L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara 2019

 

 

Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara 2019

 

Justice and only justice you shall pursue
(Deuteronomy 16:20)

 

“Għandek tfittex il-ġustizzja, u l-ġustizzja biss”

(Dewteronomju 16:20)

 

18-25 ta’ Jannar 2019

  

 

Kummissjoni Ekumenika Djoċesana

Kurja tal-Arċisqof

Malta

 

  

 

Messaġġ mill-President tal-Kummissjoni Ekumenika

 

 

Matul iż-żmien sabiħ u għażiż tal-Avvent, xi membri tal-Kummissjoni Ekumenika iħejju dan il-materjal li għandkom f’idejkom, u li jinstab ukoll permezz ta’ verżjoni diġitali fuq is-siti elettroniċi tal-Knisja f’Malta. L-Avvent huwa żmien ta’ stennija, ta’ talb u konverżjoni, u ta’ smigħ tal-Kelma. L-ekumeniżmu wkoll għandu dawn il-katatteristiċi.

 

Dan il-ktejjeb fih materjal pastorali li l-għan tiegħu hu li jintuża fil-parroċċi, fi knejjes oħra, f’komunitaijiet ta’ ħajja konsagrata jew tal-lajċi. Huwa materjal li għandu janima t-talb tagħna biex, flimkien, nitolbu għall-għaqda fost l-Insara, speċjalment bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar 2019.

 

It-tema ta’ din is-sena hi “Għandek tfittex il-ġustizzja, u l-ġustizzja biss”

(Dewt 16:20). It-tema ġiet magħżula mill-Insara ta’ Knejjes differenti ġewwa l-Indonesja. Dan huwa pajjiż kbir, magħmul minn numru ta’ gżejjer kbar (bħal Sumatra u Ġava), u eluf ta’ gżejjer żgħar. Huwa l-pajjiż bl-akbar popolazzjoni Musulmana fid-dinja. Hemm numru sabiħ ta’ Nsara mifruxin fl-Indonesja kollha. Dawn l-Insara huma membri ta’ bosta Knejjes. Grupp ta’ Nsara minn dawn il-Knejjes ħadmu flimkien biex iħejju l-materjal għall-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara ta’ din is-sena.

 

Kif bosta minnkom jafu, il-materjal għall-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara tas-sena d-dieħla (2020) tħejja minn membri ta’ Knejjes differenti f’Malta. Aktar dettalji jingħataw fix-xhur li ġejjin. Li nista’ ngħid hu li din it-tħejjija li saret bejn ix-xhur ta’ Frar u Settembru 2018 kienet esperjenza sabiħa ħafna. Konna membri mill-Knejjes li hawn f’Malta u Għawdex: Kattoliċi, Anglikani, Luterani, Church of Scotland, Metodisti u Ortodossi. Il-materjal kien iffinalizzat meta ġie Malta grupp internazzjonali f’Settembru li għadda. Bħalissa l-materjal qed jiġi tradott għall-ilsna prinċipali biex, aktar tard din is-sena, jintbagħat f’kull pajjiż u jintuża bħal dan iż-żmien sena. Inkiteb ukoll innu biex janima dan it-talb tas-sena d-dieħla.

 

Kif nagħmel dejjem, jien inħeġġeġ lilek u l-komunità tiegħek biex:

(1) titolbu għall-għaqda fost l-Insara;

(2) tiksbu aktar tagħrif dwar l-ekumeniżmu, speċjalment kliem il-Papa Franġisku dwar dan;

(3) iżżuri siti elettroniċi li jagħtukom tagħrif dwar il-ħidma ekumenika. Nissuġġerixxi s-sit il-ġdid u attraenti tal-Kunsill Pontifiċju għall-Għaqda fost l-Insara: http://www.christianunity.va/content/unitacristiani/it.html

 

Nagħlaq dan il-messaġġ billi nselli għalik u nixtieqlek kull ġid fil-Mulej.

 

 

 

 

Dun Hector Scerri

President

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Ħsibijiet għal kull ġurnata

waqt il-Ġimgħa ta’ Talb

għall-Għaqda fost l-Insara

 

Imħejjija minn Dr Patricia Micallef

 

 

 

Il-Ġimgħa 18 ta’ Jannar 2019

 

Illum tibda l-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara fejn qed nitolbu, flimkien ma’ Nsara minn Knejjes oħra, biex jingħelbu il-firdiet kbar ta’ bejnietna. Fl-Evanġelju, illum, naraw lil Ġesù f’Kafarnahum, u erbgħa min-nies jaqilgħu s-saqaf biex iniżżlu quddiemu wieħed mifluġ sabiex ifejqu. Dawn in-nies raw it-tbatija ta’ dan il-marid u fittxew jagħmlu li jistgħu biex jgħinuh. Ejjew illum, f’dan l-ewwel jum tal-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, fejn qed niftakru b’mod partikulari fl-Insara fl-Indonesja, nitolbu l-grazzja li aħna wkoll inkunu kapaċi nisimgħu l-karba tal-fqir u tal-batut u nxammru l-kmiem biex ngħinuh.

 

 

Is-Sibt 19 ta’ Jannar 2019

 

Il-kittieba u l-Fariżej ma setgħux jaċċettaw il-fatt li Ġesù kien jiekol ma’ kulħadd, anke ma’ dawk, li bħala Lhudi serju, ma kellux għalfejn iħares lejhom u wisq inqas jagħmilha magħhom. Fit-tieni jum fil-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, ejjew niftakru f’dawk l-Insara li huma vittmi ta’ gruppi reliġjużi oħra f’pajjiżhom, b’mod partikolari fl-Indonesja, li jinsabu mhedda u li ma jsibux min jaqbeż għalihom quddiem l-inġustizzji li jsofru.

 

 

 

Il-Ħadd 20 ta’ Jannar 2019

 

Ninsabu waqt il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara. Illum, l-Evanġelju jurina lil Ġesù li, għall-osservazzjoni ta’ Ommu Marija, iħenn għal koppja ġewwa Kana u jibdlilhom l-ilma f’inbid. Fid-dawl ta’ din il-ġrajja, ejjew ningħaqdu mal-Insara ħutna mxerrdin mad-dinja, b’mod speċjali din is-sena dawk fl-Indonesja, biex flimkien inkunu xhieda tal-għemejjel tajba u ta’ ħniena li Alla jagħmel magħna. Nitolbu wkoll il-grazzja li bi kliemna u għemilna, ma nkunu qatt ta’ tfixkil għal min irid jersaq lejn Alla.

 

 

It-Tnejn 21 ta’ Jannar 2019

 

Is-silta tal-Evanġelju, illum, tgħidilna li l-għarus, li hu Ġesù, huwa magħna. Dan għalina għandu jkun biżżejjed. F’dinja mmexxija dejjem iktar mill-ispirtu tar-regħba, ejjew f’dan ir-raba’ jum ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, niftakru f’ħutna li huma mċaħħda anke mill-bżonnijiet l-iktar essenzjali, partikolarment fl-Indonesja, filwaqt li nitolbu li aħna ninħelsu mill-egoiżmu. Nitolbu wkoll li aħna nkunu kapaċi nagħtu sehmna biex nagħmlu mid-dinja post aħjar għall-bnedmin.

 

 

It-Tlieta 22 ta’ Jannar 2019

 

Illum, fil-festa ta’ San Publiju, naraw lill-gvernatur ta’ Malta jilqa’ lil Pawlu u jżommu għandu. Pawlu, min-naħa tiegħu, ixandar il-kelma u jfejjaq. Aħna wkoll, bil-magħmudija, għandna sehem mill-missjoni profetika ta’ Kristu, li nħabbru l-bxara t-tajba lill-foqra u d-dgħajfa. F’din il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, ejjew nitolbu l-grazzja li aħna wkoll nkunu kapaċi nħabirku għall-ġustizzja li ġġib il-paċi u l-ftehim qalb il-Knejjes mifrudin minn xulxin, u fost il-popli.

