IL-PAPA FRANĠISKU
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 9 ta’ Ottubru 2024
Katekeżi. L-Ispirtu u l-Għarusa. L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-poplu ta’ Alla għal-laqgħa ma’ Ġesù t-tama tagħna. 8. “Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu”. L-Ispirtu s-Santu fl-Atti tal-Appostli
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Fil-mixja tagħna ta’ katekeżi fuq l-Ispirtu s-Santu u l-Knisja, illum se nirriferu għall-Ktieb tal-Atti tal-Appostli.
Ir-rakkont tal-inżul tal-Ispirtu s-Santu f’Għid il-Ħamsin jibda bid-deskrizzjoni ta’ xi sinjali preparatorji – ir-riħ qawwi u l-ilsna tan-nar –, imma jasal għall-konklużjoni tiegħu fl-istqarrija: “Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu” (Atti 2:4). San Luqa – li kiteb l-Atti tal-Appostli – jurina kif l-Ispirtu s-Santu hu Dak li jiżgura l-universalità u l-għaqda fil-Knisja. L-effett immedjat tal-fatt li “mtlew bl-Ispirtu s-Santu” hu li l-Appostli “bdew jitkellmu b’ilsna oħra” u ħarġu miċ-Ċenaklu biex iħabbru ’l Ġesù Kristu lill-folla (ara Atti 2:4ss).
B’hekk, Luqa ried jinsisti fuq il-missjoni universali tal-Knisja, bħala sinjal ta’ għaqda ġdida bejn il-ġnus kollha. Naraw żewġ modi li bihom l-Ispirtu jaħdem għall-għaqda. Minn naħa, jimbutta lill-Knisja biex toħroġ, biex tista’ tilqa’ għadd dejjem ikbar ta’ persuni u popli; mill-oħra, jiġborha fi ħdanha stess biex iseddaq l-għaqda milħuqa. Jgħallimha titwessa’ fl-universalità u tinġabar fl-għaqda. Universali u waħda: dan huwa l-misteru tal-Knisja.
L-ewwel miż-żewġ movimenti – l-universalità – narawh iseħħ fil-kapitlu 10 tal-Atti, fil-ġrajja tal-konverżjoni ta’ Kornelju. Nhar Għid il-Ħamsin l-Appostli kienu ħabbru lil Kristu lil-Lhud u l-osservanti tal-liġi ta’ Mosè, kien liema kien il-poplu li minnu kienu ġejjin. Kien hemm bżonn ta’ “Għid il-Ħamsin” ieħor, jixbah ħafna lill-ewwel wieħed, dak fid-dar taċ-ċenturjun Kornelju, biex iwassal lill-Appostli jwessgħu ix-xefaq u jwaqqgħu l-aħħar ħajt, dak bejn Lhud u pagani (ara Atti 10-11).
Ma’ dan it-twessigħ etniku jiżdied ukoll dak ġeografiku. Pawlu – naqraw dejjem fl-Atti tal-Appostli (ara 16:6-10) – ried iħabbar il-Vanġelu f’reġjun ġdid tal-Asja Minuri; imma, naqraw, “l-Ispirtu s-Santu ma ħallihomx”; ried jgħaddi l-Bitinja “imma l-Ispirtu ta’ Ġesù ma ħallihomx”. Minnufih niskopru l-għala ta’ dawn il-projbizzjonijiet sorprendenti tal-Ispirtu: il-lejl ta’ wara l-Appostlu jirċievi fil-ħolm l-ordni li jmur il-Maċedonja. Hekk il-Vanġelu ħareġ mill-Asja fejn kien twieled, u daħal l-Ewropa.
It-tieni moviment tal-Ispirtu s-Santu – dak li joħloq l-għaqda – narawh iseħħ fil-kapitlu 15 tal-Atti, fl-hekk imsejjaħ Konċilju ta’ Ġerusalemm. Il-problema hi kif l-universalità milħuqa ma tikkompromettix l-għaqda fil-Knisja. L-Ispirtu s-Santu mhux dejjem iwettaq l-għaqda minnufih, b’interventi mirakolużi u deċiżivi, kif ġara f’Għid il-Ħamsin. Dan jagħmlu wkoll – u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet – b’ħidma diskreta, rispettuża għaż-żminijiet u d-diverġenzi umani, billi jgħaddi permezz ta’ persuni u istituzzjonijiet, talb u konfront. B’manjiera, kieku ngħidu llum, sinodali. Hekk fil-fatt seħħ, fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm, dwar il-kwistjoni jekk l-obbligi tal-Liġi ta’ Mosè kellhomx jiġu imposti fuq dawk li kkonvertew mill-paganiżmu. Is-soluzzjoni tiegħu ġiet imħabbra lill-Knisja kollha bil-kliem tant magħruf: “Lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna…” (Atti 15:28).
Santu Wistin ifisser din l-għaqda li jġib l-Ispirtu s-Santu bi xbieha, li saret klassika: “Dak li r-ruħ hi għall-ġisem tal-bniedem, l-Ispirtu s-Santu hu għall-ġisem ta’ Kristu li hija l-Knisja”.[1] Ix-xbieha tgħinna nifhmu ħaġa importanti. L-Ispirtu s-Santu ma jwettaqx l-għaqda tal-Knisja minn barra; ma jikkuntentax ruħu li jikkmandana nkunu magħqudin. Huwa nnifsu huwa r-“rabta tal-għaqda”. Huwa dak li jġib l-għaqda fil-Knisja.
Bħal dejjem, nagħlqu bi ħsieb li jgħinna ngħaddu mill-ġabra flimkien tal-Knisja kollha għal kull wieħed u kull waħda minna. L-għaqda tal-Knisja hija l-għaqda bejn persuni u ma ssirx fuq l-iskrivanija, imma fil-ħajja. Titwettaq fil-ħajja. Kollha rriduha l-għaqda, kollha nixtequha minn qiegħ qalbna; imma hi tant diffiċli biex niksbuha li, imqar fiż-żwieġ u fil-familja, l-għaqda u l-ftehim huma fost l-aktar ħwejjeġ ibsin biex jintlaħqu u iżjed u iżjed biex jinżammu.
Ir-raġuni – għaliex hi diffiċli l-għaqda bejnietna – hi li kull wieħed u waħda jrid, iva, li jkun hemm l-għaqda, imma madwar kif jaħsibha hu, bla ma joqgħod jaħseb li l-ieħor li għandu quddiemu jaħsibha eżattament l-istess dwar il-perspettiva “tiegħu”. B’dan il-mod, l-għaqda titbiegħed biss tista’. L-għaqda tal-ħajja, l-għaqda ta’ Għid il-Ħamsin, skont l-Ispirtu, isseħħ meta nagħmlu sforz biex inqiegħdu fiċ-ċentru lil Alla, mhux lilna nfusna. Anki l-għaqda tal-Insara tinbena hekk: billi ma noqogħdux nistennew li l-oħrajn jiġu fejn qegħdin aħna, imma billi nimxu flimkien lejn Kristu.
Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu jgħinna nkunu strumenti ta’ għaqda u ta’ paċi.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard