Laikos

Ara Gaudete et Exsultate bil-Malti ...

 

Katekeżi fil-qosor dwar

l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku

Gaudete et Exsultate, Ifirħu u Thennew

Kitba ta’ Joe Galea

 1. Il-qaddisn tal-bieb ta’ maġenbna

 2. Ma nibżgħux mill-qdusija

 3. Żewġ għedewwa tal-qdusija

 4. It-tmien barkiet

 5. Sinjali ta’ qdusija

 6. Sinjali ta’ qdusija

 7. Ferħ u umoriżmu

 8. Kuraġġ u ħeġġa

 9. Attenti għad-dettalji

10. Mhemmx qdusija mingħajr talb

11. It-taqbida għall-qdusija

12. Kif nagħrfu xi jrid Alla minna

 

 

1. IL-QADDISIN TAL-BIEB TA’ MAĠENBNA

L-isem ta’ din l-eżortazzjoni, Ifirħu u Thennew, hu kliem Ġesù fil-Vanġelu ta’ San Mattew, (5,12) lil dawk li huma ppersegwitati jew umiljati minħabba f’ismu. Il-Papa Franġisku jgħid li min jaqraha ma jistenniex tagħlim tqil dwar il-qdusija, imma sejħa biex ngħixu l-qdusija llum.

Il-mod ta’ ħajja ta’ nies oħra jwassalna għall-qdusija. Lil dawn nafuhom mill-Bibbja u mill-istorja; nies ta’ ħajja tajba li jagħmlulna l-qalb. Jiġuna f’moħħna nies bħal Abraham, Mosè u personaġġi oħra tal-Bibbja. Hemm ukoll ommna, in-nanna u qraba oħra li forsi ħajjithom ma kinitx dejjem perfetta imma baqgħu mexjin ’il quddiem f’ħajja li togħġob lil Alla. Ma naħsbux biss f’dawk li ġew dikjarati mill-Knisja bħala beati jew qaddisin. Il-Papa jgħid li jieħu gost iħares lejn il-qdusija ta’ ġenituri li jrabbu lil uliedhom b’tant imħabba, l-irġiel u n-nisa li jistinkaw biex iġibu l-ħobż id-dar, il-morda u l-anzjani li jibqgħu bit-tbissima fuq fommhom. Il-ħajja tajba ta’ dawk li jgħixu qrib tagħna, il-Papa jsejħilha “l-qdusija tal-bieb ta’ maġenbna”, ta’ nies li huma mera tal-preżenza ta’ Alla, u jirreferi għalihom bħala l-“klassi medja tal-qdusija”.

 

Meta nħarsu lejn il-qaddisin, m’għandniex naqtgħu qalbna li ma nistgħux nixbhuhom. Biex insiru qaddisin m’hemmx għalfejn inkunu isqfijiet, saċerdoti jew reliġjużi. Għax tiġina t-tentazzjoni naħsbu li l-qdusija hi biss għal dawk li jistgħu jżommu ’l bogħod mit-taħbit ta’ kuljum, biex jiddedikaw ħafna ħin għat-talb. Aħna lkoll msejħin biex inkunu qaddisin billi ngħixu bi mħabba u noffru x-xhieda tagħna fil-ħidmiet ta’ kuljum.

Il-Papa jgħidilna li l-qdusija tikber b’ġesti żgħar, u jagħti dan l-eżempju. Waħda mara li tmur il-ħanut tagħmel ix-xirja, tiltaqa’ mal-ġara u jibdew itaqtqu fuq l-oħrajn. Din il-mara tgħid bejnha u bejn ruħha: “Le, ma jien se ngħid xejn ħażin fuq ħadd”. Lura d-dar, binha jitlobha toqgħod tisimgħu jkellimha fuq il-fantasiji tiegħu u, imqar jekk tħossha għajjiena, tpoġġi bilqiegħda ħdejh tisimgħu b’sabar u mħabba. Jiġuha waqtiet ta’ diqa, imma tiftakar fl-imħabba tal-Verġni Marija, taqbad il-kuruna tar-rużarju u tibda titlob bil-fidi. Tkun fit-triq, tiltaqa’ ma’ fqir u tieqaf titkellem miegħu bi ħlewwa u tjieba. Bħal din il-mara nistgħu aħna wkoll nagħmlu l-passi żgħar tagħna fil-mixja lejn il-qdusija. Mhux passi kbar, imma passi żgħar b’imħabba kbira.

 

2. MA NIBŻGĦUX MILL-QDUSIJA

F’din l-eżortazzjoni, il-Papa Franġisku jgħid li l-qdusija hi l-missjoni ta’ kull persuna. Issib it-tifsira tagħha fi Kristu u nifhmuha biss jekk ngħixu ma’ Kristu l-misteri ta’ ħajtu. Kemm il-ħajja moħbija fid-dar ta’ Marija u Ġużeppi, kif ukoll il-ħajja pubblika ta’ Ġesù, jgħinuna fl-għażliet u fl-imġibiet tagħna. Ikun Kristu li qed iħobb fina hekk li l-qdusija tkun skont kemm Kristu jikber fina.

