Laikos

 

ITTRA APPOSTOLIKA

SUBLIMITAS ET MISERIA HOMINIS

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

FIR-RABA’ ĊENTINARJU TAT-TWELID

TA’ BLAISE PASCAL

 

Il-kobor u l-miżerja tal-bniedem jiffurmaw il-paradoss li jinsab fil-qalba tar-riflessjoni u tal-messaġġ ta’ Blaise Pascal, li twieled erba’ sekli ilu, fid-19 ta’ Ġunju 1623, fi Clermont, fil-Franza ċentrali. Sa minn tfulitu u tul ħajtu kollha hu fittex il-verità. Bir-raġuni sab ħjiel tas-sinjali tagħha, speċjalment fl-oqsma tal-matematika, tal-ġeometrija, tal-fiżika u tal-filosofija. Meta kien għadu żgħir għamel kixfiet tal-għaġeb, tant li kiseb fama kbira. Imma ma waqafx hemm. F’seklu ta’ progressi kbar f’tant oqsma tax-xjenza, imsieħba minn spirtu dejjem jikber ta’ xettiċiżmu filosofiku u reliġjuż, Blaise Pascal wera li kien fittiex bla heda ta’ dak li hu veru, li bħala tali jibqa’ dejjem “imħasseb”, miġbud minn ixfqa ġodda u iktar lil hemm.

 

Sewwasew din ir-raġuni hekk mirquma u fl-istess waqt hekk miftuħa, fih qatt ma sikktet il-mistoqsija qadima u dejjem ġdida li tidwi fir-ruħ tal-bniedem: “X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem biex taħseb fih?” (Salm 8:5). Din il-mistoqsija hi miktuba fil-qalb ta’ kull bniedem, ta’ kull żmien u post, ta’ kull ċiviltà u lingwa, ta’ kull reliġjon. “X’inhu l-bniedem fin-natura?”, jistaqsi Pascal. “Mhu xejn ħdejn l-infinit, hu kollox fejn ix-xejn”.[1] U fl-istess waqt il-mistoqsija hi ingastata hemm, f’dak is-Salm, f’dik l-istorja ħajja ta’ mħabba bejn Alla u l-poplu tiegħu, storja mwettqa fil-laħam ta’ “Bin il-bniedem” Ġesù Kristu, li l-Missier tah sal-punt tal-abbandun biex jinkurunah bi glorja u ġieħ ’il fuq minn kull ħlejqa (ara v. 6). Għal din il-mistoqsija, imqiegħda f’lingwaġġ hekk differenti minn dak matematiku u ġeometriku, Pascal qatt ma għalaq qalbu.

 

Fid-dawl ta’ dan, jidhirli li nista’ nagħraf fih atteġġjament profond, li nista’ nsejjaħ “ftuħ mistagħġeb għar-realtà”. Ftuħ għad-dimensjonijiet l-oħra tal-għerf u tal-ħajja, ftuħ għall-oħrajn, ftuħ għas-soċjetà. Ngħidu aħna, hu kien fil-bidu, fl-1661, f’Pariġi, tal-ewwel xibka ta’ trasporti pubbliċi tal-istorja, l-hekk imsejħa “Karozzi b’ħames sols”. Jekk qed nisħaq fuq dan fil-bidu ta’ din l-ittra, dan biex nagħfas fuq il-fatt li la l-konverżjoni tiegħu lejn Kristu, ibda speċjalment mil-“Lejl tan-nar” tat-23 ta’ Novembru 1654, u lanqas l-isforz intellettwali straordinarju tiegħu ta’ difiża tal-fidi Nisranija, ma għamlu minnu persuna iżolata minn żmienu. Kien attent għall-problemi li kienu jinħassu l-aktar dakinhar, kif ukoll għall-ħtiġijiet materjali tal-komponenti kollha tas-soċjetà li fiha kien jgħix.

 

Il-ftuħ għar-realtà fisser għalih li ma jingħalaqx għall-oħrajn, lanqas fis-siegħa tal-aħħar marda. Minn dak il-perjodu, meta kellu 39 sena, ġejjin dawn il-kelmiet, li jesprimu l-parti konklużiva tal-mixja evanġelika tiegħu: “Jekk it-tobba qed jgħidu l-verità, u Alla jippermetti li jien nerġa’ nqum minn din il-marda, jiena deċiż li ma nieħu ebda xogħol ieħor u lanqas ebda taħbit ieħor għall-bqija ta’ ħajti ħlief il-qadi tal-foqra”.[2] Ħaġa li tqanqalna meta naraw kif, fl-aħħar jiem ta’ ħajtu, ħassieb hekk ġenjali bħalma kien Blaise Pascal ma ra ebda urġenza oħra ’l fuq minn dik li jpoġġi l-enerġiji tiegħu fl-opri tal-ħniena: “L-uniku oġġett tal-Iskrittura hu l-karità”.[3]

 

Għalhekk nifraħ li l-providenza, f’dan ir-raba’ ċentinarju tat-twelid tiegħu, qed toffrili l-okkażjoni li nagħtih omaġġ u li nuri dak li, fil-ħsieb tiegħu u fil-ħajja tiegħu, jidhirli li hu adattat biex inħeġġeġ lill-Insara ta’ żmienna u lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba fit-tiftix tal-ferħ veru: “Il-bnedmin kollha jfittxu li jkunu ferħana. Ma hemmx eċċezzjonijiet, ikunu kemm ikunu differenti l-mezzi użati. Kulħadd jimmira lejn dan il-għan”.[4] Erba’ sekli wara t-twelid tiegħu, Pascal jibqa’ għalina s-sieħeb tat-triq li jimxi magħna fit-tiftixa tal-ferħ veru u, skont id-don tal-fidi, l-għarfien umli u hieni tagħna tal-Mulej li miet u rxoxta.