 

 

 

L-Erbgħa 23 ta’ Jannar 2019

 

Illum, fl-Evanġelju, naraw kif lir-raġel b’idu niexfa, Ġesù tah is-saħħa għax huwa ġie jġedded kollox: lilna fuq bażi individwali u bħala komunità, kif ukoll lid-dinja li qed issofri l-konsegwenzi tal-imġieba irresponsabbli tagħna lejn l-ambjent. Ejjew f’din il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara nitolbu l-grazzja li din l-aħbar it-tajba li ġabilna Ġesù, li fih kollox ikun sħiħ u ġdid, inwassluha lil kulħadd u npoġġuha fil-prattika billi nieħdu ħsieb ukoll tal-ambjent li jifforma d-dar komuni tagħna.

 

 

Il-Ħamis 24 ta’ Jannar 2019

 

Illum se nisimgħu fl-Evanġelju kif il-morda u dawk maħkuma minn spirti ħżiena kienu jrossu fuq Ġesu biex hu jeħlishom. Dawn in-nies kienu l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà. Matul din il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, ejjew nitolbu għall-vittmi ta’ abbuż ta’ poter madwar id-dinja bħat-tfal abbużati, ħaddiema sfruttati, nisa traffikati lejn pajjiżi oħra li qed jgħajtu huma wkoll għall-fejqan u għall-ħelsien. Niftakru b’mod speċjali din is-sena fl-Insara fl-Indoneżja. Ejjew naħdmu kontra l-inġustizzji li qed jeqirdu l-ħajja ta’ dawn in-nies, Insara bħalna.

 

 

Il-Ġimgħa 25 ta’ Jannar 2019

 

Illum, festa tal-konverżjoni ta’ San Pawl Missierna, naraw kif Alla daħal fil-ħajja ta’ dan il-Lhudi li kien jippersegwita lill-Insara u għamel minnu dawl għall-ġnus. F’dan l-aħħar jum ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara, ejjew nitolbu għal ħutna mxerrdin mad-dinja, b’mod speċjali fl-Indonesja, li ħajjithom hija mtaqqla mill-inġustizzji, sabiex Alla jkompli jkun id-dawl u l-qawwa ta’ ħajjithom. Nitolbu wkoll li jibqgħu jgħixu l-ħajja b’tama u kuraġġ f’Alla li ġie jneħħi kull biża minn ħajjitna.

 

 

TALBIET TA’ MAĦFRA

 

Imħejjija minn Dun Aurelio Mulè Stagno S.D.B.

 

 

NOTA: Dawn jistgħu jintużaw waqt l-Att Penitenzjali tal-Quddiesa, jew f’mumenti oħra ta’ talb personali jew komunitarju.

 

 

A

 

Alla ħallieq, għajn tal-ħajja u tad-dinjità ta’ kull bniedem, Mulej, ħniena.

 

Alla ħanin, li bil-grazzja tiegħek tfejjaq dak li fid-dinja hu marid u tinfaxxa dak li hu miksur, Kristu, ħniena.

 

Alla ġust, li taf twieżen lilna bnedmin dgħajfa, Mulej, ħniena.

 

 

B

 

Iben Alla magħqud mal-Missier, li tlabt għall-għaqda fost id-dixxipli tiegħek, Mulej, ħniena.

 

Alla tal-armla, tal-iltim u tal-barrani, li urejtna t-triq tal-ġustizzja, Kristu, ħniena.

 

Ragħaj twajjeb, li bl-għotja ta’ ħajtek ħlaqt dinja aktar ġusta, Mulej, ħniena.

 

 

 

 

Ċ

 

Alla setgħan, li bil-kelma tiegħek ħlaqt u ġġedded kollox, Mulej, ħniena.