 

Nikbru fil-qdusija mqar qalb l-iżbalji u l-mumenti negattivi tagħna. L-aqwa li ma nwarrbux it-triq tal-imħabba u nibqgħu dejjem qalbna miftuħa għall-grazzja t’Alla. Inħabirku biex ma’ Kristu naħdmu għall-ġustizzja u l-paċi. Kristu jkun magħna waqt l-isforzi u ċ-ċaħdiet tagħna, fil-ferħ u fid-diffikultajiet tal-ħajja. Il-qdusija titlob li minn ġo fina joħorġu l-aħjar kwalitajiet biex ngħinu fil-pjan ta’ mħabba li Alla fassal għall-bnedmin. L-eżempju hu Kristu, l-aktar bl-attenzjoni li kellu lejn dawk fl-aħħar post, bħalma huma l-foqra.

 

Il-Papa jistedinna biex naraw liema hi dik il-kelma jew dak il-messaġġ li Ġesù jridna nwasslu lid-dinja bil-ħajja tagħna. Dan jitlob li nkunu attenti għal dak li jwasslina l-Ispirtu s-Santu li dejjem lest biex jibdilna u jagħmilna aħjar u b’hekk il-missjoni prezzjuża tagħna tasal fejn jixtieqna Alla. Fl-istess ħin, il-ħajja tajba tagħna anki jekk mogħnija b’talb sabiħ, m’għandhiex tifridna mill-oħrajn. Għandna nagħtu valur lill-qadi, għax min m’għandux l-ispirtu ta’ qadi u ħsiebu biex jaħkem lil ħaddieħor la se jitqaddes hu u lanqas jgħin lill-oħrajn biex jitqaddsu.

 

Parir tal-Papa hu li filwaqt li l-Mulej iwasslilna l-kelma tiegħu permezz tal-qaddisin, ma rridux neħlu fuq id-dettalji ta’ ħajjithom. Dan għax anke l-qaddisin kellhom l-iżbalji u l-waqgħat tagħhom u mhux dak kollu li għamlu kien perfett. Li rridu nagħtu kas hi l-ħajja kollha tal-qaddisin, il-mixja sħiħa tagħhom ta’ qdusija u li nħarsu lejhom bħala figura li tirrifletti xi ħaġa minn Kristu.

 

“Tibżgħux mill-qdusija!”, jgħid l-Papa. Il-qdusija mhux se toħdilna s-saħħa u l-ferħ. Anzi biha nsiru dak li Alla ħaseb għalina. Meta ngħixu magħqudin miegħu, hu jeħlisna mill-jasar u jwassalna biex nagħrfu d-dinjità tagħna. U bħala eżempju l-Papa jqiegħed quddiemna lil Santa Ġużeppina Bakhita, mibjugħa lsira fl-età ċkejkna ta’ seba’ snin u batiet ħafna minn idejn sidien kefrin. Din il-qaddisa fehmet li Alla u mhux il-bniedem hu l-veru sid ta’ kull ħajja umana. Il-ħajja tagħha għandha tkun ta’ motivazzjoni għall-qdusija tagħna.

 

3. ŻEWĠ GĦEDEWWA TAL-QDUSIJA

Fl-istorja tal-Knisja niltaqgħu ma’ żewġ kurrenti ta’ ħsieb li jistgħu jkunu ta’ tfixkil għal min jixtieq jgħix ħajja tajba. Għalhekk li l-Papa Franġisku, fit-tieni kapitlu tal-Eżortazzjoni Appostolika ‘Gaudete et Exsultate’ (Ifirħu u Thennew) juri t-tħassib tiegħu dwar l-‘Injostiċiżmu’ u l-‘Pelaġjaniżmu’. Jidhru żewġ kelmiet mhux komuni u li forsi naħsbuhom xi ereżiji tal-imgħoddi; fil-fatt huma realtà ukoll fi żmienna.

 

Biex nippruvaw nifhmu xi jfissru ‘Injostiċiżmu’ u ‘Pelaġjaniżmu’, irridu niftakru x’nifhmu bi qdusija u bi grazzja fit-tagħlim tal-Knisja. Il-Knisja tgħallimna li l-qdusija tiġi minn Alla u li hi dejjem rigal tal-grazzja li tingħata lilna permezz tal-Knisja, bħalma jsir fis-Sagramenti. Dan ifisser li l-qdusija mhix biss riżultat tal-isforzi tal-bniedem; weħidna ma naslux għall-qdusija. Hi teżor fil-Knisja u tidher b’mod speċjali fil-qaddisin, u hi s-sinjal li Kristu hu ħaj u għadu jaħdem fil-Knisja.

 

L-‘Injostiċiżmu’ u l-‘Pelaġjaniżmu’ huma ostaklu għall-qdusija, għax jaħbu jew ineħħu tal-grazzja ta’ Kristu. L-Injostiċi, jiġifieri dawk li jħaddnu t-tagħlim tal-‘Injostiċiżmu’, iwarrbu l-misteru u jemmnu li l-fidi kollha u l-Evanġelju kollu jistgħu jinftiehmu perfettament, anki bir-raġuni u l-isforzi tagħna biss. U hawn qiegħed il-periklu: l-Injostiċi jitkellmu b’mod qarrieq u attraenti għax juru li r-raġunar iġib ċerta armonija li biha kollox jimxi sew għal min isegwihom. L-Injostiċi jgħallmu li s-salvazzjoni tiġi bis-saħħa li hemm f’kull persuna u li hi t-triq li biha kull persuna tagħraf li għandha diġà dik il-qawwa divina li twassalha għas-salvazzjoni.

Il-Papa jwissina biex noqogħdu attenti, għax dan it-tagħlim mhux jingħad biss minn dawk li jeħduha kontra l-fidi Nisranija b’mod apert, imma wkoll minn nies li huma fi ħdan il-Knisja, lajċi fil-parroċċi kif ukoll nies li jgħallmu l-filosofija u t-teoloġija f’ċentri ta’ formazzjoni. Il-Papa jistedinna biex inkunu umli u paċenzjużi u nistennew lil Alla jmiss il-ħajja tagħna, għax Alla hu kollu sorpriżi. Mhix f’idejna li niddeterminaw il-post u l-ħin eżatt meta se nirċievu l-grazzja tiegħu. Is-sehem tagħna jkun li nikkoperaw mal-grazzja tiegħu. Irridu nieħdu paċenzja wkoll meta ma jirnexxilniex nifhmu l-komplessità ta’ xi duttrina.

 

L-għadu l-ieħor tal-qdusija hu l-‘Pelaġjaniżmu’, li jgħallem li l-grazzja ta’ Kristu qiegħda biss fl-eżempju tiegħu u mhux fir-rigal tal-istess preżenza tiegħu. Il-‘Pelaġjaniżmu’ hu tagħlim sottili għax filwaqt li jnaqqas il-mertu tal-grazzja t’Alla, jibqa’ mar-regoli u mal-istrutturi tal-Knisja, għalkemm bi stil differenti. Il-Papa jgħidilna li ma nistgħux ngħixu ħajja qaddisa billi sempliċiment nimxu fuq il-passi ta’ Ġesù imma jrid ikun hemm ukoll l-indħil dirett tal-grazzja tiegħu. Irridu nkunu mħaddna mill-preżenza misterjuża u reali tiegħu. Ifakkarna li s-sejħa ta’ kulħadd għall-qdusija hi indirizzata lil dawk li jagħrfu li kull pass fil-mixja tal-ħajja u tal-fidi ġej mill-grazzja t’Alla.

 

4. IT-TMIEN BARKIET

Il-Papa Franġisku, fl-Enċiklika tiegħu ‘Gaudete et Exsultate’ (Ifirħu u Thennew), jgħid li biex aħna nkunu Nsara tajbin, irridu nimxu fuq it-tmien Barkiet, jew Beatitudnijiet, li pproponielna Ġesù fil-Vanġelu. Il-Papa jispjega l-kelma “henjin”, li jsemmi Ġesù, u jgħid li minflokha tista’ tgħid “qaddis”. Il-Papa jfisser il-Barkiet waħda waħda.

 

“Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”. Il-ġid ma jġibx ċertezza. La jħalli f’qalbna post għal Alla u lanqas post għall-oħrajn. Għandna nkunu foqra f’qalbna, biex Alla jidħol fil-qalb tagħna u jagħmilna kuntenti tassew.

 

“Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art”. F’dinja li fiha kultura ta’ poter u ta’ dominju fuq l-oħrajn, Ġesù jipproponi mod ieħor ta’ ħajja u jistedinna kbiex nimitawh fil-ħlewwa, fil-ġentilezza u fil-maħfra tal-għedewwa.

 

“Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa”. Id-dinja tgħallem il-kontra ta’ dan. Timbotta għad-divertiment, għall-pjaċir u għall-ħarba mir-realtà. Il-bniedem tad-dinja jinjora l-problemi tal-mard u tan-niket, kemm fil-familja kif ukoll madwaru. Imma min imiss it-tbatija u n-niket u jgħin lill-imsejkna, isib il-ferħ awtentiku. Li tagħraf tibki mal-oħrajn: din hi qdusija.

 

“Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin”. Ġesù joffri ġustizzja li hi differenti minn dik li toffri d-dinja bil-ħafna interessi fiergħa u bil-prattiċi korrotti li fiha. Il-ġustizzja vera tiġi fil-ħajja tan-nies meta huma stess ġusti fid-deċiżjonijiet tagħhom, l-aktar kif iġibu ruħhom mal-foqra, mal-oppressi u mal-emarġinati.

 

“Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena”. Il-ħniena għandha żewġ aspetti: li tagħti, tgħin u taqdi lill-oħrajn; imma wkoll tinkludi l-maħfra u l-mogħdrija. Ġesu jgħidilna biex inkunu ħanina, bħalma l-Missier hu ħanin. Iridna naħfru, ma niġġudikawx u nkunu ġenerużi mal-proxxmu. Li nġibu ruħna bil-ħniena: din ukoll hi qdusija.

 

“Ħenjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla”. Din il-barka titkellem fuq dawk li qalbhom hi pura, nadifa u li jgħixu ħajja ta’ sempliċità. Ma jagħmlu xejn li bih jistgħu iweġġgħu, idgħajfu jew jonqsu b’xi mod mill-imħabba. Dawk li jħobbu b’qalb safja u b’mod ġenwin, mhux biss bil-kliem, “jaraw ‘l Alla”, għax hekk wiegħed Ġesù.

 

“Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet”. Ġesù jagħmilha ċara li t-triq li qiegħed quddiemna tmur kontra l-kurrent tad-dinja. Hi mod ta’ ħajja li tisfida, u b’riżultat ta’ dan nistgħu ma ningħoġbux. Filwaqt li qalilna biex ma nixxenqux għal ħajja faċli, wegħidna ferħ li ħadd ħliefu ma jista’ jagħtina.

 

5. SINJALI TA’ QDUSIJA

Wara li fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Gaudete et Exsultate’ (Ifirħu u Thennew), il-Papa Franġisku juri l-importanza tat-Tmien Barkiet (il-Beatitudnijiet) – li għallem dwarhom Ġesù fil-Vanġelu ­– huwa jitkellem dwar sinjali oħra fis-sejħa għall-qdusija. Huma valuri b’tifsira speċjali għalina għax huma espressjonijiet ta’ mħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn. L-ewwel li jsemmi huma l-perseveranza, il-paċenzja u l-maħfra tal-għedewwa.

