Laikos

 

 Aktar dwar il-Ħniena Divina ...

ID-DEVOZZJONI U L-MESSAĠĠ TAL-ĦNIENA DIVINA

STRUMENT UMLI TA’ ALLA

Fil-5 ta’ Ottubru 1938, soru żagħżugħa bl-isem ta’ Fawstina Kowalska mietet fil-Kunvent tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena fi Krakow, ġewwa l-Polonja. Santa Fawstina kienet ġejja minn familja fqira ki fi żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija kienu għexu bi tbatija kbira mix-xogħol li jipproduċu mill-għalqa żgħira li kellhom. Kienet attendiet biss tlett snin skola. Fil-kunvent kienet tagħmel l-aktar xogħol umli, normalment jew fil-kċina jew fil-ġnien jew għassa mal-bieb.

 

IX-XBIEHA TAL-HNIENA DIVINA

Il-Missjoni ta’ Santa Fawstina bdiet meta kellha dehra mingħand il-Mulej fit- 22 ta’ Frar 1931 fi Polck, il-Polonja. Santa Fawstina kitbet hekk:

“Filgħaxija waqt li kont fiċ-ċella tiegħi, jien rajt lill-Mulej Ġesu’, liebes libsa bajda. Id minnhom kienet merfugħa ‘l fuq f’att ta’ tberik, l-oħra kienet tmiss il-libsa fuq is-sider. Minn taħt il-libsa, daqsxejn miftuħa fuq is-sider kienu ħerġin żewġ raġġi wisgħin ta’ dawl, wieħed aħmar u l-ieħor ċar. Fis-skiet żammejt ħarsti fuq il-Mulej, ruħi mtliet bil-biża, iżda wkoll b’ferħ kbir. Wara ftit tal-ħin Ġesu’ qalli”:

Pinġi xbieha skont kif int qed tara din il-viżjoni bil-kelmiet, Ġesu’ jiena nafda Fik. Nixtieq li din ix-xbieha tkun meqjuma l-ewwel f’din il-kappella tiegħek u mbagħad mad-dinja kollha…. Ħarsti minn dik ix-xbieha hi l-istess bħal dik ta’ fuq is-Salib…. Inwiegħed li kull ruħ li tqim din ix-xbieha ma tintilifx. Inwiegħed ukoll rebħa fuq l-għedewwa tagħha hawn fid-dinja speċjalment fis-siegħa ta’ mewtha. Jien stess niddefendiha bħala l-glorja Tiegħi… Jien inħares l-ibliet u d-djar fejn ikun hem din ix-xbieha… Permezz ta’ din ix-xbieha jien nagħti ħafna grazzji lill-erwieħ.

 

IT-TIFSIRA TAŻ-ŻEWĠ RAĠĠI FUQ IX-XBIEHA

Santa Fawstina staqsiet lill-Mulej it-tifsira taż-żewġ raġġi ta’ dawl. Waqt li kienet titlob, Ġesu weġibha: Iż-żewġ raġġi juru d-Demm u l-IIma. Ir-Raġġi ċari jirrapreżentaw l-ilma, li jsaffi l-erwieħ. Ir-raġġi ħomor jirrapreżentaw id-Demm li hu l-ħajja ta’ l-erwieħ… Dawn iż-żewġ raġġi ħarġu mill-fond tal-Ħniena l-aktar profonda Tiegħi , meta l-Qalb agonizzanti Tiegħi kienet minfuda minn lanza fuq is-Salib.

 

IL-ĦADD TAL-ĦNIENA DIVINA

Bħal sinjal ieħor ta’ Mħabba u Ħniena għalina lkoll, Ġesu’ ried li l-Festa tal-Ħniena Divina tkun ċċelebrata fil-knejjes tad-dinja kollha . Mis-sena 2000, it-Tieni Ħadd ta’ l-Għid ġie ddikjarat mill-Knisja bħalha l-Ħadd tal-Ħniena Divina.

