-    Ara vidjo tal-Quddiesa ...

 

TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LILL-PARTEĊIPANTI TAL-PELLEGRINAĠĠ IMNIEDI MILL-KJERIĊI REGOLARI TEATINI,
FIL-ĦAMES ĊENTINARJU MIT-TWAQQIF TAGĦHOM

Bażilika ta’ San Pietru, Altare della Confessione
Is-Sibt, 14 ta’ Settembru, 2024

 

Għeżież ħuti, merħba!

 

Insellem lill-Prepożitu Ġenerali u lilkom ilkoll.  Kuntent li qed nitlaqa‘ magħkom fil-ħames ċentinarju tal-professjoni solenni ta‘ San Gejtanu minn Thiene u l-ewwel imsieħba tiegħu, li kienet saret f’dil-Bażilika nhar l-14 ta‘ Settembru, 1524.  L-istorja tgħid li t-Teatini kellhom xi konnessjoni mal-Ġiżwiti, jien mhux konvint minn dan!  Inkomplu.

 

Kien il-bidu tal-Istitut reliġjuż tagħkom, li twieled biex imexxi ‘l quddiem “ il-ħajja flimkien u s-servizz ta’ Alla lejn l-aħwa”, u bħala kontribut għar-riforma tal-Knisja permezz tar-riforma personali, fuq il-mudell tal-ewwel komunità appostolika (cfr Mk 3,13-15).  Irroddilkom ħajr u rrid inħeġġikom biex tkomplu l-mixja tagħkom f’dawn it-tlett direzzjonijiet, fit-tiġdid, fil-komunjoni u fis-servizz.  U nixtieq nagħmel dan billi nieħu spunt mill-post fejn ninsabu u miċ-ċirkostanzi li fihom il-Fundaturi tagħkom għamlu l-ewwel professjoni.

 

L-ewwel: it-tiġdid.  L-ewwel Teatini ma pprofesswx il-voti solenni f’xi binja perfetta, kompluta, kif narawha llum, imma prattikament “f’lant tax-xogħol kbir”.  Hekk kienet tidher il-Bażilika Vatikana fl-1524.  Infatti minn xi żmien qabel kien beda t-twaqqigħ tal-binja kostantinjana l-antika, li ma kinitx baqgħet isservi l-ħtiġijiet tal-poplu t’Alla, biex tinbena oħra ġdida.  Ix-xogħol kien miexi bil-lajma, ftit kien hemm flus u l-proġetti ma kinux ċari.  Madankollu xorta beda x-xogħol għax il-komunità kienet qed tikber u l-istrutturi ta’ qabel ma kinux biżżejjed.  Ħuti, din hi tixbiha li tgħinna nirriflettu dwar dak li hemm bżonn biex nibqgħu fidili lejn il-missjoni tagħna, biex interrqu toroq ta’ tiġdid bil-kuraġġ.  Interessanti: il-fedeltà teħtieġ it-tiġdid.  Fedeltà li ma tiġġeddidx, li tibqa’ mwaħħla mal-imgħoddi, mhix fedeltà, imma rridu nkunu lesti nħottu dak li ma jservix aktar biex nibnu l-ġdid (cfr Lq 5,36-39), doċli għall-Ispirtu u fiduċjużi fil-Providenza.  Dan hu t-tiġdid.

 

It-tieni ħaġa: il-komunjoni.  Kif nafu, kienu ħafna dawk li ħadmu fil-Bażilika ta’ San Pietru: artisti famużi, artiġjani ta’ ħila u għadd kbir ta’ ħaddiema tal-id, irġiel u nisa, impenjati fl-aktar xogħol umli, magħqudin flimkien fit-tbatija biex jagħtu ħajja lill-binja l-ġdida.  Dan ukoll hu sinjal importanti: dar li tilqgħek, infatti, ma tinbeniex minn bniedem waħdu, imma flimkien, f’komunità, billi l-kontribut ta’ kulħadd jingħata l-valur tiegħu (cfr 1 Kor 12,7-11).

 

Tiġdid, komunjoni u, it-tielet punt, “midd għonqok għax-xogħol”, jiġifieri s-servizz.  L-isbaħ proġetti kienu jisfaw fix-xejn kieku n-nies ma xammrux il-kmiem u meddew għonqhom għax-xogħol.  L-intenzjonijiet tajba jibqgħu bla fejda, jekk ma mmiddux għonqna biex inkunu ta’ servizz għal xulxin, bl-umiltà, b’rieda tajba u bi spirtu ta’ sagrifiċċju.  Uriena dan San Gejtanu bil-ħafna opri ta’ karità li waqqaf u li wħud minnhom għadhom ħajjin illum; imma qabel kollox uriena dan Ġesù, li ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu (cfr Mk 10,45).  Hu ta’ tifsir kbir li l-Istitut tagħkom twieled propju fil-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes.

 

Għeżież ħuti, kemm hi sabiħa dil-Bażilika!  Imma mbagħad inħarsu f’wiċċ xulxin u niftakru li l-binja li ninsabu fiha hi biss simbolu: ir-realtà hija aħna, personalment u bħala komunità.  Ħamesmitt sena ilu, il-fundaturi tagħkom ma kkonsagrawx ħajjithom  lil xi lant tax-xogħol fil-ġebel u fl-rħam, imma f’ġebel ħaj (cfr 1 Pt,2,4-5); ikkonsagraw ħajjithom lill-Knisja bil-‘K’ kapitali, il-Knisja għarusa ta’ Kristu, poplu t’Alla u ġisem mistiku tal-Mulej (cfr Kost. Domm. Lumen gentium, 6-9).  Kien għall-ġid tal-Knisja li kull wieħed minnhom ingħata kollu kemm hu sal-aħħar, u nbdiet opra li wara sekli ta’ fedeltà, illum hi fdata f’idejkom.  Kuraġġ u ibqgħu mexjin!

 

Għaldaqstant nistieden lill-familja Teatina kollha biex fil-Ġublew tal-lum tħaddan bil-ferħ proponimenti ta’ tiġdid, komunjoni u servizz fuq l-eżempju ta’ San Gejtanu.  Grazzi, grazzi tal-ħidma li twettqu.  Inberikkom u nitlob għalikom!  U jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.

 

Miġjub għall-Malti minn minn Joe Huber