 

Il-Papa jgħid li l-perseveranza hi qawwa mqiegħda fina minn Alla li biha nkunu konsistenti fl-għemil it-tajjeb tagħna. Il-perseveranza tgħinna nissaportu, inġarrbu l-kuntrarji, l-inżul u t-tlugħ tal-ħajja, u anki l-vjolenza tal-oħrajn, l-infedeltajiet u azzjonijiet oħra li nistgħu nirċievu. Il-Papa jgħid li mhux faċli tippersevera fit-tajjeb, l-aktar meta naraw ir-realtà fid-dawl tal-perikli u l-limitazzjonijiet li jeżistu fil-kultura ta’ żmienna. Iġib l-eżempju ta’ kif qed ninqabdu minn xbieki ta’ vjolenza verbali permezz tal-internet u tal-forom l-oħra ta’ komunikazzjoni diġitali. Il-Papa lanqas ma jżomm lura milli jgħid li dan il-periklu jeżisti wkoll fil-midja Kattolika, meta l-limiti jinqabżu u n-nuqqas ta’ etika u r-rispett għall-fama tal-oħrajn isiru tant komuni. Jiġri li meta nippretendu li qed niddefendu wħud mill-Kmandamenti, naqbżu għalkollox it-tmien Kmandament u bla ħniena nerqirdu l-immaġni ta’ ħaddieħor.

 

Min qed ifittex il-qdusija ma jaħlix saħħtu jgerger għall-iżbalji ta’ ħaddieħor, jaf jiskot quddiem id-difetti ta’ ħutu u jevita l-vjolenza verbali li teqred u tagħmel il-ħsara, għax ma jħossux denn li jimxi iebes mal-oħrajn, imma pjuttost iqishom aħjar minnu. Il-Papa jistedinna biex ma nħarsux ‘l isfel lejn l-oħrajn qisna mħallfin bla qalb; dan meta nikkmandawhom u rridu dejjem li nagħtuhom xi lezzjoni, għax dan fih innifisu hu forma sottili ta’ vjolenza. Anzi għandna nfittxu li nifirħu bil-ġid tal-oħrajn u nixtiequ li bnedmin oħra jkunu ppreferuti aktar minna. Ikollna l-hena f’qalbna meta nħabirku biex nirbħu l-ħażin bit-tajjeb.

 

Meta l-Papa jistedinna biex nimxu fit-triq tal-qdusija, mhux qed jirriferi biss għas-sitwazzjonijiet vjolenti tal-martirju, imma għal meta kuljum nistabru biex nistgħu nsalvaw lill-familji tagħna, jew nevitaw li nitkellmu tajjeb fuqna nfusna u nippreferu nfaħħru lill-oħrajn flok niftaħru b’rixna, meta nagħżlu karigi inqas brillanti u nġarrbu xi ħaġa inġusta filwaqt li noffruha lill-Mulej.

 

Bil-kwotazzjonijiet mis-Salmi, il-Papa jassigurana li l-Mulej se jkun magħna “imqar jekk nimxi f’wied mudlam” (Salm 23, 4) jew “jekk eżerċtu jqum għalija” (Salm 27, 3). B’moħħi mistrieħ nista’ “nimtedd u norqod minnufh fis-sliem, għax int waħdek, Mulej, fis-sod tqegħidni” (Salm 4, 9). Jassigurana wkoll il-paċi vera, fuq kliem Ġesù: “Nagħtikom is-sliem tiegħi”, u “ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja” (Ġw 14, 27).

 

6. FERĦ U UMORIŻMU

Nistħajlu lill-Papa Franġisku qed jitbissem, filwaqt li l-pinna tiegħu tgħaddi fuq il-karta li fuqha qed jikteb l-Eżortazzjoni Appostolika ‘Gaudete et Exsultate’ (Ifirħu u Thennew). Dan għax, kif jgħid hu stess, aħna m’għandux ikollna spirtu magħluq, imdejjaq, qares, malinkoniku, jew b’geddum sal-art u bla ħeġġa. Il-Papa jridna ngħixu bil-ferħ u b’sens ta’ umoriżmu, ħalli ndawlu lill-oħrajn bi spirtu pożittiv u mimli tama. U nifirħu dejjem, kif talabna San Pawl: “Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu” (Fil 4,4), għax il-ferħ hu meħtieġ il-ħin kollu biex tikber l-imħabba ta’ bejnietna.

 

Nistgħu ngħidu li l-karatteristika tal-ferħ kienet fil-Knisja mill-eqdem żminijiet. Jekk immorru lura fit-Testment il-Qadim tal-Bibbja, insibu stediniet għall-ferħ, għall-kant bħala espressjoni ta’ ferħ, għat-tħabbir ta’ ferħ u ta’ tama. Insibuh ħafna f’dak li kitbu l-Profeti. Huwa ferħ li ħabbar iż-żmien ta’ Ġesù, li hu ż-żmien li qegħdin ngħixu aħna llum.

Fit-Testment il-Ġdid niltaqgħu ma’ Marija li, fl-għanja tagħha tal-Magnificat, għarfet il-ferħ li kellu jġib Binha Ġesù. Ġesù nnifsu jwegħidna l-ferħ, imma l-ferħ tassew, meta jgħid: “Intom għad tibku,... imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’ferħ.” Ġesù jgħid ukoll lill-Appostli: “Għad nerġa’ narakom u qalbkom tifraħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom ... Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.”

