L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Il-Magħmudija tat-Trabi

 

 

 

 

 

 

IL-KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI

ISTRUZZJONI DWAR IL-MAGĦMUDIJA TAT-TRABI

20 ta' Ottubru 1980

 

Daħla

1.  Il-ħidma pastorali għall-magħmudija tat-trabi kellha għajnuna kbira bil-pubblikazzjoni tar-ritwal il-ġdid imhejji skont id-direttivi tal-Konċilju Vatikan II.[1]  Iżda l-bidla li b’tant għaġla qiegħda ssir fis-soċjetà, qiegħda tagħmilha ħaġa iebsa li ż-żgħar ikollhom trobbija tajba fil-fidi u jibqgħu sħaħ fiha, u l-problemi li minħabba f’hekk qegħdin jiltaqgħu magħhom il-ġenituri nsara u r-ragħajja tal-erwieħ, għad ma tneħħewx għal kollox.

2.  Ħafna ġenituri qegħdin jitnikktu jaraw lil uliedhom jitilqu l-fidi u ma jersqux iżjed għas-sagramenti, minkejja dak kollu li huma għamlu biex jagħtuhom trobbija tassew nisranija, u xi ragħajja tal-erwieħ qegħdin jistaqsu lilhom infushom għandhomx ikunu aktar severi meta jiġu biex jaċċettaw trabi għall-Magħmudija.  Xi wħud qegħdin jaħsbu li jkun aħjar jekk il-Magħmudija tingħata lit-tfal wara li dawn ikunu għamlu katekumenat ftit jew wisq twil, waqt li oħrajn qegħdin jitolbu studju mill-ġdid tat-tagħlim dwar il-ħtieġa tal-Magħmudija, almenu dwar il-Magħmudija tat-trabi, u jixtiequ kieku li ċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija titħalla għal meta l-individwu jkun kapaċi jintrabat personalment, forsi wkoll għal meta jkun raġel magħmul.  Dawn id-dubji dwar il-prattika pastorali tradizzjonali fiċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija, ma jistgħux ma joħolqux il-biża’ ġustifikat li fehmiet bħal dawn huma tħeddida serja għat-tagħlim hekk essenzjali tal-ħtieġa tal-Magħmudija.  Ħafna ġenituri qegħdin jiġu skandalizzati jaraw it-trabi tagħhom imċaħħdin mill-Magħmudija jew imħollija għal żmien aktar tard, meta huma jafu sewwa x’inhuma dmirijiethom.

3.  Minħabba din is-sitwazzjoni u minħabba għadd ta’ talbiet li waslulha, il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, bil-parir ta’ ħafna Konferenzi Episkopali, ħejjiet din l-Istruzzjoni.  Il-ħsieb tal-istruzzjoni hu li tfakkar il-punti ewlenin tat-tagħlim tal-Knisja f’din il-ħaġa, tagħlim li jwettaq dak li dejjem għallmet il-Knisja tul il-mijiet tas-snin, u turi kemm dan kien dejjem ta’ siwi, minkejja d-diffikultajiet li qegħdin jinqalgħu fi żminijietna.  L-istruzzjoni tagħlaq b’direttivi għall-ħidma pastorali f’din il-ħaġa.

 

L-ewwel taqsima

IT-TAGĦLIM TRADIZZJONALI DWAR IL-MAGĦMUDIJA TAT-TRABI

Drawwa mill-qedem

4.  Kemm fil-lvant u kemm fil-punent il-Magħmudija tat-trabi dejjem tqiset bħala tradizzjoni li kienet minn dejjem.  Origene, u warajh Santu Wistin, kienu jqisuha “tradizzjoni li waslitilna minn għand l-Appostli”.[2]  L-ewwel xhieda diretta tal-Magħmudija tat-trabi niltaqgħu magħha fit-tieni mitt sena, f’dan iż-żmien ma kenitx meqjusa bħala xi ħaġa ġdida.  San Irinew, b’mod speċjali, iqisha bħala ħaġa regolari li fost l-igħammdin ikun hemm “trabi u tfal ċkejknin” flimkien ma’ adolexxenti, żgħażagħ u xjuħ.[3]  L-eqdem ritwal, li fil-bidu tat-tielet seklu jiddeskrivi t-Tradizzjoni Apposolika,  fih din ir-regola: “L-ewwel għammed lit-tfal.  Dawk fosthom li jistgħu jitkellmu għalihom infushom, għandhom jitkellmu huma.  Il-ġenituri jew xi ħadd mill-familja għandu jitkellem f’isem l-oħrajn”.[4]  F’Sinodu tal-isqfijiet Afrikani, S. Ċiprjan qal: “Ebda mwieled ma għandu jiġi mċaħħad mill-grazzja ta’ Alla”, u s-Sinodu, waqt li jfakkar li “l-bnedmin kollha” jitwieldu “ndaqs”, hu x’inhu “l-kobor tagħhom jew żmienhom”, igħid li huwa skont il-liġi tgħammed it-tfal “jumejn jew tlieta wara li jitwieldu”.[5]  

5.  Veru li tul ir-raba’ seklu naqset xi ftit id-drawwa tal-Magħmudija tat-trabi.  F’dak iż-żmien il-kbar ukoll kienu jħallu għal dejjem aktar tard il-bidu tal-ħajja nisranija tagħhom minħabba l-biża’ tad-dnubiet li setgħu jagħmlu wara l-Magħmudija u l-biża’ tal-penitenza pubblika, u ħafna ġenituri kienu jħallu l-Magħmudija tat-trabi tagħhom għall-aktar tard għall-istess raġunijiet.  Imma ta’ min isemmi wkoll li Missirijiet il-Knisja u d-Dutturi, bħalma huma San Basilju, San Girgor ta’ Nissa, San Ambroġ, San Ġwann Griżostmu, San Ġrolmu u Santu Wistin, li lkoll tgħammdu meta kienu kbar, minħabba ċ-ċirkostanzi ta’ ħajjithom, ilkoll ħaduha bl-aħrax kontra traskuraġni bħal din u kienu jitolbu lill-kbar biex ma jtawlux aktar il-Magħmudija tagħhom, għax hija meħtieġa għas-salvazzjoni.[6]  Ħafna minnhom kienu jinsistu li l-Magħmudija għandha tingħata lit-trabi.[7]