Inkomplu naraw ftit siltiet mid-Djarju ta’ Santa Fawstina u l-kliem ta’ Ġesu’, meta tkellem mal-qaddejja umli Tiegħu:

Saqsi l-konfessur tiegħek biex f’dik il-ġurnata jitkellem mad-dinja kollha fuq il-Ħniena Tiegħi… Jien nixtieq li l-Festa tal-Ħniena tkun rifuġju u kenn għall-bnedmin kollha, u l-aktar għall-midinbin imsejkna. F’dak il-jum, l-abissi profondi tal-Ħniena Tiegħu jinfetħu…. Jiena nferra’ oċejan sħiħ ta’ grazzji fuq dawk il-bnedmin li jersqu lejn l-għajn tal-Ħniena Tiegħi… Jiena nixtieq li din ix-xbieha tiġi esposta fit-Tieni Ħadd ta’ l-Għid. Dak il-Ħadd ikun il-Festa tal-Ħniena Divina… Qawwi qalb l-erwieħ biex ikollhom tama kbira fil-Ħniena bla qies Tiegħi. Tħallix ir-ruħ dgħajfa u midinba tibża’ tersaq Lejja, għax ukoll kieku kellha iktar dnubiet milli hem frak tar-ramel fid-dinja, kollox ikun imgħarraq fil-fond tal-Ħniena bla qies Tiegħi…. Dik ir-ruħ li tmur tqerr sa sebat ijiem qabel jew wara l-Festa tal-Ħniena) u titqarben f’dik il-ġurnata taqla maħfra sħiħa ta’ dnubietha u tal-kastig. F’dak il-jum il-bibien Divina minn fejn joħorġu l-grazzji jkunu miftuħa… Qalbi tifraħ minħabba din il-Festa… Għid lill-qassisin tiegħi, li l-midinbin l-iktar ostinato jċedu għal kliemhom meta jitħaddtu magħhom fuq il-Ħniena Tiegħi bla tarf, u fuq l-Imħabba li jien għandi għalihom f’Qalbi. Lill-Qassisin li jistqarru u jxandru l-Ħniena Tiegħi, Jien nagħtihom setgħa ta’ l-għaġeb u nikkonsagra kliemhom u mmiss il-qalb ta’ dawk li magħhom jitkellmu.

  

IR-RIGAL TAL-ĦNIENA (jew tisfija tar-ruħ)

Il-Kan. Pollakk Ignacy Rozycri, Duttur tat-Teoloġija Dommatika, u appuntat mill-Papa Ġwanni Pawlu II biex jeżamina ir-rivelazzjonijiet li kienet tirċievi Santa Fawstina, wasal għall-konklużjoni li l-grazzja straordinarja mwegħda minn Ġesu’ fil-Festa tal-Ħniena hija rigal tal-grazzja li tista’ tiġi mqabbla biss mal-grazzja tal-Magħmudija. Jiġifieri fil-jum tal-Festa ir-ruħ terġa’ tissaffa u ssir pura daqs tat-tarbija wara li titgħammed. U allura jekk ruħu tmut immedjatament wara li tirċievi din il-grazzja f’Jum il-Festa tal-Ħniena Divina tmur dritt il-Ġenna mingħajr ma tgħaddi mill-Purgatorju.

 

Biex wieħed jiċievi din il-grazzja, il-Mulej jorbotna b’dawn il-kundizzjonijiet għall-osservanza eżatta ta’ din il-Festa li tiġi ċċelebrata fit-Tieni Ħadd ta’ l-Għid.

1.  Qabel il-Festa għandha tingħad in-Novena tal-Ħniena Divina tibda f’jum il-Ġimgħa l-Kbira

2.  L-Omelija tal-Festa għandha tkun fuq il-Ħniena Divina – jiġifieri il-ħniena li Alla l-Missier jagħtina permezz ta’ Ibnu Ġesu’ Kristu

3.  Li f’dak il-jum nikkontemplaw il-Misteru tas-Salvazjoni bħala l-akbar rivelazzjoni tal-Ħniena Divina lejna.

4.  Fil-Festa għandha ssir iċ-ċerimonja tat-tberik tax-xbieha tal-Ħniena Divina.

5.  Ix-xbieha għandha titqiegħed f’post prominenti fejn tkun tista’ tiġi venerata minn dawk kollha li jieħdu sehem fil-festa.

6.  F’dak il-jum wieħed għandu jqerr u jitqarben. Jekk il-qrar ma jkunx possibbli f’dak il-jum għandu jsir f’jum viċin kemm jista’ jkun tal-Festa. Il-Liġi Kanonika tagħti ċans ta’ sebat ijiem qabel jew wara. It-Tqarbina għandha tkun waħda denja u akkumpanjata minn fiduċja totali fil-Ħniena Divina.

7.  Li għandna nagħmlu xi opra tal-ħniena qabel jew wara jum il-Festa.