 

Għalkemm minn żmien għal ieħor ikollna mumenti ibsin u żminijiet fejn is-salib jagħfas fuqna, il-Papa jgħid li xejn ma jista’ jeqred il-ferħ li jagħtina Ġesù, għax hu ferħ li jaddatta ruħu u jinbidel, imma dejjem jibqa’ xaqq ta’ dawl ġej miċ-ċertezza li, lil hinn minn kollox, aħna maħbuba bi mħabba bla qies. Din hi ċertezza li nħossu ġo fina, serenità mimlija bit-tama li toffri sodisfazzjon spiritwali, għalkemm dan ma jistax jinftiehem bil-kejl tal-bnedmin.

 

Normalment il-ferħ Nisrani hu msieħeb mis-sens ta’ umoriżmu. Fl-istorja tal-Knisja niltaqgħu ma’ qaddisin ċajtiera, bħal San Tumas More, San Vinċenz de Paul u San Filippu Neri. Dawn il-qaddisin jgħallmuna li l-burdata ħażina mhijiex sinjal ta’ qdusija u li għandna nneħħu minn moħħna ħsibijiet li jinkwetawna. Min jgħix bid-dwejjaq ma jkunx qed jagħraf id-doni t’Alla li jridna ferħanin biex inwasslu l-ferħ tagħna lill-oħrajn.

 

Il-Papa jirreferi wkoll għal dak il-ferħ li ngħixuh f’komunjoni, li naqsmuh u nieħdu sehem minnu. Jikkwota lil San Pawl li jagħti importanza lill-ferħ qalb l-aħwa meta jikteb: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu” u “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ”. L-imħabba tal-aħwa tkattrilna l-ħila li nifirħu, għax tagħmilna kapaċi nifirħu bil-ġid tal-oħrajn, kif jgħidilna wkoll San Pawl: “Ifirħu ma’ min jifraħ.” (Rum. 12, 15)

 

7. KURAĠĠ U ĦEĠĠA

Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Gaudete et Exsultate’ (Ifirħu u Thennew), jgħid li l-qdusija hi mimlija b’xewqa kuraġġjuża li nevanġelizzaw u nagħmlu differenza fid-dinja tal-lum. Jispjega l-kelma ‘PARRESIA’, mill-Grieg, li tfisser il-kuraġġ u l-ħeġġa fix-xandir tal-kelma. Tiġi minn Ġesù nnifsu, li jtennilna b’serenità u b’leħen sod: “Tibżgħu xejn”, u “Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”. Hija l-imġiba mimlija kuraġġ li l-Ispirtu s-Santu qanqal fl-Appostli biex wassalhom ixandru lil Ġesù Kristu.

 

Il-Papa jikkwota lill-Papa San Pawlu VI li, fost dak li jfixkel ix-xandir tal-kelma, isemmi n-nuqqas ta’ ‘PARRESIA’, fosthom fejn tidħol il-ħeġġa. Kemm drabi nħossuna mħajrin biex nieqfu fuq ix-xatt komdu, filwaqt li l-Mulej isejħilna biex insalpaw iktar ’il barra u nixħtu x-xbieki tagħna fil-fond. Ġesù jridna ngħaddu ħajjitna fil-qadi tiegħu u nsibu l-kuraġġ li nqiegħdu l-kariżmi kollha tagħna għall-qadi tal-oħrajn.

 

Il-Papa Franġisku jistedinna nħarsu lejn Ġesù: il-ħniena tiegħu wasslitu biex iħabbar il-kelma sabiħa tiegħu b’saħħtu kollha u biex jibgħat lid-dixxipli jfejqu u jwasslu l-ħelsien lill-oħrajn. Filwaqt li nagħrfu d-dgħufija tagħna, għandna nħallu lil Ġesù jinqeda bina. Aħna dgħajfin, imma qed inġorru fina teżor kbir li jista’ jagħmel tajbin u hienja lil dawk li jilqgħuh. Dan it-teżor hu l-kuraġġ u l-ħeġġa biex inxandru l-Aħbar it-Tajba.

 

Għandna bżonn tal-ispinta tal-Ispirtu biex ma neħlux minħabba l-biża’ u l-kalkolu, biex ma nidrawx nimxu biss fejn hu fiż-żgur. Meta l-Appostli ħassewhom ittentati li jibqgħu mwaħħlin minħabba fil-biża’ u l-perikli, qabdu jitolbu flimkien għall-‘PARRESIA’: “...Agħmel li l-qaddejja tiegħek ixandru kelmtek bil-kuraġġ kollu”. U hekk għamlu.

 

Interessanti nosservaw lill-Papa San Pawlu VI jorbot il-ferħ mal-‘PARRESIA’. Huwa jilmenta fuq in-nuqqas ta’ ferħ u tama ta’ xi Nsara u jfaħħar l-hena ħelu li jagħti l-qawwa lil min iwassal l-Aħbar Tajba. Għax in-nies ma jirċevux l-Evanġelju mingħand min hu bla ħeġġa u qalbu maqtugħa. Jista’ jkun li drajna ma naffrontawx il-ħażin u nħallu l-affarijiet jibqgħu sejrin kif inhuma jew kif jiddeċiedu xi wħud.