It-tagħlim tal-Maġisteru

6.  Il-Papiet u l-Konċilju ta’ spiss fakkru lill-insara bid-dmir tagħhom li jgħammdu lil uliedhom.

Fit-tmiem ir-raba’ seklu, id-drawwa qadima tal-Magħmudija tat-trabi flimkien mal-kbar, “għall-maħfra tad-dnubiet”, issemmiet bħala argument kontra t-tagħlim ta’ Pelaġju.  Bħalma kienu osservaw Oriġene u Ċiprjan qabel Santu Wistin[8] din id-drawwa kienet twettaq it-twemmin tal-Knisja fid-dnub tan-nisel, u dan it-twemmin kien juri aktar ċar il-ħtieġa tal-Magħmudija tat-trabi.  Fuq dan tkellmu l-Papa Siriċju[9] u l-Papa Innoċenz I.[10]  Aktar tard, il-Konċilju ta’ Kartaġni fis-sena 408, ikkundanna lil “kull min igħid li t-trabi li għadhom jitwieldu m’għandhomx jitgħammdu”, u għallem li, minħabba “r-regola tal-fidi” tal-Knisja dwar id-dnub tan-nisel, “it-trabi wkoll, li għad ma jistgħux jagħmlu dnubiet personali, jitgħammdu tassew għall-maħfra tad-dnubiet, biex jissaffu bit-twelid ġdid dak li kisbu fit-twelid”.[11]

7.  Dan it-tagħlim baqa’ jiġi mwettaq u mħares tul iż-Zminijiet tan-nofs.  B’mod partikolari, il-Konċilju ta’ Vienne fl-1312 insista li s-sagrament tal-Magħmudija, fil-każ tat-trabi, bħala effett għandu mhux biss il-maħfra tad-dnubiet imma wkoll l-għoti tal-grazzja u ta’ kull virtù”.[12]  Il-Konċilju ta’ Firenze fl-1442 ċanfar lil dawk li riedu li l-Magħmudija titħalla għall-aktar tard, u ddikjara li t-trabi għandhom jitgħammdu “malli jista’ jkun” (quam primum commode) ħa jirċievu s-sagrament li bih jinħelsu mis-setgħa tax-xitan u jsiru wlied adottivi ta’ Alla.[13]

Il-Konċilju ta’ Trento tenna l-kundanna tal-Konċilju ta’ Kartaġni[14] u, waqt li fakkar il-kliem ta’ Ġesù lil Nikodemu, iddikjara li “mill-bidu tat-tħabbir tal-Evanġelju” ħadd ma jista’ jikseb il-ġustifikazzjoni “mingħajr il-ħasil għal twelid ġdid jew mingħajr ix-xewqa ta’ dan il-ħasil”.[15]  Waħda mill-fehmiet żbaljati li l-Konċilju kkundanna kienet il-fehma tal-Anabattisti, jiġifieri “li hu aħjar ma tgħammidx (it-tfal) milli tgħammed fil-fidi tal-Knisja lil min ma jemminx minn rajh”.[16]

8.  Il-ħafna konċilji reġjonali u s-sinodi li saru wara l-Konċilju ta’ Trento għallmu bl-istess qawwa  l-ħtieġa tal-Magħmudija tat-trabi.  Il-Papa Pawlu VI wkoll fakkar dan it-tagħlim li ilu jingħata minn mijiet ta’ snin ilu, meta qal li “l-Magħmudija għandha tingħata wkoll lit-trabi li għad ma jistgħux jagħmlu dnubiet personali, biex, huma li twieldu mingħajr il-grazzja sopranaturali, jitwieldu mill-ġdid fl-ilma u l-Ispirtu s-Santu għall-ħajja divina fi Kristu Ġesù”.[17]

9.  Il-kliem tal-Maġisteru li ssemma, intqal l-aktar biex juri l-ħażen ta’ tagħlim qarrieqi.  Dan il-kliem ma jasalx biex juri l-għana bla qjies tat-tagħlim fuq il-magħmudija li nsibu fit-Testment il-Ġdid, fil-katekeżi ta’ Missirijiet il-Knisja, fit-tagħlim tad-Dutturi tal-Knisja: il-Magħmudija hija xhieda tal-imħabba ta’ Alla li jħobbna qabel stess inħobbuh, hija tisħib fil-misteru tal-Għid tal-Mulej, hija għoti ta’ ħajja ġdida fl-Ispirtu: twassal il-bnedmin għall-wirt ta’ Alla u sseħibhom fil-Ġisem ta’ Kristu li hu l-Knisja.

10.  Minħabba dan kollu, it-twissija ta’ Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Ġwann: “Jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta’ Alla”,[18] għandna nqisuha bħala stedina ta’ mħabba bla qjies għal kulħadd, il-kliem ta’ Missier li qiegħed isejjaħ lil uliedu kollha, kollu ħerqan li jkollhom l-aqwa fost il-barkiet tiegħu.  Din is-sejħa li qatt ma tieqaf jew tintemm, ma tistax tħallina indifferenti, għaliex jeħtieġ nilqgħuha jekk irridu niksbu d-destin tagħna.

Il-missjoni tal-Knisja

11.  Il-Knisja trid twieġeb għall-missjoni li Kristu ried jafda lil-Appostli wara li qam mill-imwiet.  L-Evanġelju ta’ San Mattew igħidilna b’mod tassew solenni: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.  Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”.[19]  It-tħabbira tal-fidi u l-Magħmudija huma marbutin flimkien b’mod tal-għaġeb f’dan il-kmandament tal-Mulej, u huma parti integranti tal-missjoni tal-Knisja, li hi missjoni universali, u qatt ma tista’ ma tkunx universali.

12.  Hekk fehmet il-Knisja l-missjoni tagħha sa mill-bidu, u mhux għall-kbar biss.  Dejjem fehmet li kliem Ġesù lil Nikodemu jfissru li “t-tfal ma għandhomx jiġu mċaħħda mill-Magħmudija”.[20]  Kliem Ġesù għandhom sura hekk universali u assoluta li Missirijiet il-Knisja wżawhom biex jippruvaw il-ħtieġa tal-Magħmudija, u l-Maġisteru tal-Knisja espressament applikahom għat-tfal:[21] għat-tfal ukoll il-Magħmudija hija dħul fost il-poplu ta’ Alla[22] u l-bieb għas-salvazzjoni personali tagħhom.

13.  Bit-tagħlim tagħha u bil-prattika tagħha, il-Knisja wriet li, barra l-Magħmudija, ma hemmx triq oħra li tiżgura d-dħul tat-trabi fil-hena ta’ dejjem.  Għalhekk toqgħod attenta ħafna li ma tittraskurax il-missjoni li fdalha l-Mulej biex tagħti twelid ġdid “fl-ilma u l-Ispirtu” lil dawk kollha li jistgħu jitgħammdu.  It-tfal imbagħad li jmutu mingħajr ma jkunu tgħammdu l-Knisja ma tixtax tagħmel ħaġ’oħra ħlief tafdahom għall-ħniena ta’ Alla, kif turnina fir-rit li għandha għall-funerali tagħhom.[23]  