 

Namrat ta’ Kristu li jitkellem ma’ kulħadd

Jekk Blaise Pascal jista’ jmiss lil kulħadd, dan fuq kollox għax hu tkellem b’mod tal-għaġeb fuq il-qagħda tal-bniedem. Imma nkunu niżbaljaw jekk nilmħu fih biss speċjalista, ġenjali kemm tridu, tad-drawwiet umani. Il-Ħsibijiet monumentali tiegħu, li xi formuli iżolati minnhom baqgħu ċelebri, ma tistax tifhimhom tassew jekk twarrab il-fatt li Ġesù Kristu u l-Iskrittura Mqaddsa huma fl-istess waqt il-qalba u l-muftieħ tagħhom. Fil-fatt, jekk Pascal beda jitkellem fuq il-bniedem u fuq Alla, dan għaliex kien wasal għaċ-ċertezza li “mhux biss lil Alla ma nafuhx jekk mhux permezz ta’ Ġesù Kristu, imma ma nafux lilna nfusna jekk mhux permezz ta’ Ġesù Kristu. Ma nafux il-ħajja, il-mewt, jekk mhux permezz ta’ Ġesù Kristu. ’Il barra minn Ġesù Kristu la nafu x’inhi ħajjitna, la l-mewt tagħna, la Alla u lanqas aħna nfusna. Hekk mingħajr l-Iskrittura, li għandha bħala oġġett waħdieni tagħha lil Ġesù Kristu, ma nafu xejn u naraw biss dlam”.[5] Biex jista’ jifhimha kulħadd, mingħajr ma titqies biss bħala purament affermazzjoni duttrinali inaċċessibbli għal dawk li ma jaqsmux fl-istess fidi tal-Knisja, u lanqas bħala żvalutazzjoni tal-kompetenzi leġittimi tal-intelliġenza naturali, affermazzjoni hekk estrema jixirqilha li tiġi ċċarata.

 

Fidi, imħabba u libertà

Bħala Nsara rridu nżommu bogħod mit-tentazzjoni li nippuntaw lejn l-oħrajn il-fidi tagħna bħallikieku kienet ċertezza li ħadd ma jista’ jikkontesta u li tiġi imposta fuq kulħadd. Pascal żgur li kellu l-preokkupazzjoni li xtaq juri lil kulħadd li “Alla u l-veru huma inseparabbli”.[6] Imma hu kien jaf li l-att tat-twemmin hu possibbli bi grazzja ta’ Alla, milqugħa f’qalb ħielsa. Hu, li bil-fidi kellu laqgħa personali ma’ “Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb, mhux tal-filosfi u tal-għorrief”,[7] kien għaraf f’Ġesù Kristu “t-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14:6). Għalhekk nipproponi lil dawk kollha li jridu jkomplu jfittxu l-verità – biċċa xogħol li f’din il-ħajja ma tispiċċa qatt – li jisimgħu x’jgħid Blaise Pascal, bniedem ta’ intelliġenza tal-għaġeb li ried ifakkarna li barra mill-perspettiva tal-imħabba ma hemm ebda verità li tiswa: “Nagħmlu idolu saħansitra mill-verità nfisha, għax il-verità ’l barra mill-imħabba mhijiex Alla, imma x-xbieha tiegħu u idolu li ma għandniex inħobbuh, lanqas nadurawh”.[8]

 

Pascal allura jwissina kontra d-duttrini foloz, is-superstizzjonijiet jew il-libertinaġġ, li jżommu lil tant minna bogħod mill-paċi u mill-ferħ li jtul ta’ Dak li jridna nagħżlu “l-ħajja u l-ġid” u mhux “il-mewt u d-deni” (Dewt 30:15). Imma t-traġedja tal-ħajja tagħna hi li xi drabi naraw ħażin u, b’konsegwenza, nagħżlu l-ħażin. Fir-realtà, aħna nistgħu nduqu l-ferħ tal-Vanġelu biss “jekk l-Ispirtu s-Santu jidħol fina bil-qawwa kollha tiegħu u jeħlisna mid-dgħufija tal-egoiżmu, tat-telqa, tal-kburija”.[9] Fuq kollox, “mingħajr it-tama tad-dixxerniment nistgħu faċilment ninbidlu f’pupazzi f’idejn ix-xejriet tal-mument”.[10] Għalhekk, l-intelliġenza u l-fidi ħajja ta’ Pascal, li ried juri li r-reliġjon Nisranija hi “ta’ min iqimha għax lill-bniedem saret tafu sew” u “ta’ min iħobbha għax twiegħed il-veru ġid”,[11] jistgħu jgħinuna nibqgħu mexjin ’il quddiem qalb id-dlam u d-diżgrazzji ta’ din id-dinja.