 

Il-Papa jsejħilna biex inħallu lill-Mulej jiġi u jqajjimna, iċaqlaq ftit it-telqa tagħna u jeħlisna mill-għażż li stajna weħilna fih. Nieħdu l-eżempju ta’ tant saċerdoti, reliġjużi u lajċi li jiddedikaw ħajjithom biex ixandru u jaqdu b’fedeltà kbira, ħafna drabi b’riskju għal ħajjithom u żgur bi prezz għall-kumdità tagħhom. Ix-xhieda tagħhom tfakkarna li l-Knisja m’għandhiex bżonn ta’ tant burokrati u funzjonarji, imma ta’ ħabbara mkebbsa bil-ħeġġa li jwasslu l-ferħ tal-Vanġelu.

 

8. ATTENTI GĦAD-DETTALJI

Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Gaudete et Exsultate (Ifirħu u Thennew), isemmi kemm hu tajjeb meta aħna ngħixu f’komunità ma’ dawk li nħobbu. Jekk ninqatgħu għalina, jista’ jkun diffiċli nirbħu d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom. Imma rridu noqogħdu attenti għad-dettalji fir-relazzjoni tagħna ma’ oħrajn qrib tagħna, għax id-dettalji jagħmlu d-differenza biex tinbena jew tinħatt l-għaqda fil-komunità. Għax il-ħajja ta’ komunità, fejn hemm diversi nies flimkien, bħal fil-familja, fil-parroċċa, fl-għaqdiet, fil-kunventi u f’kull komunità oħra hi magħmula minn tant dettalji ċkejkna tal-ħajja ta’ kuljum.

 

Hekk kien fil-ħajja komunitarja li Ġesù għex flimkien mad-dixxipli tiegħu u man-nies sempliċi tal-poplu. Ġesù kien jistieden lid-dixxipli biex joqogħdu attenti għad-dettalji. Id-dettall ċkejken li kien qed jispiċċa l-inbid ta’ festa, id-dettall ċkejken li naqset nagħġa, id-dettall ċkejken tal-armla li offriet iż-żewġ muniti tagħha, id-dettall ċkejken taż-żejt maħżun fil-kus għall-imsiebaħ jekk l-għarus jiddawwar ma jasal, id-dettall ċkejken li jitlob lid-dixxipli jaraw kemm kellhom ħobż u d-dettall ċkejken tal-faħam jaqbad u l-ħut fuqu huwa u jistenna d-dixxipli mas-sebħ.

 

Il-komunità li tħares id-dettalji ċkejkna tal-imħabba, fejn il-membri jieħdu ħsieb ta’ xulxin u joħolqu spazju miftuħ għal xulxin hi sinjal tal-preżenza ta’ Ġesù li jqaddisha skont il-pjan tal-Missier.

 

Ikun hemm waqtiet fejn, b’rigal tal-imħabba tal-Mulej, b’dawn id-dettalji ċkejkna jkollna esperjenza ta’ faraġ minn Alla. Il-Papa jikkwota dan ir-rakkont mill-ħajja ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux, li nafuha wkoll bħala Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, kif irrakkuntat minnha stess: “Darba, filgħaxija matul ix-xitwa, kont qiegħda naqdi bħas-soltu l-ħidma żgħira tiegħi, u f’daqqa waħda, smajt ġej mill-bogħod il-ħoss armonjuż ta’ strument mużikali, u bdejt inġib quddiem għajnejja xi sala mimlija dwal u tfajliet lebsin eleganti, li kienu qegħdin jitkellmu bejniethom u jagħmlu kull xorta ta’ kumplimenti fiergħa. Imbagħad, ħarsti waqgħet fuq l-imsejkna marida li kont qed nieħu ħsieb. Minflok in-noti tal-mużika, minn ħin għal ieħor bdejt nisma’ l-ilmenti tagħha. Ma nistax infisser bil-kliem dak li għadda f’ruħi dak il-ħin. Dak li naf huwa li l-Mulej dawwalha bir-raġġi tal-verità, hekk li kienu jirbħu fuq it-tlellix mudlam tal-festi ta’ din l-art, illi ma stajtx nemmen il-ferħ tiegħi”.

 

Fil-mixja għall-qdusija, minflok l-individwaliżmu li jiżolana meta nfittxu l-kumdità tagħna b’nuqqas ta’ attenzjoni għall-oħrajn, irridu nagħmlu tagħna t-talba ta’ Ġesu’: “... biex ikunu lkoll ħaġa waħda, bħalma inti ħaġa waħda fija, u jiena fik.” (Ġw 17,21)

 

9. M’HEMMX QDUSIJA MINGĦAJR TALB

Fl-Eżortazzjoni‘Gaudete et Exsultate’, (Ifirħu u Thennew), il-Papa Franġisku jgħid li m’hemmx qdusija mingħajr talb. Kemm jekk inhu talb ta’ adorazzjoni, ta’ tifħir, ta’ ringrazzjament jew ta’ kontemplazzjoni, it-talb iqegħedna fil-preżenza t’Alla. M’hemmx għalfejn ikun talb twil. Biżżejjed ftit mumenti qawwija imma b’mod kostanti, hekk li nibqgħu f’komunikazzjoni m’Alla. Insibu ftit mumenti dedikati għal Alla u noqogħdu fil-kwiet miegħu. Inwarrbu l-ilħna l-oħra kollha biex nistgħu nisimgħu l-leħen ħelu tal-Mulej li jidwi fis-skiet. Noqogħdu naħsbu dwar it-toroq ta’ qdusija li l-Mulej qed jistedinna għalihom. Inkunu dixxipli ħdejn l-Imgħallem, nisimgħuh u nitgħallmu minnu.