14.  Il-fatt li t-trabi ma jistgħux jistqarru l-fidi tagħhom mill-rajhom, ma jżommx lill-Knisja li ma tgħammidhomx, għaliex fl-aħħar mill-aħħar tgħammidhom fil-fidi tagħha.  Din id-duttrina jfissirha ċar Santu Wistin: “Meta tfal jinġabu ħa jirċievu grazzja spiritwali”, kiteb, “mhumiex biss dawk li qed jerfgħuhom fuq dirgħajhom li jkunu qed jippreżentawhom – għalkemm, jekk dawna huma nsara tajba, jingħaddu wkoll ma’ dawk li qegħdin jippreżentaw lit-tfal – imma wisq aktar qiegħda tipprezentahom il-ġemgħa kollha tal-Qaddisin u tal-insara tajbin... Dan qiegħda tagħmlu l-Knisja-Omm kollha kemm hi, li hi fil-Qaddisin, għaliex kollha kemm hi tagħti t-twelid lill-ilkoll u lil kull wieħed u waħda minnhom”.[24]  Dan it-tagħlim jerġa’ jtennih San Tumas ta’ Aquino u t-teoloġi kollha li ġew warajh: it-tarbija li titgħammed ma temminx minn rajha b’att personali tagħha, imma temmen permezz tal-oħrajn, “permezz tal-fidi tal-Knisja mogħtija lilha”.[25]  Dan l-istess tagħlim insibuh fir-Rit ġdid tal-Magħmudija, meta ċ-ċelebrant jitlob lill-ġenituri u lill-parrini jistqarru l-fidi tal-Knisja, il-fidi li fiha se jitgħammdu t-trabi.[26]

15.  Għalkemm il-Knisja tagħraf sewwa l-qawwa tal-fidi tagħha li taħdem fil-Magħmudija tat-trabi, u tagħraf ukoll li jiswa u jgħodd is-sagrament li tagħtihom, fl-istess ħin tagħraf wkoll li hemm xi limiti fil-prattika tagħha, għaliex, barra mill-każ ta’ periklu ta’ mewt, il-Knisja qatt ma tgħammed tarbija mingħajr il-kunsens tal-ġenituri u mingħajr ma jkun hemm assikurazzjoni serja li wara l-Magħmudija t-tarbija se jkollha trobbija nisranija.[27]  Dan għaliex il-Knisja għandha għal qalbha kemm id-drittijiet naturali tal-ġenituri u kemm dak li hu meħtieġ għall-iżvilupp tal-fidi fit-tarbija.

 

It-tieni taqsima

TWEĠIBA GĦAD-DIFFIKULTAJIET LI QEGĦDIN ISIRU LLUM

16.  Huwa fid-dawl tat-tagħlim imsemmi fl-ewwel taqsima li għandna nqisu s-siwi ta’ xi fehmiet li qegħdin jissemmew illum dwar il-Magħmudija tat-trabi, fehmiet li jaslu biex jistaqsu jekk il-Magħmudija tat-trabi, bħala regola ġenerali, hijiex skont il-liġi.

Ir-rabta bejn il-Magħmudija u l-att tal-fidi

17.  Xi wħud jinnotaw li fil-kotba tat-Testment il-Ġdid il-Magħmudija tiġi wara x-xandir tal-Evanġelju, tissopponi l-konverżjoni u hi msieħba mal-istqarrija tal-fidi; barra dan, l-effetti tal-grazzja, jiġifieri l-maħfra tad-dnubiet, il-ġustifikazzjoni, it-twelid mill-ġdid u titsħib fil-ħajja t’Alla, huma ġeneralment marbutin aktar mal-fidi milli mas-sagrament;[28] għalhekk dawn jipproponu li wieħed, bħala regola, għandu jibda jimxi fuq dan l-ordni: “ix-xandir tal-Kelma, il-fidi, is-sagrament.”  Barra mill-każ ta’ periklu ta’ mewt, iridu li din ir-regola tibda tgħodd ukoll għat-tfal u għalhekk iridu li jkun hemm katekumenat obbligatorju għat-tfal ukoll.

18.  Hi ħaġa żgura li l-Appostli, normalment, kienu jippriedkaw lill-kbar, u l-ewwel nies li tgħammdu kienu nies li kkonvertew għall-fidi nisranija.  Billi dawn il-fatti jirrakkonawhom il-kotba tat-Testment il-Ġdid, wieħed malajr jista’ jaħseb li dawn il-kotba qegħdin iqisu biss il-fidi tal-kbar.  Iżda, kif ġa ntqal aktar ’il fuq, id-drawwa tal-Magħmudija tat-trabi ġejja minn tradizzjoni tassew qadima li għandha l-bidu tagħha fi żmien l-Appostli, u għalhekk ħadd ma jista’ jwarrab l-importanza tagħha; barra dan, il-Magħmudija qatt ma tingħata, mingħajr ma jkun hemm il-fidi: fil-każ tat-trabi hemm il-fidi tal-Knisja.

Inżidu wkoll li, skont it-tagħlim tal-Konċilju ta’ Trento, il-Magħmudija mhijiex biss sinjal tal-fidi, imma wkoll tagħti l-fidi.[29]  Toħloq fl-imgħammdin kollha “dawl fir-ruħ”, u l-Liturġija biżantina bir-raġun kollu ssejjaħ il-Magħmudija s-sagrament tat-tidwil, jew sempliċement tidwil, u b’hekk tfisser li l-fidi li tingħata fil-Magħmudija timla ruħ kollha kemm hi u twassal biex igħib id-dlam tal-għama quddiem id-dija ta’ Kristu.[30]   

Armonija bejn il-Magħmudija u l-grazzja li wieħed jirċievi personalment

19.  Jingħad ukoll li, għaliex kull grazzja tingħata li xi persuna għall-ġid tagħha, il-grazzja trid tilqagħha u tagħmilha tagħha l-persuna li tirċeviha, ħaġa li tarbija ma tistax tagħmel.

20.  Fil-fatt, tarbija hi ħa persuna, ħafna qabel ma tista’ turih b’egħmejjel li taf li qed tagħmilhom, b’għemil ħielsa.  Bħala persuna, tarbija, bis-sagrament tal-Magħmudija, tista’ ssir wild ta’ Alla u werrieta flimkien ma’ Kristu.  Aktar tard f’ħajjitha, meta tibda tagħraf x’qed tagħmel u tagħmlu bil-libertà kollha, ikollha l-għajnuna ta’ dawk is-setgħat li tnisslu f’ruħha meta kienet għadha tarbija, bil-grazzja tal-Magħmudija.

Armonija bejn il-Magħmudija u l-libertà tat-tarbija

21.  Xi wħud ma jridux il-Magħmudija tat-trabi għax igħidu li b’hekk wieħed ikun ixekklilhom il-libertà tagħhom.  Igħidu li hu kontra d-dinjità tat-tarbija bħala persuna tgħabbiha għal ġejjieni bi dmirijiet reliġjużi li forsi meta tikber tasal sabiex ma tkunx tridhom.  Skont din il-fehma, ikun aħjar li l-Magħmudija tingħata fi żmien meta wieħed ikun jista’ jintrabat personalment; sakemm jasal dan iż-żmien il-ġenituri u l-għalliema għandhom joqogħdu lura u jevitaw li jagħmlu pressjoni fuq it-tfal.