 

Moħħ xjentifiku eċċezzjonali

Meta mietet ommu, fl-1626, Blaise Pascal kellu tliet snin. Étienne, missieru, ġurista ta’ fama, kien magħruf anki għall-ħiliet xjentifiċi tiegħu, b’mod partikulari fil-matematika u fil-ġeometrija. Qatagħha li jieħu ħsieb waħdu l-edukazzjoni tat-tliet uliedu Jacqueline, Blaise u Gilberte, u mar jgħix Pariġi fl-1632. Blaise ma damx ma ta prova ta’ moħħ eċċezzjonali u ta’ esiġenza qawwija li jfittex il-veru, hekk kif tgħid oħtu Gilberte: “Sa mit-tfulija, ma setax iċedi jekk mhux għal dak li kien jidhirlu ċar li hu veru; hekk, meta ma kinux jagħtuh raġuni tajba, kien ifittxha hu stess”.[12] Jum wieħed, missieru ssorprenda lil ibnu fir-riċerki tal-ġeometrija u ntebaħ dritt li, mingħajr ma kien jaf li dawk it-teoremi kienu jeżistu fil-kotba imma taħt ismijiet oħra, Blaise, ta’ tnax-il sena, kien wera kompletament waħdu, billi ħażżeż figuri fuq l-art, it-32 propożizzjoni tal-bidu ta’ Ewklide.[13] Gilberte hawn ftakret li l-missier “twerwer mill-kobor u mill-qawwa ta’ dik l-intelliġenza kollha”.[14]

 

Fis-snin ta’ wara, Blaise Pascal applika t-talent immens tiegħu billi ddedika għalih it-taħbit tax-xogħol tiegħu. Minn meta kellu 17-il sena hu ffrekwenta l-akbar għorrief ta’ żmienu. Ma damux ma segwew l-iskoperti u l-pubblikazzjonijiet. Fl-1642, ta’ 19-il sena, ivvinta magna tal-aritmetika, antenata tal-calculators tagħna. Blaise Pascal għandu dan li jistimulana bil-kbir, li jsejħilna lejn il-kobor tar-raġuni umana, u jistedinna ninqdew biha biex niddeċifraw id-dinja ta’ madwarna. L-esprit de géométrie, li hi din l-attitudni biex jifhem fid-dettall kif jaħdmu l-affarijiet, kellha tiswielu għal ħajtu kollha, kif josserva t-teologu eminenti Hans Urs von Balthasar: “[Hu], barra l-preċiżjoni proprja tal-livelli tal-ġeometrija u tax-xjenzi tan-natura, sar kapaċi wkoll jilħaq il-preċiżjoni għalkollox differenti li hi proprja tal-livell tal-eżistenza b’mod ġenerali u tal-isfera Nisranija”.[15] Dan it-taħriġ fiduċjuż tar-raġuni naturali, li għamlu solidali mal-aħwa kollha bnedmin li jfittxu l-verità, ippermettielu li jagħraf il-limiti tal-intelliġenza nfisha u, fl-istess waqt, li jinfetaħ għar-raġunijiet sopranaturali tar-Rivelazzjoni, skont loġika tal-paradoss li tikkostitwixxi l-bixra filosofika u s-seħer letterarju tal-Ħsibijiet tiegħu: “Għall-Knisja kien daqstant ieħor diffiċli turi, kontra min kien jiċħad dan, li Ġesù Kristu kien bniedem, daqskemm li turi li kien Alla. U l-apparenzi kienu daqstant ieħor kbar”.[16]

 

Il-filosfi

Ħafna kitbiet ta’ Pascal jidħlu fil-parti l-kbira fid-diskors filosofiku. B’mod partikulari l-Ħsibijiet, dik il-ġabra ta’ frammenti ppubblikati wara mewtu li huma n-noti u l-abbozzi ta’ filosfu mmexxi minn proġett teoloġiku, li tagħhom ir-riċerkaturi jippruvaw jibnu mill-ġdid, mhux mingħajr varjazzjonijiet, il-koerenza u l-ordni oriġinali. L-imħabba appassjonata għal Kristu u s-servizz lill-foqra, li semmejt fil-bidu, ma kinux tant is-sinjal ta’ qasma fl-ispirtu ta’ dak id-dixxiplu qalbieni, imma pjuttost dak ta’ approfondiment len ir-radikalità evanġelika, ta’ maturazzjoni lejn il-verità ħajja tal-Mulej, bl-għajnuna tal-grazzja. Hu, li kellu ċ-ċertezza sopranaturali tal-fidi u li kien jaraha tant taqbel mar-raġuni, anki jekk tgħaddiha fil-wisa’, rieda jimbutta kemm jista’ jkun id-diskussjoni ma’ dawk li ma kinux jaqsmu fil-fidi tiegħu, għax lil “dawk kollha li ma għandhomx [il-fidi], ma nistgħux nagħtuhielhom jekk mhux permezz tar-raġunar, fl-istennija li Alla jagħtihielhom bit-tqanqil tal-qalb”.[17] Evanġelizzazzjoni mimlija rispett u sabar, li l-ġenerazzjoni tagħna jinteressaha timita.

 

Biex nifhmu tajjeb id-diskors ta’ Pascal fuq il-Kristjaneżmu, jeħtieġ għalhekk inkunu attenti għall-filosofija tiegħu. Hu kien jammira l-għerf tal-filosfi Griegi tal-qedem, b’ħila ta’ sempliċità u ta’ trankwillità fl-arti tagħhom ta’ kif għandek tgħix tajjeb, bħala membri ta’ polis: “Nistaħjlu lil Platun u Aristotli lebsin l-ilbies twil ta’ skulari. Kienu ġentlomi u kienu bħall-oħrajn, lesti għal daħka tajba flimkien ma’ ħbiebhom. U meta għoġobhom jiktbu l-Liġijiet u l-Politika tagħhom, dan għamluh b’gost. Kienet il-parti inqas filosofika u inqas serja tal-ħajja tagħhom, ladarba l-iktar filosofika kienet li jgħixu b’mod sempliċi u trankwill”.[18] Minkejja l-kobor u s-siwi tagħhom, Pascal xorta jagħraf il-limiti ta’ dawn il-filosfi: l-istojċiżmu jwassal biex wieħed jitkabbar,[19] ix-xettiċiżmu għad-disperazzjoni.[20] Ir-raġuni umana hi bla dubju ta’ xejn meravilja tal-ħolqien, li tagħżel lill-bniedem minn fost il-ħlejjaq kollha, għax “il-bniedem mhuwiex ħlief qasba, l-aktar dgħajfa tan-natura, imma hu qasba li taħseb”.[21] Nistgħu nifhmu mela li l-limiti tal-filosfi huma sempliċiment il-limiti tar-raġuni maħluqa. Fil-fatt, Demokritu kien iħobb jgħid: “Nitkellem fuq kollox”;[22] ir-raġuni ma tistax, waħidha, issolvi l-kwistjonijiet l-aktar għolja u l-aktar urġenti. Liema hi, effettivament, fi żmien Pascal kif ukoll fi żmienna, it-tema li tinteressana l-aktar? Hi dik tas-sens integrali tad-destin tagħna, tal-ħajja tagħna, u tat-tama tagħna, miftuħ għal hena li m’aħniex ipprojbiti li nistħajluh etern, imma li Alla waħdu hu awtorizzat jagħti: “Xejn ma hu daqshekk importanti għall-bniedem daqs l-istat tiegħu. Xejn ma jbeżżgħu daqs l-eternità”.[23]

 

Meta nimmeditaw il-Ħsibijiet ta’ Pascal, nerġgħu nsibu, b’xi mod, dan il-prinċipju fundamentali: “ir-realtà hi ogħla mill-idea”, għax Pascal jgħallimna nżommu bogħod minn “diversi xejriet ta’ ħabi tar-realtà”, mill-“puriżmi anġelikati” għall-“intellettwaliżmi mingħajr għerf”.[24] Xejn ma hu iżjed perikoluż minn ħsieb maqtugħ mir-realtà: “Min irid jagħmilha ta’ anġlu, isir bestja”.[25] U l-ideoloġiji fatali li nibqgħu nbatu minnhom fil-qasam ekonomiku, soċjali, antropoloġiku u morali jżommu lil min isegwihom magħluq f’bolli ta’ twemmin fejn l-idea tieħu post ir-realtà.

 

Il-qagħda umana

Il-filosofija ta’ Pascal, kollha paradossi, tgħaddi minn ħarsa tant umli daqskemm hi ċara, li tfittex kif tilħaq “ir-realtà mdawla mir-raġunament”.[26] Hu jitlaq mill-istqarrija li l-bniedem qisu barrani għalih innifsu, kbir u miżerabbli. Kbir minħabba r-raġuni tiegħu, minħabba l-ħila tiegħu li jaħkem fuq il-passjonijiet tiegħu, kbir ukoll “għax jagħraf li hu miżerabbli”.[27] B’mod partikulari, jaspira għal iktar flok kif jissodisfa l-istinti tiegħu jew kif jirreżistihom, “fil-fatt, dak li hu natura fl-annimali, aħna nsejħulu miżerja fil-bniedem”.[28] Jeżisti sproporzjon insopportabbli bejn, minn naħa, ir-rieda infinita tagħna li nkunu hienja u li nagħrfu l-verità u, min-naħa l-oħra, ir-raġuni limitata tagħna u d-dgħufija fiżika tagħna, li twassal għall-mewt. Għax il-qawwa ta’ Pascal hi wkoll fir-realiżmu qawwi tiegħu: “Ma hemmx bżonn ta’ xi ruħ elevata żżejjed biex tifhem li f’din id-dinja ma jeżistux sodisfazzjonijiet awtentiċi u stabbli, li l-pjaċiri kollha tagħna mhumiex ħlief frugħa u l-ħażen tagħna hu bla tarf, u li fl-aħħar il-mewt, li theddidna l-ħin kollu, trid bla dubju ta’ xejn tqegħidna fi ftit snin fil-ħtieġa tal-biża’ li niġu eternament meqruda jew imdejqa. Xejn ma hu iżjed reali u iżjed terribbli minn dan. Nistgħu nkunu kemm irridu arroganti: dan hu t-tmiem li hemm jistenna mqar l-iżjed ħajja sabiħa tad-dinja”.[29] F’din il-qagħda traġika, wieħed jifhem li l-bniedem ma jistax jibqa’ fih innifsu, għax il-miżerja u l-inċertezza fid-destin tigħu huma insopportabbli għalih. Allura għandu bżonn jaljena rasu, dak li Pascal jirrikonoxxi bla problemi ta’ xejn: “Minn hawn jiġi li l-bnedmin iħobbu tant l-għagħa u l-moviment”.[30] Jekk fil-fatt il-bniedem ma jiddistrax ruħu mill-qagħda tiegħu – u lkoll nafu tant tajjeb niddistraw ruħna bix-xogħol, il-pjaċiri jew ir-relazzjonijiet tal-familja jew il-ħbieb, imma b’xorti ħażina anki bil-vizzji li għalihom iwassluna ċerti passjonijiet – l-umanità tiegħu dduq “ix-xejn tiegħu, l-abbandun tiegħu, l-insuffiċjenza tiegħu, id-dipendenza tiegħu, l-impotenza tiegħu, il-vojt tiegħu. [U joħorġu] mill-qiegħ nett ta’ ruħu […] id-dwejjaq, il-burdati ħżiena, in-niket, id-dispjaċir, il-fastidju, il-qtigħ il-qalb”.[31] U madankollu d-divertiment ma jissodisfax, u lanqas jimla, ix-xewqa kbira tagħna għall-ħajja u għall-ferħ. Dan, ilkoll nafuh tant tajjeb.