 

Kemm hu sabiħ li nidħlu f’kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Ġesù li miet u rxoxta, biex nibnu mill-ġdid l-umanità tagħna, anki fejn hi f’biċċiet minħabba fit-taħbit tal-ħajja, jew għax imċappsa bid-dnub. Ikunu waqtiet li fihom nieqfu fis-skiet tal-preżenza t’Alla, u mingħajr għaġġla ta’ xejn inħalluh iħares lejna. U meta għadna ma nistgħux inħalluh ifejjaqna u jibdilna, allura nidħlu fil-pjagi tiegħu, għax fihom hemm il-ħniena divina. Fit-talb tagħna nippruvaw inġeddu l-memorja ta’ dak li Alla għamel magħna, ibda mill-istorja tal-poplu Lhudi sa dak li għamel mal-Knisja kif ukoll għall-esperjenzi tal-ħajja tagħna u tal-oħrajn. Meta nitolbu, inħarsu lejn l-istorja tagħna u fiha nsibu tant ħniena.

 

It-talb hu espressjoni tal-qalb li tafda f’Alla, li taf li waħidha ma tistax tasal. Allura għandna nagħtu valur lit-talb ta’ petizzjoni, li ħafna drabi jserrħilna qalbna u jgħinna nibqgħu mexjin ’il quddiem bit-tama. It-talb ta’ petizzjoni hu att ta’ fiduċja f’Alla kif ukoll espressjoni ta’ mħabba għall-proxxmu. Jesprimi l-impenn fratern mal-oħrajn meta nkunu kapaċi ndaħħlu fih il-ħajja tagħhom, it-tbatijiet li l-aktar iħawdulhom qalbhom u l-isbaħ ħolmiet tagħhom. Sabiħ ukoll it-talb ta’ adorazzjoni, xi drabi magħmul fi skiet mimli stagħġib, jew meta ngħannu lil Alla bil-ferħ tal-kant, f’atmosfera ta’ festa.

 

Kemm hu prezzjuż il-qari tal-Bibbja, fi spirtu ta’ talb! Hu msejjaħ “iktar ħelu mill-għasel (Salm 119, 103)” u bih il-Mulej Alla jkun “musbieħ għal riġlejna”) u “dawl fil-mixi tagħna” (Salm 119, 105). It-talb bil-Kelma t’Alla mhuwiex sempliċiment waħda mill-ħafna devozzjonijiet, jew biss xi ħaġa sabiħa imma li nistgħu ngħaddu mingħajrha. It-talb qiegħed fil-qalba tal-ħajja Nisranija u fih il-qawwa li tagħmilna aħjar. Il-laqgħa tagħna ma’ Ġesù fl-Iskrittura Mqaddsa twassalna għall-Ewkaristija, fejn l-istess Kelma tilħaq l-ogħla qawwa tagħha, għax hi preżenza reali ta’ Dak li hu Kelma ħajja. Fl-Ewkaristija l-Mulej Alla jirċievi l-ikbar qima li tista’ tingħatalu f’din id-dinja, għax hu Kristu stess li jingħata. U meta nirċevuh fit-Tqarbin, inġeddu l-patt tagħna miegħu u nħalluh iwettaq dejjem iżjed l-azzjoni tiegħu li kapaċi tibdel lil ħajjitna.

 

10. IT-TAQBIDA GĦALL-QDUSIJA

F’din l-Eżortazzjoni, il-Papa Franġisku jgħidilna li l-ħajja Nisranija hi taqbida kontinwa kontra l-ħsara li jrid jagħmlilna x-xitan. Imma hi avventura sabiħa għax grazzi għaliha nistgħu nagħmlu festa kull darba li t-tajjeb jirbaħ fuq il-ħażin. Ġesù nnifsu jiffesteġġja r-rebħiet tagħna. Mhijiex biss taqbida kontra l-ġibdiet ħżiena, l-għira, l-għażż, il-mibegħda u l-bqija, imma hi wkoll taqbida kontra x-xitan, li hu l-prinċep tal-ħażen.

 

Meta nammettu li x-xitan jeżisti, nifhmu għaliex il-ħażin għandu qawwa hekk qerrieda. Jista’ jkun li meta fil-Vanġelu niltaqgħu ma’ fejqan mill-ħakma tax-xitan, ngħidu li kien fejqan minn mard fiżiku. Imma m’għandniex nissimplifikaw ir-realtà u ngħidu li l-fejqan kien kollu hekk. Dan jista’ jġagħalna nemmnu li x-xitan ma jeżistix u ma noqogħdux għassa għall-ħsara li lest jagħmlilna. Il-preżenza tiegħu nsibuha sa mill-ewwel paġni tal-Bibbja.

 

Il-Papa jgħid li nkunu iktar preċiżi jekk fit-talba tal-“Missierna” ngħidu: “eħlisna mill-Ħażin”, (b’Ħ kbira), minflok ma ngħidu: “eħlisna mid-deni”. Jistedinna biex ma naħsbux li x-Xitan hu xi storja vvintata, simbolu, idea jew fantasija. Hu ingann li naħsbu hekk, għax naslu biex ma noqogħdulux għassa għax-xitan, li jrid jirbaħna bil-mibegħda, bid-dwejjaq, bl-għira u b’ħażen ieħor. Jekk ngħidu li x-xitan ma jeżistix, inkunu qed inwaqqgħu d-difiża tagħna u nħalluh japprofitta ruħu biex jirbaħ fuqna, fuq il-familji u l-komunitajiet tagħna.