22.  Qagħda bħal din hi biss ħolma: bla ebda mod ma teżisti l-libertà pura tal-bniedem, jiġifieri libertà li m’hijiex influwenzata minn ebda ħaġa.  Fuq l-istess livell naturali il-ġenituri jagħmlu għat-tarbija tagħhom għadd ta’ għażliet li huma tassew meħtieġa kemm għall-ħajja tagħha u kemm għal dak li hu orjentament lejn il-valuri veri.  Qagħda hekk imsejħa newtrali min-naħa tal-familja dwar dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja reliġjuża tat-tarbija hi għażla negattiva li tkun qiegħda ċċaħħad lit-tarbija minn ġid essenzjali għaliha.

Fuq kollox, dawk li jgħidu li l-Magħmudija tikkomprometti l-libertà tat-tarbija, jinsew li kull individwu, mgħammed jew mhuwiex, bħala wieħed maħluq minn Alla, hu marbut minn għadd ta’ dmirijiet lejn Alla, li ma jistax jeħles minnhom, dmirijiet li jiġu mwettqa u mogħtija aktar ġieh mill-Magħmudija għaliex tagħmilhom dmirijiet ta’ dawk li jiġu meqjusa minn Alla bħala wlied adottivi tiegħu.  Jinsew ukoll li t-Testment il-Ġdid, jurina li d-dħul fil-ħajja nisranija mhux xi jasar jew xkiel imma dħul f’ħelsien tassew.[31]

Jista’ jiġri li meta tarbija tikber, tasal biex tiċħad id-dmirijiet li jiġu mill-Magħmudija.  Jista’ jkun li dan inikket lill-ġenituri, iżda dawn ma għandhomx ilumu lilhom infushom għax kienu għammdu t-tarbija tagħhom u tawha trobbija nisranija, kif kien dmirhom u kif kellhom dritt jagħmlu.[32]  Minkejja dak li jkun ġara, iż-żerriegħa tal-fidi li tkun inżergħet fir-ruħ tat-tarbija għandha mnejn terġa’ tieħu l-ħajja, u l-ġenituri jistgħu jgħinu għal dan bis-sabar u l-imħabba tagħhom, bit-talb tagħhom u bix-xhieda ħajja tal-fidi tagħhom.

Il-Magħmudija fil-qagħda soċjoloġika tallum

23.  Minħabba r-rabta li hemm bejn il-bniedem u s-soċjetà, xi wħud huma tal-fehma li l-Magħmudija tat-trabi għadha tgħodd f’sura ta’ soċjetà omogena, fejn il-valuri, il-fehmiet u d-drawwiet jiffurmaw sistema fejn kull ħaġa taqbel mal-oħra; iżda jidhrilhom li l-Magħmudija tat-trabi m’hiex f’postha fis-soċjetajiet pluralistiċi tallum, soċjetajiet fejn il-valuri jitbiddlu kontinwament u hemm ħafna fehmiet kontra xulxin.  F’din il-qagħda tallum, igħidulek, il-Magħmudija għandha titħalla għall-aktar tard sakemm il-personalità ta’ dak li se jitgħammed tkun saret biżżejjed.

24.  Il-Knisja taf li għandha tqis sewwa l-qagħda soċjali kif tkun fil-fatt.  Imma l-kriterji ta’ pluraliżmu u omoġenejità huma biss kriterji indikativi u mhux prinċipji biex timxi fuqhom: mhumiex biżżejjed biex tħoll problema kollha kemm hi reliġjuża, problema li fin-natura tagħha hi, kollha kemm hi, tal-Knisja u tal-familja nisranija.

Jekk skont il-kriterju tal-omoġenejità tasal biex tgħid li l-Magħmudija tat-trabi f’soċjetà kollha kemm hi nisranija tkun skont il-liġi, l-istess kriterju għandu jwasslek biex tgħid li l-Magħmudija tat-trabi tkun kontra l-liġi f’soċjetà fejn il-familji nsara għadhom numru żgħir fi ħdan poplu li għadu kważi kollu kemm hu pagan jew fi ħdan pajjiż li jiċħad lil Alla  jiġġieled għall-ateizmu.  Ħaġa bħal din ma tistax tiġi aċċettata.

Il-kriterju tal-pluraliżmu ma jiswiex wisq aktar mill-kriterju tal-omoġenejità, għax f’soċjetà pluralistika, il-familja u l-Knisja jistgħu jaħdmu bla xkiel u għalhekk jistgħu jagħtu edukazzjoni nisranija.

Barra dan, l-istorja turina li kieku dawn il-kriterji “soċjoloġiċi” ġew applikati fl-ewwel mijiet ta’ snin tal-Knisja l-ħidma missjunarja kollha tagħha kienet tkun imxekkla għal kollox.  Ta’ min iżid igħid li spiss il-pluraliżmu qed isir użu minnu b’mod paradossali, biex jimponu fuq l-insara suriet ta’ mġiba li fil-fatt ifixkluhom fl-użu tal-libertà tagħhom bħala nsara.

F’soċjetà fejn il-mentalità, id-drawwiet u l-liġijiet ma għadhomx aktar ispirati mill-Evanġelju, għandu importanza kbira l-fatt li fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Magħmudija tat-trabi, wieħed għadu qabel xejn u qabel kollox jagħti każ ta’ x’inhi n-natura u l-missjoni tal-Knisja.

Minkejja li jinsab imħallat mas-soċjetà tal-bnedmin u minkejja li hu magħmul minn nies ta’ nazzjonalitajiet u kulturi differenti, il-Poplu ta’ Alla għandu l-identità speċjali tiegħu, identità li ġejja minn fidi waħda u mit-tisħib fis-sagramenti.  Il-Poplu ta’ Alla hu mqawwi minn Spirtu wieħed u tama waħda, u huwa kompless organiku sħiħ, kapaċi joħloq l-istrutturi kollha meħtieġa għall-kobor tiegħu fi ħdan il-ħafna gruppi ta’ bnedmin.  Hu f’dan il-kontest li għandna nqisu l-prattika pastorali tal-Knisja dwar is-sagramenti, u b’mod speċjali dwar il-Magħmudija tat-trabi; dak li tagħmel il-Knisja f’dan il-qasam ma għandux ikun jiddependi biss minn kriterji mislufin mix-xjenzi naturali.

Il-Magħmudija tat-trabi u l-prattika pastorali tas-sagramenti

25.  L-aħħar kritika li qed issir għall-Magħmudija tat-trabi tgħid li l-prattika tal-Magħmudija tat-trabi ġejja minn drawwa nieqsa minn kull ħeġġa missjunarja, drawwa mehdija aktar li tiċċelebra sagrament milli tqanqal il-fidi u tħeġġeġ għall-impenn biex jixxandar l-Evanġelju.  Qed jingħad li l-Knisja għadha trid il-Magħmudija tat-trabi għaliex qiegħda ċċedi għat-tentazzjoni tal-għadd tal-membri u tal-pożiżżjoni fis-soċjetà tal-bnedmin, għaliex għadha tħajjar l-insara jżommu l-fehma li s-sagramenti huma xi ħaġa maġika, waqt li jmissha aktar tħabrek biex iġġib ’il quddiem kull ħidma missjunarja, twassal għall-kobor sħiħ il-fidi ta’ l-insara; tħeġġiġhom biex jagħtu ruħhom kollhom kemm huma bil-ħeġġa kollha għall-ħidma nisranija, u għalhekk imissu jkun hemm għadd ta’ gradi fil-prattika pastorali tas-sagramenti.

