Il-figura profetika tal-Beatu John Henry Newman

 

“L-Ingilterra għandha tradizzjoni kbira ta’ martri qaddisin, li x-xhieda kuraġġuża tagħhom sostniet u nebbħet il-komunità t’hawnhekk għal sekli sħaħ. Għalhekk huwa sewwa u f’loku li aħna għandna nagħrfu illum il-qdusija ta’ dan ix-xhud, iben ta’ dan in-nazzjon li, waqt li ma kienx imsejjaħ li jxerred demmu għall-Mulej, madankollu ta xhieda qawwija għalih tul ħajja twila iddedikata lill-ministeru saċerdotali, u speċjalment lill-predikazzjoni, lit-tagħlim u lill-kitba”. Dan qalu l-Papa Benedittu XVI fl-omelija li għamel f’Cofton Park ta’ Rednal ġewwa Birmingham, fiċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni li l-Papa nnifsu mexxa’ nhar il-Ħadd 19 ta’ Settembru.

 

Il-Kardinal John Henry Newman (1801-1890), kien bniedem eċċezzjonali f’ħafna modi u manjieri. Kien teologu Anglikan, saċerdot u mexxej tal-Oxford Movement, u meta għadda għall-Knisja Kattolika ġie ordnat saċerdot, baqa’ teologu, kien direttur spiritwali u l-idejat profondi tiegħu kellhom influwenza kbira fuq ħafna mill-kwistjonijiet importanti u jaħarqu fil-Konċilju Vatikan it-Tieni.  

 

John Henry Newman twieled f’Londra minn John u Jemina Newman. Kien l-ikbar wild fost sitt itfal. Studja fi Trinity College ġewwa Oxford. Fl-1822 ġie elett bħala imsieħeb ta’ Oriel College. Fl-1825 ġie ordnat saċerdot Anglikan filwaqt li tliet snin wara sar kappillan ta’ parroċċa li kienet tagħmel ma’ din il-knisja, f’Littlemore. Bejn l-1826 u l-1845, huwa għallem f’Oriel College. Kellu ħafna għall-qalbu l-iżvilupp morali u intellettwali tal-istudenti tiegħu.

 

Fl-1832 Newman akkumpanja lil ħabibu, Richard Hurrell Froude, fi vjaġġ fl-Italja. Fi Sqallija, Newman inxteħet f’sodda marid se jmut. Kien hawnhekk li kiteb il-poeżija Lead, Kindly Light. Mar-ritorn tiegħu f’Oxford, Newman baqa’ issummat bi priedka li John Keble kien għamel bit-titlu The National Apostasy. Din il-priedka famuża varat l-Oxford Movement. Dan il-moviment emfasizza kemm felaħ li l-Knisja Anglikana hija midjuna ħafna ma’ Missirijiet il-Knisja. B’qawwa kbira dan il-moviment sfida ċerti idejat liberali, speċjalment bit-tendenza, li l-Anglikaniżmu beda’ jinħakem biha, li l-verità hija kompletament suġġettiva.

 

Newman kien protagonist fl-Oxford Movement tant li mill-pinna prolifika tiegħu ħarġu għadd ta’ Tracts for the Times (1833-41). Dawk kienu pamphlets tal-moviment li ġabu qasma fil-Knisja Anglikana. Kien hemm minn laqagħhom b’idejh miftuħa u kien hemm min ikkundannhom sa’ snienu. It-Tract 90 poġġa l-melħ fuq il-ferita! Fih, Newman irraġuna li d-39 Articles li fuqhom hija msejsa l-Komunjoni Anglikana jaqblu perfettament mat-teoloġija ta’ Missirijiet il-Knisja. Ħafna Anglikani ħarġu bil-kanuni u bix-xwabel kontrih tant li l-Isqof ta’ Oxford ipprojbixxa l-pubblikazzjonijiet futuri tat-tracts filwaqt li l-università iċċensurat it-Tract 90.