 

Feddej qaddis, li taf tbiddel il-qalb tal-bniedem sabiex ikun bla tebgħa u ġust quddiemek, Kristu, ħniena.

 

Imħabba bla qies, li fil-ħolqien u fl-istorja tal-fidwa turi l-glorja u s-sbuħija tiegħek, Mulej, ħniena.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

TALBIET KOMUNITARJI TA’ INTERĊESSJONI

 

Imħejjija mis-Sur Andrea Pace

 

NOTA: Waħda jew aktar minn dawn it-talbiet jistgħu jiġu miżjuda mat-Talbiet li normalment jintużaw waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa jew tal-Liturġija tas-Sigħat

 

 

Alla Missier, nitolbuk għall-Papa, l-Isqfijiet u kull min hu f’posizzjoni ta’ tmexxija fil-Knisja, sabiex dejjem jfittxu jħabirku għall-għaqda fost l-Insara. Nitolbu.

 

Alla Missier, Ibnek Ġesù, qalilna li huwa ‘d-dielja vera’. Nitolbuk sabiex aħna nibqgħu fik, sabiex inti tibqa’ fina (Ġw 15:4). Agħmel li l-Insara tad-dinja kollha jkunu ħaġa waħda fih, sabiex id-dinja temmen f’Ibnek Ġesù mibgħut biex issalvana. Nitolbu.

 

Nitolbuk tfejjaq kull forma ta’ diviżjoni u firda fost dawk li jistqarruk bħala l-Mulej u s-Sid tagħna. Nitolbu.

 

Mulej, sawwab għatx għall-ġustizzja u għall-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem fost l-Insara kollha. Ibgħat l-Ispirtu tiegħek sabiex l-Insara kollha jiġu flimkien fil-promozzjoni tal-ġustizzja u l-ħniena. Nitolbu.

 

Alla Missier, nitolbu għal ħutna li qed jbatu l-persekuzzjoni. Nitolbuk li timlihom bid-don tal-kuraġġ sabiex il-perseveranza tagħom tkun xhieda ħajja li inti rebbieħ fuq il-mewt u li Int dejjem preżenti fil-Knisja tiegħek. Nitolbu.

 

 

 

 

 

 

ADORAZZJONI EWKARISTIKA

għal matul il-Ġimgħa ta’ Talb

għall-Għaqda fost l-Insara

 

Imħejjija mis-Sinjura Dorianne Buttigieg

 

Jitkanta Innu Ewkaristiku waqt l-Espożizzjoni

 

Introduzzjoni

 

Ninsabu miġbura hawn quddiemek O Mulej, Alla Wieħed fi Tliet Persuni, Sid il-Ħajja u Sid il-Ġustizzja.  Filwaqt li nirringrazzjaw talli tajtna din l-opportunità biex ningħaqdu bħala komunità fil-preżenza qaddisa tiegħek, nixtiequ nirriflettu fuq is-sitwazzjoni tagħna bħala Nsara li ninsabu mifrudin minn Insara oħra.  Mulej, din is-sitwazzjoni ma ġibnihiex aħna, iżda hija riżultat ta’ diversi atti ta’ inġustizzja u żbalji li saru fil-passat.  Importanti li niftakru li l-għaqda fost l-Insara mhix biss bżonn tal-Knisja u jridha Kristu, iżda hi wkoll sitwazzjoni fejn il-Knisja tista’ biss tkun xhieda ta’ Kristu fiż-żminijiet diffiċli tallum billi tkun Knisja waħda u magħquda.  Hekk biss il-Knisja tkun tista’ titkellem b’vuċi soda u ħajja il-lingwa tal-Evanġelju.  Mulej, imliena bl-Ispirtu Qaddis, ħaj u kreattiv tiegħek hekk kif nitolbuk biex timliena bil-qawwa tiegħek biex naħdmu għall-għaqda fost l-Insara.

 

Skiet

 

Mulej, nixtiequ nressqu quddiem il-ħniena divina u nfinita tiegħek, it-talb għan-nuqqasijiet tagħna.  Għalkemm m’aħniex ħatja tal-vjolenza li ġabet firdiet kbar fil-passat, jekk inħarsu fil-fond ta’ qalbna, aħna nindunaw li m’aħniex anqas ħatja ta’ kemm bi kliemna u b’għemilna kebbisna l-firda flok l-imħabba fl-ambjenti ta’ madwarna, kemm fil-familji tagħna, kif ukoll fil-komunitajiet tax-xogħol, ta’ studju, eċċ.

 

Skiet

 

Mulej, inressqu quddiemek is-sitwazzjonijiet fejn aħna ma urejniex ġustizzja ma’ dawk ta’ madwarna.  Min jaf kemm-il darba approfittajna ruħna minn għajrna, forsi kultant mingħajr intenzjoni ħażina, iżda li permezz ta’ din l-azzjoni weġġajna lil ħaddieħor.  Forsi, fid-dinja mgħaġġla tallum, ma kellniex wisq ċans naħsbu fuq kif imxejna mal-oħrajn, iżda tajjeb li niftakru li aħna nagħmlu parti minn din id-dinja.  Mulej, għinna niftakru kemm l-aljenazzjonijiet ta’ din id-dinja jwasslu biex ibegħduna minnek, u b’konsegwenza minn dawk ta’ madwarna.

 

Skiet, u wara jitkanta Innu Ewkaristiku

 

Mulej, nixtiequ nirriflettu fuq kemm-il darba wrejna nuqqas ta’ sensittività f’sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja li ħutna (kemm dawk li huma Nsara u kemm dawk li mhumiex Insara) għaddejjin minnhom. Forsi s-sitwazzjoni mwiegħra tagħhom lilna ma taffettwaniex daqshekk, għalhekk nonqsu milli nitkellmu u naġixxu favur dawn ħutna.  Mulej, nitolbuk maħfra talli kemm-il darba konna Nsara tal-isem ma’ dawn ħutna, minflok ma urejnihom l-imħabba li jitolbu minna l-Evanġelji.

Hawn jistgħu jsiru xi Talbiet ta’ Maħfra minn dawk li hemm f’paġni 8-9.

 

Skiet

 

Mulej, nixtiequ nirriflettu fuq kemm-il darba sirna lsiera ta’ allat materjali, speċjalment fejn jidħlu l-flus, mingħajr ma naħsbu fuq kemm hawn nies li m’għandhomx il-bżonnijiet bażiċi.  Kemm-il darba akkwistajna xi ħaġa li kienet għal qalbna u ftit wara qalbna terġa’ tħossha vojta.  Kemm-il darba, Mulej, inqasna milli nħarsu lejk, Alla tal-Ħajjin, biex indawru ħarsitna lejn il-ħafna idoli ta’ madwarna.

 

Skiet

 

Riflessjoni (mumenti ta’ skiet bejn il-paragrafi)

 

Għażiż Missier, Għażiż Iben, Għażiż Spirtu Qaddis, ninsabu quddiemek biex nitolbu għall-Għaqda fost l-Insara.  Aħna lkoll nemmnu li hija deċiżjoni tiegħek meta din l-għaqda isseħħ.  Imma tajjeb li niftakru li inti fdajt il-missjoni tiegħek lilna l-bnedmin biex inkomplu nxerrdu l-Aħbar it-Tajba lill-bnedmin kollha.  Għalhekk aħna msejħin biex inxerrdu l-aħbar ta’ mħabba lil ħutna, kemm dawk Insara u kemm dawk li mhumiex Insara.