 

U hawn Pascal iqiegħed l-ipoteżi kbira tiegħu: “Mela x’qed jokorbulna din il-kilba u din l-impotenza, jekk mhux li darba fil-bniedem kien hemm ferħ awtentiku li tiegħu issa baqagħlu biss is-sinjal u l-marki tal-passi vojta għalkollox, li hu għalxejn jipprova jimla mill-ġdid b’dak kollu li għandu madwaru, huwa u jitlob mill-ħwejjeġ assenti l-għajnuna li ma jiksibx minn dawk preżenti? Imma ta’ xejn, għax dan l-abbiss infinit ma jistax jimtela jekk mhux minn oġġett infinit u immutabbli, jew aħjar, minn Alla nnifsu”.[32] Jekk il-bniedem hu bħal “sultan imneħħi mit-tron tiegħu”,[33] li qed jipprova biss jerġa’ jsib il-kobor li tilef u li madankollu qed jara kemm ma għandux ħila, min hu allura? “X’fantasija mela hu l-bniedem? Xi stramberija, x’mostrożità, x’kaos, x’suġġett ta’ kontradizzjonijiet, x’għaġeb? Imħallef ta’ kollox, dudu dgħajjef tal-art, depożitarju tal-veru, miżbla ta’ inċertezza u ta’ żbalji, glorja u rifjut tal-unvers. Min se jħoll din il-kobba mħabbla?”.[34] Pascal, bħala filosfu, jagħraf tajjeb li “iktar ma wieħed ikollu dawl, iktar jiskopri kobor u bassezza fil-bniedem”,[35] imma li dawn l-opposti ma jistgħux jiġu rrikonċiljati bejniethom. Għax ir-raġuni umana ma tistax tarmonizzahom, lanqas issolvi l-misteru tagħhom.

 

Għalhekk Pascal jinnota li, jekk hemm Alla u jekk il-bniedem irċieva rivelazzjoni divina – kif jaffermaw diversi reliġjonijiet – jekk din ir-rivelazzjoni hi veritiera, hemm trid tinstab it-tweġiba li l-bniedem qed jistenna biex jista’ jsolvi l-kontradizzjonijiet li jitturmentawh: “Il-kobor u l-miżerji tal-bniedem huma hekk ċari li bilfors hemm bżonn li l-vera reliġjon tgħallimna li fil-bniedem hemm xi prinċipji kbir ta’ kobor, u li hemm prinċipju kbir ta’ miżerja. Barra minn hekk, jeħtieġ li din tispjegalna dawn il-kuntrasti tal-għaġeb”.[36] Issa, billi hu studja r-reliġjonijiet il-kbar, Pascal jikkonkludi li “l-ebda ħsieb u l-ebda għemil axxetiku-mistiku ma jista’ joffri triq ta’ salvazzjoni”, jekk ma jitlaqx mill-“kriterju superjuri ta’ verità tad-dawl li tixħet il-grazzja fir-ruħ”.[37] “Għalxejn, o bnedmin”, jikteb Pascal huwa u jistħajjel dak li l-veru Alla jista’ jgħidilna, “tfittxu fikom infuskom ir-rimedju għall-miżerji tagħkom. Id-dwal kollha tagħkom jistgħu l-iktar l-iktar jifhmu li m’intomx se ssibu fikom infuskom la l-verità u lanqas it-tajjeb. Il-filosfi wegħduhulkom u ma rnexxilhomx. Huma la jafu x’inhu l-veru ġid tagħkom, lanqas liema hi l-qagħda vera tagħkom”.[38]

 

Xħin jasal f’dan il-punt, Pascal, li bil-qawwa unika tal-intelliġenza tiegħu għarbel il-qagħda tal-bniedem, l-Iskrittura Mqaddsa u t-tradizzjoni tal-Knisja, irid jipproponi lilu nnifsu bis-sempliċità tal-ispirtu tat-tfulija bħala xhud umli tal-Vanġelu. Huwa dak in-Nisrani li jrid jitkellem fuq Ġesù Kristu ma’ dawk li jikkonkludu xi ftit malajr li ma hemmx raġunijiet konsistenti biex wieħed jemmen fil-veritajiet tal-Kristjaneżmu. Pascal, bil-maqlub, jaf b’esperjenza li dak li hemm fir-Rivelazzjoni mhux biss ma jeħodhiex kontra dak li titlob ir-raġuni, imma din iġġorr fiha t-tweġiba li qatt ma nstemgħet qabel u li għaliha ebda filosofija ma kienet ħa tasal waħidha.