26.  Ħadd ma jiċħad li l-għan tal-appostolat tal-Knisja huwa li jqanqal il-fidi u jagħmilha ħajja u li jġib ’il quddiem ħajja verament nisranija, iżda dak li titlob il-pastorali tas-sagramenti għall-kbar mhux kollu jista’ jiġi applikat bla ebda tibdil għat-tfal, li kif intqal aktar ’il fuq, jitgħammdu “fil-fidi tal-Knisja”.  Barra dan, ma għandniex nagħtu importanza żgħira għall-ħtieġa tas-sagrament tal-Magħmudija: hi ħtieġa li ma tilfet xejn mill-importanza u l-urġenza tagħha, l-aktar meta wieħed iqis li fin-nofs hemm il-fatt li jiġi zġurat li t-tarbija tirċievi l-barka bla qjies tal-ħajja ta’ dejjem.

Jekk wieħed imbagħad jifhem sewwa għalfejn it-tħassib tal-Knisja dwar l-għadd tal insara, wieħed għandu jara li dan it-tħassib la u tentazzjoni u lanqas xi ħaġa ħażina għall-Knisja, imma hu dmir u barka.  Il-Knisja, San Pawl iddeskriviha bħala “il-ġisem ta’ Kristu” u “il-milja”[33] tiegħu: hi s-sagrament li jidher ta’ Kristu fid-dinja, b’missjoni li twassal lil kulħadd ir-rabta sagramentali bejnha u bejn il-Feddej glorjuż.  Għalhekk, il-Knisja ma tistax tonqos li ma tagħtix lil kulħadd, liż-żgħar daqskemm lill-kbar, is-sagrament tal-Magħmudija li hu l-ewwel wieħed u l-pedament tal-oħrajn kollha.

Jekk dan nifhmuh sewwa naraw li d-drawwa tal-Magħmudija tat-trabi hi drawwa tassew mibnija fuq l-Evanġelju, għaliex għandha qawwa ta’ xhieda u turi l-inizjattiva ta’ Alla u l-imħabba tiegħu bla qies li ddawwarna: “mhux għax aħna ħabbejna lil Alla, imma għax ħabbna hu...aħna nħobbu għax hu ħabbna l-ewwel”.[34]  Fil-każ tal-kbar ukoll, id-dmirijiet li titlob il-Magħmudija[35] ma għandhomx inessu li “hu salvana bil-ħasil tat-twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna iżda minħabba l-ħniena tiegħu”.[36]

 

It-tielet taqsima

XI DIRETTIVI PASTORALI

27.  Għalkemm xi suġġerimenti li qegħdin isiru llum ma jistgħux jiġu aċċettati – suġġerimenti bħal dak li jitlob li ma jitgħammdux aktar trabi jew dak li wieħed ikun jista’ jagħżel, tkun xi tkun ir-raġuni, li jgħammed it-tarbija minnufih jew iħalli l-Magħmudija għal aktar tard fiż-żmien – ħadd ma jista’ jiċħad li hi meħtieġa ħidma pastorali aktar fil-fond u tiġdid  tal-ħidma pastorali f’xi suriet tagħha.  Ta’ min igħid liema huma l-prinċiplji u fuq liema linja fondamentali wieħed għandu jimxi f’din il-ħaġa.

Il-prinċipji tal-prattika pastorali

28.  L-ewwel nett hi ħaġa importanti ħafna tiftakar li l-Magħmudija tat-trabi għandha titqies bħala wieħed mid-dmirijiet l-aktar serji.  Il-problemi li toħloq għall-kappillani wieħed irid isib tarf tagħhom billi jqis sewwa t-tagħlim tal-Knisja u x’għamlet dejjem il-Knisja.

Fil-prattika, il-pastorali tal-Magħmudija tat-trabi trid tkun immexxija minn żewġ prinċipji fondamentali, wieħed jiddependi mill-ieħor.

1)       Il-Magħmudija hi meħtieġa għas-salvazzjoni u hi s-sinjal li Alla jħobbna qabel inħobbuh aħna u l-mezz li bih Alla jurina mħabbtu, għax jeħlisna mid-dnub tan-nisel u jagħtina sehem mill-istess ħajja tiegħu.  Dan id-don ta’ barkiet mis-sema għat-trabi, jekk inqisuh fih innifsu, ma għandniex inħallu li jingħata aktar tard.

2)      Jeħtieg ikun hemm assigurazzjoni li dan id-don li Alla jagħti jkun jista’ jikber permezz ta’ edukazzjoni vera fil-fidi u fil-ħajja nisranija, biex iseħħ it-tifsir sħiħ tas-sagrament.[37]  Bħala regola, din l-assigurazzjoni trid tingħata mill-ġenituri jew mill-qraba, iżda fil-komunità nisranija jista’ dejjem jinsab min jieħu posthom.  Iżda jekk tassew tkun nieqsa s-serjetà minn din l-assigurazzjoni, ikun hemm raġuni biżżejjed biex il-Magħmudija titħalla għal aktar tard fiż-żmien; u jekk ma jkunx hemm din l-assigurazzjoni wieħed jista’ jiċhad il-Magħmudija.

Djalogu bejn il-kappillani u l-familji ta’ min jemmen

29.  Fil-prattika kull każ għandu jiġi mistħarreġ skont dawn il-prinċipji fi djalogu pastorali bejn il-kappillan u l-familja tat-tarbija.  Fid-daħla għall-Ordni għall-Bidu tal-Ħajja Nisranija nsibu kif għandu jsir dan id-djalogu meta l-familja hi familja ta’ nsara li tassew qed igħixu ħajja nisranija.  Biżżejjed infakkru żewġ punti mill-aktar importanti.

L-ewwelnett, il-preżenza u t-tisħib attiv tal-ġenituri fil-Magħmudija tat-tarbija tagħhom huma ta’ importanza kbira.  Illum il-ġenituri jiġu qabel il-parrini, għalkemm il-preżenza tal-parrini għadha meħtieġa, għaliex l-għajnuna li dawn jistgħu jagħtu fl-edukazzjoni tat-tarbija tiswa ħafna u xi kultant tkun tassew meħtieġa.