 

Forsi aħna m’aħniex imsejħin biex immorru nipprietkaw biex nikkonvinċu lin-nies biex iħarsu lejk, iżda għemilna huwa l-aqwa xhieda ta’ dan it-twemmin tagħna.  Mulej, kemm aħna konvinti mit-twemmin tagħna?  Kemm lesti nkunu xhieda ta’ dan it-twemmin permezz ta’ għemilna?  Kemm qed nimitaw lill-ewwel Insara?  Il-ktieb tal-Atti stess jurina kemm “il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda.  Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien.  B’qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesu,’ u kulħadd kien iġibhom ħafna.  Ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn; għax kull min kellu oqsma jew djar kien ibigħhom, u l-flus li jdaħħal minnhom kien imur iqegħdhom f’riġlejn l-appostli” (Atti 4:32-35). Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Dan ma jfissirx li fi żmien l-ewwel Insara kollox kien perfett, iżda hemm bżonn nerġgħu inħarsu fil-fond ta’ qalbna u naraw xi tfisser vera l-Aħbar it-Tajba.  Xi trid minna Mulej?  Inti li m’għandek bżonn xejn, Inti xempju kbir tal-umiltà li għoġbok tinqeda bix-xejn tal-bniedem biex tidher aktar il-glorja tiegħek.  Fuq kollox Mulej, Inti Mħabba.  Għinna nerġgħu infittxu t-tifsira vera ta’ x’inhi mħabba u, fuq kollox, ngħixuha. 

 

Forsi nistaqsu, aħna x’nistgħhu nagħmlu ħlief nitolbu għall-Għaqda fost l-Insara?  Il-proċess li jwassal għall-Għaqda fost l-Insara mhux, jewwilla, xogħol it-teologi?  Apparti t-talb, aħna nistgħu nagħtu eżempju kbir ta’ mħabba permezz ta’ għemilna.  In-nies tallum għandhom ħafna aktar aċċess għall-edukazzjoni iżda għandhom għatx kbir għall-imħabba fil-prattika.  Kif qed nuru l-imħabba tagħna, anke lejn dawk li mhumiex Insara?  Nerġgħu niftakru kemm in-nies tallum għandhom bżonn ta’ mħabba kbira, f’dinja fejn il-konsumiżmu u s-sekulariżmu għandhom vuċi tassew qawwija u konvinċenti minkejja l-essenza qasira tagħhom.

 

F’dinja fejn huwa faċli ħafna li nkunu aljenati (min jaf kemm-il darba aħna stess konna vittmi ta’ din l-aljenazzjoni!), l-Evanġelju jistedinna biex inqumu fuq saqajna u nieħdu azzjoni.  F’dinja fejn kulħadd jgħid li jrid, u qisu kulħadd għandu raġun, ma jidhirx dejjem faċli li nuru l-verità tal-Evanġelju. Però aħna m’għandniex naqtgħu qalbna!  Mulej, inti wegħdtna li ser tkun dejjem magħna. Għall-kuntrarju tal-ħafna modi li jiġu u jmorru, Inti Mulej tibqa’ għall-dejjem.  Miskin hu min jispiċċa vittmi ta’ dawn il-modi mingħajr ma jara u jgħix il-verità dejjiema tal-Evanġelju.  Mhux ta’ b’xejn li l-Patrijarka Ortodoss ta’ Konstantinopli, Bartilmew, ifakkarna fi kliem Kristu, li aħna għandna nkunu fid-dinja mingħajr ma nkunu tad-dinja.  Din kienet l-esperjenza li fittxew il-patrijiet u l-ommijiet tad-deżert, ħafna sekli ilu.