 

Konverżjoni: iż-żjara tal-Mulej

Fit-23 ta’ Novembru 1654, Pascal għex esperjenza qawwija ħafna, li sal-lum għadha tissemma bħala l-“Lejl tan-nar” tiegħu. Din l-esperjenza mistika, li ġagħlitu jxerred dmugħ ta’ ferħ, kienet hekk intensa u hekk determinanti għalih li hu niżżilha fuq biċċa karta datata bi preċiżjoni, il-“Memorjal”, li hu kien infilza fl-inforra tal-mantell tiegħu u li nstabet biss wara mewtu. Jekk impossibbli nkunu nafu eżattament x’ġara fir-ruħ ta’ Pascal dak il-lejl, donnha kienet laqgħa li hu stess ra fiha x-xebh ma’ dak, fundamentali fl-istorja kollha tar-rivelazzjoni u tas-salvazzjoni, li għex Mosè quddiem is-siġra tal-għollieq taqbad (ara Eż 3). It-terminu “nar”,[39] li Pascal ried ipoġġi fuq nett fil-“Memorjal”, jistedinna, b’ċerta qawwa, biex nagħmlu dan il-paragun. Il-paralleliżmu jidher indikat minn Pascal innifsu li, dritt wara l-evokazzjoni tan-nar, reġa’ qabad it-titlu li l-Mulej ta lilu nnifsu quddiem Mosè: “Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb” (Eż 3:6,15), u żied: “mhux tal-filosfi u tal-għorrief. Ċertezza, ċertezza, sensazzjoni, ferħ, paċi. Alla ta’ Ġesù Kristu”.

 

Iva, Alla tagħna huwa ferħ, u Blaise Pascal jagħti xhieda ta’ dan quddiem il-Knisja kollha kif ukoll quddiem il-fittiexa kollha ta’ Alla: “Mhuwiex l-Alla astratt jew l-Alla kożmiku, le. Huwa l-Alla ta’ persuna, ta’ sejħa, Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk, ta’ Ġakobb, Alla li hu ċertezza, li hu sentiment, li hu ferħ”.[40] Dik il-laqgħa, li lil Pascal ikkonfermatlu l-“kobor tar-ruħ tal-bniedem”, imlietu b’dan il-ferħ ħaj u bla qies: “Ferħ, ferħ, ferħ, dmugħ ta’ ferħ”. U dan il-ferħ divin isir għal Pascal il-post tal-istqarrija u tat-talb: “Ġesù Kristu. Jiena nfridt minnu, ħrabtlu, ċħadtu, sallabtu. Nixtieq li qatt ma nkun mifrud minnu!”.[41] Hija l-esperjenza tal-imħabba ta’ dak Alla personali, Ġesù Kristu, li għandu sehem fl-istorja tagħna u jieħu sehem bla waqfien fil-ħajja tagħna, li kaxkret lil Pascal fit-triq tal-konverżjoni profonda u għalhekk taċ-“ċaħda sħiħa u ħelwa”,[42] għax għexha fl-imħabba, tal-“bniedem il-qadim, imħassar bix-xewqat tal-pjaċiri qarrieqa” (Efes 4:22).

 

Kif fakkar San Ġwanni Pawlu II fl-Enċiklika tiegħu fuq ir-relazzjoni bejn fidi u raġuni, filosfi bħal Pascal jingħażlu għaċ-ċaħda tagħhom ta’ kull preżunzjoni u għall-għażla tagħhom ta’ atteġġjament magħmul mill-umiltà daqskemm mill-kuraġġ. Sabu li l-fidi “teħles ir-raġuni mill-preżunzjoni”.[43] Qabel dak il-lejl tat-23 ta’ Novembru 1654, dan hu ċar, Pascal “ma kellu ebda dubju dwar l-eżistenza ta’ Alla. Kien jaf ukoll li dan Alla hu l-ogħla ġid. […] Dak li kien jonqsu, u li kien hemm jistennieh, ma kienx għerf imma setgħa, mhux verità imma qawwa”.[44] Issa din il-qawwa tingħatalu bi grazzja: hu jħossu miġbud, b’ċertezza u b’ferħ, minn Ġesù Kristu: “Lil Alla nafuh biss permezz ta’ Ġesù Kristu. Mingħajr dan il-medjatur ma hemm ebda komunikazzjoni ma’ Alla”.[45] Li niskopri lil Ġesù Kristu jfisser niskopri lill-Feddej u Ħellies li għandi bżonn: “Dak Alla mhux għajr dak li jfejjaq il-miżerja tagħna. Għalhekk ma nistgħux nagħrfu tajjeb lil Alla mingħajr ma nkunu nafu l-mard tagħna”.[46] Bħal kull konverżjoni awtentika, il-konverżjoni ta’ Blaise Pascal isseħħ fl-umiltà, li teħlisna “mill-kuxjenza iżolata tagħna u mill-awtoreferenzjalità”.[47]