It-tieni nett, it-thejjija tal-Magħmudija hi wkoll importanti ħafna.  Il-ġenituri jridu jaħsbu sewwa fuq il-Magħmudija tat-tarbija tagħhom: għandhom javżaw lill-kappillan li qed jistennew tarbija u għandhom ihejju ruħhom spiritwalment għat-twelid tagħha.  Min-naħa tagħhom il-kappillani għandhom iżuru lil dawn il-familji, jew jiġbruhom flimkien u jgħallmuhom u jagħtuhom il-pariri meħtieġa.  Għandhom iħeġġuhom ukoll biex jitolbu għat-tarbija li qed jistennew.[38]

Dwar iż-żmien meta għandha ssir il-Magħmudija, ir-Ritwal igħid dan: “Wieħed għandu jżomm l-ewwelnett quddiem għajnejh is-saħħa fiżika tat-tfal, biex ma jiġrix li xi ħadd minnhom jibqa’ mingħajr il-ġid ta’ dan is-sagrament; titqies ukoll is-saħħa tal-omm, biex kemm jista’ jkun tiġi hi wkoll għaċ-ċelebrazzjoni; u, fl-aħħarnett, sakemm ma jkunx ta’ ħsara għal dak li hu ta’ ġid aqwa tat-tarbija, titqies ukoll il-ħtieġa pastorali, jiġifieri li jkun hemm żmien biżżejjed għat-thejjija tal-ġenituri, u sabiex l-istess ċelebrazzjoni ssir b’ordni xieraq hekk li n-natura tar-rit tkun tidher sewwa”.  Għalhekk “jekk it-tarbija tkun fil-periklu tal-mewt, għandha titgħammed bla telf ta’ żmien” iżda, barra minn dan il-każ, bħala regola, “il-Magħmudija ssir fl-ewwel gimgħat wara t-twelid tat-tarbija”.[39]

Djalogu bejn il-kappillan u familja dgħajfa fil-fidi jew familja mhux nisranija

30.  Jiġri xi kulltant li għand il-kappillan jiġu xi ġenituri li jkunu dgħajfa fil-fidi u jiġu l-knisja darba kultant, jew ukoll xi ġenituri mhux insara li jitolbu l-Magħmudija għat-tarbija tagħhom, għal raġunijiet ta’ min iqishom.

F’każ bħal dan il-kappillan għandu jqanqal l-interess tal-ġenituri fis-sagrament li qegħdin jitolbu għat-tarbija tagħhom u jfehemhom b’liema responsabbilità qed jitgħabbew; u dan għandu jagħmlu permezz ta’ djalogu li jħares fil-bogħod u jipprova jifhem lin-nies li għandu quddiemu.

Fil-fatt il-Knisja tista’ tilqa’ x-xewqa ta’ dawn il-ġenituri biss jekk jagħtu assigurazzjoni li t-tarbija tagħhom, la tkun mgħammda, se jkollha l-għajnuna ta’ dik it-trobbija nisranija li jitlob is-sagrament.  Il-Knisja trid ikollha tama soda li l-Magħmudija se tagħti l-frott tagħha.[40]

Jekk ikun hemm din l-assigurazzjoni – billi, biex nagħtu eżempju, jingħazlu parrini li bis-sinċerità kollha se jieħdu ħsieb it-trobbija nisranija tat-tarbija, jew li l-kommunità tal-insara se tgħin fl-edukazzjoni nisranija tat-tarbija – is-saċerdot ma jistax jiċħad il-Magħmudija u għandu jgħammed it-tarbija minnufih, kif jagħmel għat-trabi tal-familji nsara.  Iżda jekk l-assigurazzjoni ma tkunx biżżejjed, ikun jagħmel ħaġa bil-għaqal jekk iħalli l-Magħmudija għal aktar tard fiż-żmien.  Iżda l-kappillan għandu jżomm kuntatt mal-familja biex, jekk jista’ jkun, jinkisbu dawk il-kondizzjonijiet li l-ġenituri jeħtieġu biex titgħammed it-tarbija tagħhom.  Jekk dan ukoll ma jirnexxix, wieħed jista’ jissuġġerixxi, bħala tentativ tal-aħħar, li t-tarbija tinkiteb biex tissieħeb fil-katekumenat li jibda malli t-tarbija tibda l-iskola.

31.  Dawn ir-regolamenti diġa’ jeżisu,[41] imma jeħtieġu kjarifikazzjoni.

L-ewwelnett irid ikun jidher ċar li l-kappillan mhux qed jiċħad il-Magħmudija biex jagħmel pressjoni fuq il-ġenituri.  U lanqas jista’ wieħed jitkellem fuq ċaħda, u wisq anqas fuq diskriminazzjoni, iżda wieħed għandu aktar igħid li l-Magħmudija qed titħalla għal aktar tard fiż-żmien, bi skop edukativ, skont kull każ individwali, bil-ħsieb li l-familja tikseb għajnuna biex tikber fil-fidi jew ħa tagħraf aħjar ir-responsabbilitajiet tagħha.

Dwar l-assigurazzjoni, din għandha titqies li tkun biżżejjed meta jkun hemm tama soda li t-tfal se jkollhom edukazzjoni nisranija.

Il-kitba għall-katekumenat għal meta t-tarbija tibda tmur l-iskola ma għandhiex issir waqt xi funzjoni speċjali, għax jista’ jiġri li malajr wieħed jaħseb li din iċ-ċerimonja hi xi ħaġa daqs is-Sagrament tal-Magħmudija.  Għandu jidher ċar ukoll illi l-kitba għall-katekumenat m’hijiex id-dħul fil-katekumenat, u għalhekk it-tarbija ma tistax titqies bħala katekumenu u tgawdi l-privileġġi kollha tal-katekumeni.  Meta tikber it-tarbija tissieħeb f’dan il-katekumenat li jkun igħodd għaż-żmien li jkollha.  Hawnhekk, irridu nagħmluha ċara li l-fatt li hemm Rit għall-Bidu tal-Ħajja Nisranija għat-Tfal li waslu biex jibdew imorru għall-Katekiżmu, bla ebda mod ma jfisser li l-Knisja tqis bħala ħaġa normali jew li tippreferixxi li l-Magħmudija tingħata meta t-tfal jilħqu l-età li jmorru għall-Katekiżmu.[42]

U fl-aħħarnett, f’dawn l-imkinijiet fejn il-familji ta’ fidi dgħajfa jew il-familji mhux insara huma l-kotra l-kbira, hekk li, minħabba l-qagħda speċjali ta’ dawk l-imkien, il-Konferenza Episkopali tfassal pjan pastorali li fih ikun hemm maħsub biex il-Magħmudija tat-trabi titħalla għal żmien aktar milli dak imsemmi fil-liġi ġenerali,[43] il-familja nsara li jkunu jgħammru hemm jibqagħlhom dejjem id-dritt li jgħammdu ’l uliedhom qabel.  Għal dawn il-familji s-sagrament għandu jiġi ċelebrat skont ix-xewqa tal-Knisja u skont ma jkunu jistħoqqu dawn il-familji għall-fidi u l-ġenerożità tagħhom.

Id-dmir tal-familja u tal-komunità nisranija

32.  Il-ħidma pastorali li ssir fl-okkażjoni tal-Magħmudija tat-trabi trid tkun parti minn ħidma aktar wiesgħa fost il-familji u l-komunità kollha nisranija.