 

Għalkemm dawn l-iżviluppi kkumplikaw il-ħbiberiji ta’ Newman mal-mexxejja tal-Oxford Movement, Newman baqa’ f’relazzjoni tajba ma’ ħafna minnhom sakemm mietu, u fuq kollox baqa’ jitlob għalihom sal-aħħar. Sal-1843, Newman ippublika tliet kotba u sitt volumi tal-Parochial and Plain Sermons, li hu ppriedka fil-knisja tal-università. Sa tmiem ħajtu, Newman ippublika 40 ktieb u kiteb mal-21,000 ittra li l-Oxford University Press ippublikat f’31 volum. Nhar id-9 ta’ Ottubru tal-1845, Newman ġie milqugħ fil-Knisja Kattolika Rumana mill-Beatu Domenico Barberi, Patri Passjonista Taljan. F’dan iż-żmien kien qiegħed jikteb il-famuż essej tiegħu bit-titlu Essay on the Development of Christian Doctrine.

 

Sa minn meta sar Kattoliku, Newman kien determinat li jissokta fejn ħalla bħala Anglikan. Bla telf ta’ żmien daħal f’seminarju Ruman, li kien immexxi mill-Kongregazzjoni tal-Propoganda tal-Fidi, issieħeb mal-Oratorjani u ġie ordnat saċerdot kattoliku fl-1847. Huwa fetaħ dar Oratorjana f’Maryvale, biswit Birmingham. Fl-1849, Newman fetaħ djar Oratorjani f’Birmingham u f’Londra, waqqaf l-Università tal-Irlanda u serva bħala r-rettur tagħha mill-1851 sal-1858. Il-ktieb tiegħu The Idea of a University jmur lura għal dan il-perjodu.

 

Il-famuża kontroversja li daħal fiha Newman bl-essej tiegħu On Consulting the Faithful in Matters of Doctrine, minħabba l-fatt li dan it-teologu kbir qal li fir-raba’ seklu tal-ereżija Arjana, kienu l-insara lajċi iktar milli l-isqfijiet tagħhom li żammew il-verità tal-fidi hekk kif kienet definita mill-Konċilju ta’ Niċea, fis-sena 325 WK, għenitu bis-sħiħ biex aktar tard joħroġ id-difiża tiegħu Apologia Pro Vita Sua. Wara d-denunzja ta’ Isqof Ingliż lis-Santa Kongregazzjoni tal-Inkwiżizzjoni Universali u l-kritika ħarxa ta’ Mons. George Talbot, qassis li kien jaħdem fil-Vatikan, Newman baqa’ b’fommu mitbuq. Kien il-kumment sarkastiku tal-qassis Anglikan Charles Kingsley li taha n-nar lil Newman biex juri l-integrità tiegħu. Kingsely ikkumenta hekk fuq Newman: “Il-verità fiha nnifisha qatt ma kienet virtù mal-kleru Ruman. Father Newman jurina li mhemmx għalfejn, u wara kollox, mgħandhiex tkun…” F’din l-awtobijografija spiritwali tiegħu, Newman iddefenda kemm felaħ l-integrità personali u intellettwali tiegħu kemm bħala Anglikan u iktar tard bħala Kattoliku. Huwa jgħid li meta kellu ħmistax-il sena seħħet bidla kbira fih. “Jiena waqajt taħt l-influwenza ta’ Kredu definit u fl-intellett tiegħi rċevejt impressjonijiet ta’ dommi li, permezz tal-ħniena ta’ Alla, qatt ma ġew imħassra jew oskurati”. Fl-1878 Newman ġie elett bħala msieħeb onorarju fi Trinity College f’Oxford. Hawnhekk ħassu tant kuntent li seta’ iżur dak il-bini u jiltaqa’ mill-ġdid ma’ ħbiebu l-antiki.