 

L-intelliġenza immensa ta’ Blaise Pascal, li qatt m’għandha kwiet, u hi mimlija bil-paċi u l-ferħ quddiem ir-rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu, tistedinna, skont “l-ordni tal-qalb”,[48] biex nimxu b’din iċ-ċertezza mdawla minn “dan id-dawl tas-sema”.[49] Fil-fatt, jekk Alla tagħna hu “Alla moħbi” (ara Iż 45:15), dan għax hu “ried jinħeba”,[50] hekk li r-raġuni tagħna, imdawla mill-grazzja, ma tista’ qatt tieqaf tiskoprih. Huwa għalhekk bid-dawl tal-grazzja li nistgħu nsiru nafuh. Imma l-libertà tal-bniedem jeħtieġ tinfetaħ; u mill-ġdid Ġesù jfarraġna: “Int ma kontx tfittixni kieku ma sibtnix”.[51]

 

L-ordni tal-qalb u r-raġunijiet tagħha biex temmen

Skont il-kelmiet ta’ Benedittu XVI, “it-tradizzjoni Kattolika sa mill-bidu ċaħdet l-hekk imsejjaħ fideiżmu, li hu r-rieda tat-twemmin kontra r-raġuni”.[52] F’din il-linja Pascal hu marbut bil-kbir mar-“raġonevolezza tal-fidi f’Alla”,[53] mhux biss għax “il-moħħ ma jistax jiġi mġiegħel jemmen dak li hu falz”,[54] imma għax “jekk inweġġgħu lill-prinċipji tar-raġuni, ir-reliġjon tagħna tkun assurda u redikola”.[55] Imma, jekk il-fidi hi raġonevoli, hija wkoll don ta’ Alla u ma tistax timponi ruħha: “Ma nistgħux nippruvaw li għandna niġu maħbuba billi nuru b’ordni l-kawżi tal-imħabba. Tkun ħaġa redikola”,[56] josserva Pascal bil-finezza tal-umoriżmu tiegħu, u joħloq paralleliżmu bejn l-imħabba umana u l-mod li bih Alla juri ruħu lilna. Xejn iżjed mill-imħabba, “li tipproponi ruħha imma ma timponix ruħha – l-imħabba ta’ Alla qatt ma timponi ruħha”.[57] Ġesù ta xhieda tal-verità (ara Ġw 18:37) imma “ma riedx jimponiha bil-qawwa fuq dawk li ċaħduha”.[58] Għalhekk “hemm biżżejjed dawl għal min jixtieq biss jara, u biżżejjed dlam għal min għandu dispożizzjoni opposta”.[59]

 

U għalhekk jasal biex jistqarr li “l-fidi hi differenti mill-prova. Waħda hi umana, l-oħra hi don ta’ Alla”.[60] Għalhekk, impossibbli nemmnu, “jekk Alla ma jilwix qalbu ’l isfel”.[61] Jekk il-fidi hi ta’ ordni superjuri għar-raġuni, dan xejn ma jfisser li teħodha kontriha, imma li tissuperaha bla tarf. Meta naqraw l-opra ta’ Pascal, allura, mhuwiex qabelxejn biex niskopru r-raġuni li ddawwal il-fidi; ifisser li noqogħdu fl-iskola ta’ Nisrani ta’ razzjonalità eċċezzjonali, li għaraf tant aħjar juri ordni stabbilit tad-don ta’ Alla ’l fuq mir-raġuni: “Id-distanza bla tarf bejn il-ġisem u r-ruħ turi d-distanza infinitament iktar bla tarf bejn il-moħħ u l-imħabba, għax din hi sopranaturali”.[62] Xjenzat espert fil-ġeometrija, jiġifieri fix-xjenza tal-iġsma mqiegħda fl-ispazju, u ġeometra espert fil-filosofija, jiġifieri fix-xjenza tal-imħuħ imqiegħda fl-istorja, Blaise Pascal, imdawwal mill-grazzja tal-fidi, seta’ jittraskrivi hekk it-totalità tal-esperjenza tiegħu: “Mill-iġsma kollha flimkien ma nkunux nafu noħorġu ħsieb wieħed ċkejken: impossibbli, għax dan hu ta’ ordni ieħor. Mill-iġsma kollha u mill-imħuħ kollha ma nkunux nafu noħorġu ċaqliqa waħda ta’ mħabba: impossibbli, għax dan hu ta’ ordni ieħor, sopranaturali”.[63]

 

