Dħul          |         Email         |                                                                                                                                                             Segretarjat tal-Lajċi, Malta

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

IL-FRATELLANZI F'MALTA

Fit-13 ta’ Settembru 2006, Mons Arċisqof Ġużeppi Mercieca ħareġ digriet dwar il-Fratellanzi li permezz tiegħu nbdiet ħidma ta’ aġġornament u tisħiħ tal-Fratellanzi eżistenti fl-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Id-digriet approva Statut Bażiku għall-Fratellanzi kollha u kull fratellanza kienet mitluba sabiex sat-13 ta’ Settembru 2007, tippreżenta l-istatut u regolamenti partikolari tagħha lill-Kurja tal-Arċisqof għall-approvazzjoni.  Dawn kellhom ikunu formulati b’rabta ma’ l-istatut bażiku approvat mill-Arċidjoċesi.

Minbarra dan l-istatut bażiku, kienu approvati wkoll tliet dokumenti oħra li jiffurmaw parti integranti minnu. 

L-ewwel wieħed, il-Formazzjoni tal-Fratelli,  jiġbor diversi siltiet li huma meħudin mid-dokumnenti tas-Sinodu Djoċesan 1999-2003 u joffri gwida lejn it-tip ta’ formazzjoni kontinwa li trid tiġi offruta lill-imseħbin kollha fil-fratellanzi. 

It-tieni dokument, is-Sejħiet u l-Ħidmiet tal-Fratellanzi, jiddefinixxi s-sejħiet partikolari ta’ l-aktar għaxar fratellanzi preżenti fil-parroċċi Maltin.   Joffri wkoll suġġerimenti ta’ ħidmiet pastorali u ta’ ħidmiet marbuta ma’ ċelebrazzjonijiet li jistgħu jitwettqu mill-fratellanzi.  Dan id-dokument għandu jservi biex lill-fratellanzi jagħmilhom aktar utli fis-soċjetà li qed ngħixu fiha.

It-tielet dokument, il-Kollaborazzjoni bejn il-Fratellanzi, filwaqt li jikkwota siltiet mid-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan dwar l-Ispiritwalità ta’ komunjoni, jipproponi t-twaqqif ta’ Kummissjoni Parrokkjali Fratellanzi (KPFR) bħala waħda mill-kummissjonijiet tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali.  Din tkun taħt it-tmexxija tal-Arċipriet/Kappillan u jkollha bħala membri r-Rettur u s-Segretarju ta’ kull fratellanza li għandha għarfien ġuridiku fil-parroċċa.  Il-missjoni tal-KPFR tkun li ssostni r-relazzjoni bejn il-fratellanzi billi tippromwovi u twettaq il-ħidma ta’ formazzjoni għall-fratelli kollha tal-parroċċa flimkien, tirregola devozzjoni u ċelebrazzjoni bħala ħidma tal-parroċċa, u tara li kull fratellanza twettaq il-ħidma tal-appostolt skond is-sejħa partikolari tagħha u b’hekk il-fratellanzi jfittxu l-għaqda ta’ bejniethom.

 

 

 Segretarjat tal-Lajċi, Malta