Minħabba f’hekk, hi ħaġa verament importanti li tiżdied il-ħidma pastorali fost l-għarajjes b’laqgħat ta’ tħejjija għaż-żwieġ, kif ukoll il-ħidma fost il-miżżewġin żgħażagħ.  Il-komunità kollha ekklesjali għandha tiġi msejħa biex tgħin f’din il-ħidma, skont iċ-ċirkostanzi, u l-aktar l-għalliema il-miżżewġin, il-movimenti għall-ħidma fil-familji, il-kongregazzjonijiet reliġjużi u l-istituti sekulari.  Is-saċerdoti għandhom jagħtu importanza kbira għal din il-ħidma fil-minsteru tagħhom.  B’mod speċjali, għandhom ifakkru lill-ġenituri fuq id-dmir li għandhom li jqanqlu l-fidi f’uliedhom u jrabbuhom fiha.  Fil-fatti huma l-ġenituri li għandhom ikunu l-ewwel nies li jagħtu bidu għat-trobbija reliġjuża ta’ wliedhom, billi jgħallmuhom iħobbu lil Kristu bħala l-aqwa ħabib tagħhom u igħinuhom jiffurmaw kuxjenza tajba.  Dan id-dmir ikun wisq eħfef u jagħti aktar frott jekk jinbena fuq il-grazzja tal-Magħmudija fir-ruħ ta’ wliedhom.

33.  Ir-Ritwal juri ċar li l-komunità nisranija, u l-aktar dawk l-insara li fosthom tgħammar il-familja, għandhom sehem kbir fil-pastorali tal-Magħmudija, “It-tħejjija għall-Magħmudija u t-trobbija nisranija huma fuq kollox uffiċċju tal-Poplu ta’ Alla, jiġifieri tal-Knisja li tgħaddi lill-oħrajn il-fidi li hija rċeviet mill-Appostli”.[44]  It-tisħib sħiħ tal-poplu nisrani li ġa qed iseħħ fil-Magħmudija tal-kbar, hu meħtieġ ukoll fil-Magħmudija tat-trabi, fejn “għandu sehem kbir il-poplu ta’ Alla, jiġifieri il-Knisja, rappreżentata permezz tal-komunità tal-post”.[45]  Barra dan, l-istess komunità għandha x’taqla ħafna biċ-ċerimonja tal-Magħmudija kemm spiritwali u kemm fil-qasam tal-appostolat.  Fl-aħħarnett il-ħidma tal-komunità tkompli wara li tintemm iċ-ċelebrazzjoni, billi l-kbar igħinu fl-edukazzjoni fil-fidi taż-żgħar, kemm bix-xhieda li jagħtu ta’ ħajja nisranija, u kemm bis-sehem tagħhom f’kull xorta ta’ ħidma kateketika.

 

EGĦLUQ

34.  Hija u tkellem lill-isqfijiet, il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi hija żgura li huma, bħala parti mill-missjoni li rċevew minn għand il-Mulej, jieħdu ħsieb ifakkru t-tagħlim tal-Knisja dwar il-Magħmudija tat-trabi, iġibu ’l quddiem ħidma pastorali xierqa, u jreġġgħu lura għad-drawwa tradizzjonali tal-Knisja dawk li, forsi imġiegħelin minn tħassib pastorali li wieħed jista’ jifhmu, tbegħdu minnha.  Il-Kongregazzjoni tittama li t-tagħlim u d-direttivi li jinsabu f’din l-istruzzjoni jaslu għand il-kappillani kollha, għand il-ġenituri nsara u għand il-komunità ekklesjali kollha, biex kulħadd ikun jaf sewwa x’inhuma r-responsabbiltajiet tiegħu u kulħadd jagħti sehemu, bil-Magħmudija tat-trabi u t-trobbija nisranija tagħhom, għall-kobor tal-Knisja, il-Ġisem ta’ Kristu.

Din l-Istruzzjoni ġiet milqugħa f’laqgħa ordinarja tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi u ġiet approvata f’udjenza mogħtija lill-Kardinal Prefett mill-Qdusija Tiegħu l-Papa Ġwann Pawlu II, li ordna li tiġi pubblikata.

Ruma, mill-Kongregazzjjoni tad-Duttrina tal-Fidi, 20 ta’ Ottubru, 1980.

Franjo Kard. Seper

Prefett

 

† Fr Jerome Hamer O.P.

Arċisqof tit. ta’ Lorium

Segretarju   

  

 

 


 

[1] Ordo Baptismi Parvulorum, ed. typica, Ruma, 16 ta’ Mejju 1969 (Il-bidu tal-ħajja nisranija, Malta, 1972).

[2] Origene, In Romanis, V, 9; PG 14, 1047; ara S. Wistin De Genesi ad litteram X, 25, 39; PL 34, 426; De peccatorum meritis et remissione et de Baptismo parvolorum Ad Marcellnum, I, 26, 39; PL 44, 131.  Tliet passi fl-Atti tal-Appostli (16,15; 16,33; 18,8) jitkellmu fuq il-Magħmudija ta’ familja sħiħa.

[3] Adv. Haereses, II, 22, 4; PG 7, 784; Harvey I, 370.  Ħafna iskrizzjonijiet, sa mit-tieni mitt sena, isejħu lit-tfal “ulied Alla”, titlu li jingħata biss l-imgħammdin.  Iskrizzjonijiet oħra jgħidu ċar li t-tfal huma mgħammdin; ara v.g. Corpus Inscriptionum Graecorum, 9727, 9801, 9817; E. Diehl, Inscriptiones Latinae Christianae Veteres, Berlin 1961, nn. 1523 (3), 4429A.

[4] La Tradition Apostolique de Saint Hippolyte, edizzjoni u traduzzjoni ta’ B. Botte, Munster, Aschendorff, 1963 (Liturgie wiessenschaftliche Quellen und Forschungen 39) p. 44.

[5] Epist LXIV, Cyprianus et coeteri collegae qui in concilio adfuerunt numero LXVI.  Fido Patri. PL 3, 1013-1019; ed. Hartel (CSEL 3, pp. 717-721.  Din id-drawwa kienet tassew qawwija fil-Knisja tal-Afrika, minkejja l-fehma ta’ Tertulljan, li kien tal-parir li l-magħmudija tat-trabi titħalla għal aktar tard minħabba l-innoċenza tagħhom u minħabba l-biża’ li f’żogħżithom jistgħu jidinbu.  Ara De baptismo XVIII 3 – XIX, 1; PL I, 1220-1222; De anima 39-41; PL 2, 719s.

[6] Ara San Basilju, Homilia XIII exhortatoria ad sanctum Baptisma, PG 424-436; San Girgor ta’ Nissa, Adversus eos qui differunt baptimum oratio; PG 46, 424; Santu Wistin, In Ioannem tractatus XIII, 7; PL 35, 1496 CCL 36 p. 134.