 

Mulej, nistgħu nistqarru li ż-żmien qed jgħaġġel wisq!  Jewwilla Inti mhux is-Sid tal-ħajja tagħna?  Kif nistgħu ma nsibux ħin għar-riflessjoni, fi żmien li jippretendi li jurina veritajiet differenti?  Mhux ta’ b’xejn li l-Papa Benedittu XVI kien iwissu kontra dan il-periklu. U aħna x’ser nagħmlu?  Mulej, għinna nfittxu dak li vera jiswa, kif għamlet Marija ta’ Betanja, meta għażlet li tisma’ l-kelma tiegħek (Lq 10:38-42).  Mulej, fi żmien fejn l-għażliet materjali stess huma tassew ħafna u varji, għinna nfittxu dak li vera jiswa.  Il-messaġġ tiegħek jibqa’ għal dejjem.  Għinna ħalli nsammru ħarsitna fuqek biex hekk inkunu kapaċi nikkumbattu l-aljenazzjoni li ma tħalliniex nagħmlu għażliet għaqlija.  L-aljenazzjoni hija waħda mill-akbar perikli li toffri d-dinja ta’ madwarna għax tagħmilna insensittivi għall-bżonnijiet tan-nies ta’ madwarna.  Għinna ħalli nikkumbattu l-aljenazzjoni bil-kontemplazzjoni tal-Imħabba Divina tiegħek.   Ejjew nsammru ħarsitna fuqek Mulej.  Inti biss tista’ tiggwidana biex ngħixu t-triq tal-Evanġelju.  Spirtu Qaddis, saħħaħna bil-qawwa divina tiegħek, biex inkunu kapaċi nħarsu lejk bħala direzzjoni għall-ħajja tagħna.  Fuq kollox, Mulej, għinna biex ninħelsu minn  ideat li nibnu dwarek li jmorru kontra dak li hu Int: Imħabba.

 

Hawn jistgħu jsiru xi Talbiet Komunitarji minn paġna 10.

 

Il-patri u kittieb Amerikan Thomas Merton jisħaq kemm il-kontemplazzjoni (ir-relazzjoni intima bejn ir-ruħ u bejnek, Mulej) hija esperjenza li tqarribna lejn għajrna.  U bir-raġun.  Jekk inħarsu lejn il-Verġni Marija, li hija x-xempju tal-kontemplazzjoni fl-Evanġelju, naraw kemm Marija li “baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha (Lq 2, 19), kienet tassew attenta għan-nies ta’ madwarna.  Hekk naraw fl-Evanġelju skont San Ġwann, kapitlu 2, fejn Marija kienet taf bin-nuqqas tal-inbid fit-tieġ ta’ Kana u talbet lilek Ġesù Kristu biex tagħmel xi ħaġa. Għax ir-relazzjoni tagħna miegħek, Mulej, tiftaħna għall-oħrajn.  Kif Inti Mulej, Alla Trinitarju, hekk aħna l-Insara ngħixu f’komunità li hi l-Knisja.

 

Għalhekk ir-relazzjoni tagħna miegħek tixprunana biex nieħdu azzjoni fil-konfront ta’ inġustizzji soċjali fejn għajrna qiegħed ibati.  Mulej, fil-ħajja tiegħek fuq din l-art, kemm-il darba kont titkellem u taġixxi favur il-foqra u l-emarġinati.  Inti tfakkarna li l-foqra ser ikunu dejjem magħna.  Mulej, imliena bl-Ispirtu tieghek, biex inkunu kapaċi nieħdu azzjonijiet kontra l-inġustizzji, fosthom il-foqor.

 

Huwa permezz ta’ dawn l-azzjonijiet li nkunu nistgħu verament ngħidu li qed naħdmu għall-għaqda fost l-Insara.  Apparti t-talb, l-għaqda fost l-Insara trid isseħħ permezz tal-fatti, fuq kollox, permezz tal-Imħabba.  Mulej, imliena bil-ħeġġa permezz tal-Ispirtu Tiegħek biex ngħixu l-imħabba tiegħek mal-oħrajn b’ferħ u entużjażmu.  Il-fidi tagħna fik hija esperjenza ta’ ferħ bla qjies.  Agħtina l-ħeġġa, Mulej, biex inwasslu lil nies oħra biex igħixu din l-esperjenza. 

 

Skiet

 

L-Adorazzjoni tiġi konkluża b’innijiet ta’ radd il-ħajr u tifħir.