 

San Pietru jiddeskivi x-xitan b’mod preċiż: hu bħal “iljun aħrax, idur madwarkom, ifittex lil min jibla’” (1 Pt 5, 8). San Pawl jistedinna biex “nieqfu għat-tnassis tax-Xitan” (Efes 6:11) u nitfu “l-vleġeġ kollha tan-nar tal-Ħażin” (Efes 6:16). Il-Papa jgħid li dan mhux kliem poetiku, għax il-mixja tagħna lejn il-qdusija tassew hi taqbida kontinwa, u min ma jammettix dan, se jkun żarmat quddiem ix-Xitan. Il-Papa jsemmi l-“korruzzjoni spiritwali”, ta’ dawk li jgħixu fi sturdament spiritwali, li ma jintebħux li qed jonqsu bil-kbir kontra l-liġi ta’ Alla. L-istrateġija f’din il-battalja hi li nimxu ‘l quddiem fit-tajjeb u nkabbru fina l-virtù tal-imħabba. Jekk noqgħodu nitlajjaw u nikkuntentaw bil-ftit, jekk nieqfu noħolmu li nistgħu noffru lill-Mulej xi ħaġa aħjar, inkunu qed nilagħbu f’idejn il-“Ħażin”. Min jitlef il-fiduċja diġà jkun tilef minn qabel nofs il-battalja. Il-mixja tal-qdusija titlob li ma “norqdux” (1 Tess 5, 6), li “nkunu għassa“ (Mk 13, 35; Mt 24, 42) u li “nżommu l-imsiebaħ tagħna mixgħula” (Lq 12, 35).

 

11. KIF NAGĦRFU XI JRID ALLA MINNA

Fl-aħħar parti tal-Eżortazzjoni Appostolika ‘Gaudete et Exsultate’ (Ifirħu u Thennew), il-Papa Franġisku jitkellem dwar il-grazzja tad-dixxerniment. Dan hu rigal li bih ikollna l-ħila li naraw x’inhu l-aħjar għalina fiċ-ċirkustanzi li nkunu fihom u li naraw jekk ħaġa hix ġejja tassew minn Alla. Biex naslu għal dan, neħtieġu talb, riflessjoni, qari spiritwali u pariri tajba.

 

Ikollna bżonn id-dixxerniment meta fil-ħajja tagħna sseħħ xi ħaġa ġdida, u nkunu rridu ngħarblu jekk hix ġejja minn Alla. U wkoll meta nkunu ttentati biex ma nibdlu xejn f’ħajjitna, li nħallu kollox kif inhu, u b’hekk ma nilqgħux ir-rigali ġodda l-Mulej irid jagħtina. Neħtieġu d-dixxerniment mhux biss f’mumenti straordinarji, meta nkunu rridu nsolvu problemi serji jew meta rridu nieħdu deċiżjonijiet importanti, imma neħtieġuh kontinwament biex nistgħu nimxu aħjar wara l-Mulej. Ħafna drabi dawn jkunu ħwejjeġ iż-żgħar u li jidhru rrelevanti. Imma n-nobbiltà tal-qalb tidher fil-ħwejjeġ sempliċi u ta’ kuljum. Għalhekk li l-Papa jitlobna biex kuljum, fi djalogu mal-Mulej li jħobbna, nagħmlu eżami sinċier tal-kuxjenza.

 

Id-dixxerniment ma jeskludix l-għajnuniet tax-xjenzi umani, bħall-psikoloġija, għax ta’ bnedmin li aħna għandna l-limitazzjonijiet, u aħna bżonn l-għajnuna. Hawn qed nitkellmu fuq is-sens ta’ ħajjitna quddiem il-Missier, li jafna u jħobbna. Ikellimna b’modi differenti ħafna minn xulxin fuq ix-xogħol tagħna, permezz tal-oħrajn u f’kull mument. Ma nistgħux ma nfittxux is-skiet tat-talb fit-tul biex fih nifhmu aħjar dan il-lingwaġġ, biex ninterpretaw it-tifsira vera tat-tnebbiħ li naħsbu li kellna, biex nikkalmaw l-ansjetajiet tagħna u nħarsu lejn il-ħajja sħiħa tagħna fid-dawl ta’ Alla. Din l-imġiba ta’ smigħ titlob ubbidjenza għall-Evanġelju u għat-tagħlim tal-Knisja.

 

Kif dejjem jagħmel fi tmiem l-eżortazzjonijiet tiegħu, il-Papa Franġisku jitlob lil Ommna Marija biex tinkuruna r-riflessjonijiet ta’ din l-Eżortazzjoni,‘Gaudete et Exsultate’, li aħna rriflettejna fuqha tul din is-sena. Marija, iktar minn ħaddieħor, għexet il-‘Barkiet tas-Sema’’, li stedinna għalihom Ġesù. Hija dik li qabżet bil-ferħ għall-preżenza ta’ Alla, dik li żammet kollox fil-qalb tagħha u ħalliet sejf jinfidha. Hi l-qaddisa fost il-qaddisin, l-iktar imbierka u hienja, dik li turina t-triq tal-qdusija u timxiha magħna. Marija ma taċċettax li meta naqgħu nibqgħu mal-art, u xi drabi ġġorrna f’dirgħajha, mingħajr ma qatt tiġġudikana. M’hemmx bżonn li noqogħdu nisfurzaw ħafna biex nispjegawlha dak li qed inħossu. Biżżejjed illissnulha minn taħt l-ilsien għal darba, tnejn u iktar: “Sliem għalik, Marija”.