Hans Urs von Balthasar kif ukoll ta’ Joseph Ratzinger; bħalhom huwa kien jemmen fl-eternita’ u l-prontezza tal-verita’. 

 

Newman jista’ jitqies ukoll bħala antidotu għal Nietzsche.  Kif innota Söhngen, Newman fehem il-problema tal-atejiżmu etiku.  Fehem li l-atejiżmu kontemporanju kien sar domma li għaliha kien hemm min lest li jgħix u jmut.  Newman fehem li wieħed ma setax jattakka u jirbaħ dan it-tip ta’ atejiżmu bid-domma.  Fehem li kien hemm ħtieġa għall-kontro-narrativa, antropoloġija kontro-Kristjana, umaniżmu kontro-Kristjan li jkun intossikanti aktar minn kull ħaġa oħra li teżisti f’dak il-waqt fl-oqsma tad-diskussjonijiet intelletwali.  Huwa proprju għal din ir-raġuni u aktar minn hekk, li dan il-qaddis tal-era Vittorjana huwa Duttur tal-Knisja għas-seklu post-modern li ninsabu fih.

 

Kitba ta' Fr Georffrey George Attard


[i] Tracey Rowland, A saint for the 21st century f’ Catholic Herald, 11 t’Ottubru 2019, 36.

[ii] Tony C. Cutajar, Warda Bajda (Malta, 2017).