[7] Ara San Ambroġ, De Abraham, II, 11, 81-84; CSEL 32, 1, pp. 632-635; San Gwann Griżostmu, Catechesis, III, 5-6. Ed Wenger, SC 50, 153-154; San Grolmu, Epist, 107, 6; PL 22, 873, ed. L. Labourt (Bude) vol 5 pp. 151-152.  Iżda, waqt li San Girgor Nazjanenu kien iħeġġeġ lill-ommijiet biex igħammdu lil uliedhom kemm jista’ jkun kmieni, kien jikkuntenta li jgħammduhom matul l-ewwel tliet snin ta’ ħajjithom; ara Oratio XI in sanctum baptisma, 17, 38; PG 380, 399.

[8] Origene, In Leviticu homilia VIII, 3; PG12, 496; In Lucam hom. XIV, 5; PG 13, 1835; San Ciprjan, Epist. 64,5; PL 3, 1013; ed. Hartel, CSEL p. 720; Santu Wistin, De peccatorum meritis et remissione et de baptismo parvulorum, I, XVIII-XIX, 22-24; PL 44, 121-122; De gratia Christi et de peccato orginali, I, XXXII; 35; ibid. 377; De praedestinatione sanctorum XIII; 25; ibid. 978; Opus imperfectum contra Iulianum, V, 9; PL 45, 1439.

[9] Epist. “Directa ad decessorem” ad Himerium episc. Tarraconcensem, 10 febr. 385, 2; DS (Denzinger-Schoenmetzer Enchiridion symbolorum, definitonum et declarationum de rebus fidei et morum, Herder 1963, 184.

[10] Epist. “Inter ceteras Ecclesiae Romanae” ad Silvanum et ceteros Synodi Melivetanae Patres, 27 ian. 417, 3; DS 219.

[11] Canon 2 Mansi III, 811-814 u IV, 327 A-B; DS 273.

[12] Konċilju ta’ Vienne, Mansi, XXV, 411 C-D; DS 903-904.

[13] Konċilju ta’ Firenze, sessio XI; DS 1349.

[14] Sessio V, can. 4; DS 1514; ara Konċilju ta’ Kartaġni tal-418 fin-nota 11 hawn fuq.

[15] Sessio VI, cap. IV; DS 1524.

[16] Sessio VII, can 13; DS 1626.

[17] Sollemnis professio fidei, 18; AAS 60, 1968, p.440.

[18] Ġw 3,5.

[19] Mt 28, 19; Ara Mk 16, 15-16.

[20] Ordo Baptismi Parvulorum, Praenotanda, n. 2 p. 15 (bidu tal-ħajja nisranija, p. 14).

[21] Ara n-nota 8 hawn fuq għax-xhieda ta’ Missirijiet il-Knisja, u n-noti 9 u 13 għal dik tal-Konċilji.  Xhieda oħra hi l-Professjoni tal-Fidi tal-Patrijarka Dositev ta’ Ġerusalem fl-1672; Mansi XXXIV, 1746.

[22] Jikteb Santu Wistin: “Dak li jiġri meta jitgħammdu t-tfal hu li jissieħbu fil-Knisja, jiġifieri li jissieħbu mal-Ġisem ta’ Kristu u mal-membri tiegħu” (De peccatorum meritis et remissione et de baptismo parvulorum, III, 4, 7; PL 44, 189; ara I, 26, 39 (ibid.131).

[23] Ordo Exsequiarum ed. typica, Ruma, 15 ta’ Awwissu, 1969, 82, 231-237 (Ordni għall-Funerali, Malta, 1971, 82, 231-237).

[24] Epist. 98, 5; PL 33, 362; Sermo 176, 2, 2; PL 38, 950.

[25] Summa Theologica III, q.69, a.6; ad 3; ara q. 68, a.9 ad 3.

[26] Ordo Baptismi Parvulorum, Praenotanda, n.2; ara n.56 (Bidu tal-ħajja nisranija, tagħrif ta’ qabel, 2, ara n.59).

[27] Hemm tradizzjoni antika ħafna msemmija minn San Tumas ta’ Aquino (Summa Theologica, II-II, q.10, a.12 in c) u mill-Papa Benedittu XIV (Istruzzjoni Postremo mense tat-28 ta’ Frar 1747, 4-5; DS 2552-253), li t-tfal ta’ ġenituri li ma jemmnux jew ta’ ġenituri Lhud ma jitgħammdux ħlief fil-każ ta’ periklu tal-mewt (CIC, can. 750 par.2) kontra r-rieda tal-ġenituri tagħhom, jiġifieri dawn it-tfal ma għandhomx jitgħammdu jekk il-ġenituri tagħhom ma jitolbux il-magħmudija għal uliedhom u jagħtu l-garanziji meħtieġa.

[28] Ara Mt 28,19; Mk 16,16; Atti 2, 37-41; 8, 35-38; Rum 3,22-26; Gal 3, 26.

[29] Konċilju ta’ Trento, sess. VII, Decr. De Sacramentis can. 6; DS 1606.

[30] Ara 2 Kor 3, 15-16.

[31] Ġw 8.36; Rum 6, 17-22; 8-21; Gal 4,31; 5,1-13; I Piet 2,16.

[32] Dan id-dritt u d-dmir, imfisser fl-irqaqat kollha tiegħu mill-Konċilju Vatikan II fid-Dikjarazzjoni Dignitatis humanae 5, għandu għarfien mad-dinja kollha permezz tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, art 26 (3).

[33] Ef 1,23.

[34] I Ġw 4, 10.19.

[35] Ara Konċilju ta’ Trento, sess. VI, Deiustificatione, cap. 506, can. 4 u 9; DS 1525-1526, 1554, 1559.

[36] Tit 3, 5.

[37] Ara Ordo Baptismi Parvulorum, Praenotanda 3 p. 15. (Bidu tal-ħajja nisranija, 3, p.14).

[38] Ara ibid. N. 8 par. 2 p. 17; n. 5 par. 1 u 5 p. 16.

[39] Ibid. 8 par. 1, p. 17 (Bidu p. 16).

[40] Ara ibid. n .3 p. 15 (Bidu p. 14).

[41] Dawn ir-regolamenti ngħataw għall-ewwel darba f’ittra tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi lil Mons. Barthelemy Hanrion, isqof ta’ Dapango, Togo, u ġew pubblikati flimkien mat-talba tal-isqof fin-nru 61 ta’ Notitae (vol 7, sena 1971) pp. 64-70.

[42] Ara Ordo initiationis christianae adultorum, ed. typica, Ruma, 6 Jannar 1972, kap. 5, pp. 125-149.

[43] Ara Ordo Baptismi Parvulorum, Praenotanda, n.8 par. 3-4 p.17 (Bidu tal-ħajja nisranija p. 9).

[44] Ibid. De initiatione christiana, Praenotanda, n. 7, p. 9 (Bidu tal-ħajja nisranija, p.9).

[45] Ibid. Praenotanda, n.4 p. 15 (Bidu tal-ħajja nisranija p. 14).

 

 

Ħajr lil Ms Myriam Buttigieg għat-typing