 

It-tempesta għal Newman bdiet tikkalma meta fl-1878 ġie nominat Kardinal mill-Papa Ljun XIII. Wara li assigurah li seta’ jibqa’ jgħix f’art twelidu Nemwan aċċetta n-nomina u għażel bħala l-motto kardinalizju tiegħu Cor ad cor loquitur (‘Qalb tkellem lill-qalb). Dan it-teologu kbir miet nhar il-11 ta’ Awwissu tal-1890 f’Rednal Birmingham. L-epitafju tiegħu Ex Umbris et Imaginis in Veritatem (“Mill-dellijiet u l-imaġini fil-Verità”) hija t-taqsira tal-ħajja intellettwali, pastorali u spiritwali tal-Beatu John Henry Newman.

 

Il-Kardinal Ġiżwita Avery Dulles iddeskriva lil Newman bħala l-iktar teologu Kattoliku influwenti tas-seklu dsatax. Qabel Newman, it-teoloġija Kattolika kienet temfasizza l-konklużjonijiet mill-prinċipji bażiċi, maqtugħa għal kollox mill-istorja tal-bniedem. Wara Newman, l-esperjenza mgħixha tal-insara kienet meqjusa bħala parti essenzjali mir-riflessjoni teoloġika. Immedjatament wara li spiċċa l-Konċilju Vatikan t-Tieni, l-Isqof Robert Dwyer ta’ Reno f’Nevada, iddeskriva lil Newman bħala ‘il-Missier assenti’ tal-Konċilju. Skont Fr Ian Ker, teologu awtorevoli fuq Newman, it-teoloġija ta’ Newman, li “dehret tant radikali, anki perikoluża fi żmienu, kienet dejjem profondament storika u sensittiva għat-Tradizzjoni tal-[Knisja], u fl-istess ħin rispettuża għat-tagħlim awtoritarju tal-Knisja. Fiż-żmien post-konċiljari li fih qegħdin ngħixu, nemmen li John Henry Newman huwa gwida imprezzabli biex nifhmu tassew il-Konċilju, ħielsa minn kull żbalji u esaġerazzjonijet. Għarfien li huma msaħħaħ mis-sens ta’ storja u żvilupp tad-duttrina, u kif ukoll bl-apprezzament tal-limitazzjonijiet tal-konċilji u tar-relazzjonijiet bejniethom”.

 

Fid-diskors tiegħu lill-partecipanti fis-simposju fuq L-influwenza konstanti ta’ Newman, li sar fl-1990, il-Papa Ġwanni Pawlu II emfasizza erba’ lezzjonijiet li Newman jgħallem lill-Knisja u lid-dinja: (i) il-bżonn għal diżpożizzjoni interjuri ta’ ubbidjenza mimlija mħabba lejn Alla; (ii) it-tfittxija tul il-ħajja kollha għall-qdusija u għall-għaqda ma’ Kristu; (iii) l-għaqda bejn it-teoloġija u x-xjenza, bejn id-dinja tal-fidi u dik tar-raġuni, u; (iv) l-imħabba lejn il-Knisja bħala l-għotja kontinwa tal-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin f’kull fażi tal-istorja. 

 

Il-krema tal-wirt li ħalla warajh Newman jista’ jinġabar f’din it-talba sabiħa li kiteb: “Alla ħalaqni biex nagħmillu servizz definit. Tani ftit xogħol li ma tahx lil ħaddieħor. Għandi missjoni. Nista’ ma nafhiex f’din il-ħajja, imma se nkun nafha fil-ħajja li ġejja. Jiena ħolqa f’katina, rabta li tgħaqqad bejn il-persuni. Ma ħalaqnix għal xejn. Se nwettaq it-tajjeb. Se nagħmel xogħlU. Se nkun anġlu tal-paċi mingħajr ma nkun naf jekk inżomm il-kmandamenti tiegħU. Għalhekk, se nafdaH”.

 

Jekk trid tkun profetiku b’ħajtek, kif kien il-Beatu John Henry Newman, afda fil-Mulej, bħalma għamel hu!

 

Kitba ta' Patri Mario Attard OFM Cap