La l-intelliġenza ġeometrika u lanqas ir-raġunament filosofiku ma jippermettu lill-bniedem li jilħaq waħdu “ħarsa ċara ħafna” fuq id-dinja u fuqna nfusna. Min ħarstu hi magħluqa fuq id-dettalji tal-kalkoli tiegħu ma jistax igawdi mill-viżjoni tal-flimkien li tagħtina “ħjiel tal-prinċipji kollha”. Dan ġej mill-“intelliġenza intuwittiva”, li Pascal jiftaħar daqstant ieħor bil-merti tagħha, għax meta nfittxu li nifhmu r-realtà, “irridu naraw il-ħaġa dak il-ħin, b’daqqa t’għajn waħda”.[64] Din l-intelliġenza intuwittiva hi marbuta ma’ dik li Pascal isejħilha l-“qalb”: “Ir-realtà nafuha mhux biss bir-raġuni, imma anki bil-qalb. Hu f’dan l-aħħar mod li nagħrfu l-ewwel prinċipji, u għalxejn ir-raġunament, li ma għandu ebda sehem fihom, jipprova jpoġġihom f’dubju”.[65] Issa, il-veritajiet divini, bħall-fatt li Alla li ħalaqna huwa mħabba, li hu Missier, Iben u Spirtu s-Santu, li tlaħħam f’Ġesù Kristu, li miet u rxoxta għas-salvazzjoni tagħna, ma tistax turihom bir-raġuni, imma jistgħu jiġu magħrufa biċ-ċertezza tal-fidi, u jgħaddu mbagħad għall-qalb spiritwali tal-moħħ razzjonali, li tagħrafhom bħala veri u tista’ mbagħad tesponihom: “Għalhekk dawk li Alla tahom ir-reliġjon permezz tas-sentiment tal-qalb huma xortihom tajba ħafna u leġittimament konvinti”.[66]

 

Pascal qatt ma rrassenja ruħu għall-fatt li xi wħud mill-bnedmin ħutu mhux biss ma kinux jafu lil Ġesù Kristu, imma b’telqa, jew minħabba l-passjonijiet tagħhom, ma kinux jieħdu l-Vanġelu bis-serjetà. Fil-fatt huwa f’Ġesù Kristu li tagħmel sens ħajjithom. “L-immortalità tar-ruħ hi ħaġa li tagħfas fuqna tant, tmissna hekk fil-fond, li rridu nkunu għalkollox bla raġuni biex ma ninteressawx ruħna li nsiru nafu kif qegħdin l-affarijiet. […] Raġuni li għaliha, fil-qasam ta’ dawk li mhumiex konvinti, jiena nara differenza kbira bejn dawk li jħabirku b’ħilthom kollha biex jitgħallmu, u dawk li jgħixu mingħajr jagħtu kas jew ħsieb”.[67] Aħna stess nafu tajjeb li spiss infittxu li naħarbu mill-mewt, jew li naħkmuha, għax naħsbu li nistgħu “nwarrbu l-ħsieb mill-fatt li ħa nispiċċaw” jew “lill-mewt neħdulha s-setgħa tagħha u nkeċċu l-biża’. Imma l-fidi Nisranija mhijiex mod kif neżorċizzaw il-biża’ mill-mewt, pjuttost tgħinna naffrontawha. Illum jew għada, kollha ħa ngħaddu minn dak il-bieb. Id-dawl veru li jdawwal il-misteru tal-mewt ġej mill-qawmien ta’ Kristu”.[68] Il-grazzja ta’ Alla waħidha tippermetti lill-qalb tal-bniedem li jasal għall-ordni tal-għarfien divin, għall-imħabba. Dan wassal lil wieħed kummentatur importanti ta’ żmienna biex fuq Pascal jikteb li “l-ħsieb ma jasalx biex jaħseb Kristjanament jekk ma jasalx għal dak li Ġesù Kristu jwettaq, l-imħabba”.[69]

 

Pascal, il-kontroversja u l-imħabba

Qabel nagħlqu, bilfors irridu nfakkru fir-relazzjonijiet ta’ Pascal mal-Ġanseniżmu. Waħda minn ħutu, Jacqueline, kienet daħlet fil-ħajja reliġjuża f’Port-Royal, f’kongregazzjoni li t-teoloġija tagħha kienet influwenzata ħafna minn Cornelius Jansen, li kien kiteb trattat, l-Augustinus, ippubblikat fl-1640. Wara l-“Lejl tan-nar” tiegħu, Pascal kien mar jagħmel irtir fl-Abbazija ta’ Port-Royal, f’Jannar 1655. Issa, fix-xhur ta’ wara, kontroversja importanti u diġà antika, li poġġiet kontra xulxin lil Ġiżwiti u l-“Ġansenisti”, marbuta mal-Augustinus, reġgħet tqanqlet f’Sorbonne, l-unversità ta’ Pariġi. Id-diskussjonijiet kienu prinċipalment fuq il-kwistjoni tal-grazzja ta’ Alla u fuq ir-relazzjonijiet bejn il-grazzja u n-natura umana, b’mod partikulari r-rieda ħielsa tagħha. Pascal, għalkemm ma kienx jagħmel parti mill-kongregazzjoni ta’ Port-Royal, u għalkemm lanqas kien bniedem li jħobb ixaqleb lejn naħa jew oħra – “jiena waħdi”, jikteb, “żgur m’iniex minn Port-Royal”,[70] – ġie mqabbad mill-Ġansenisti biex jiddefendihom, fuq kollox għax l-arti retorika tiegħu kienet b’saħħitha. Hekk għamel fl-1656 u fl-1657, u ppubblika serje ta’ 18-il ittra, intitolati Provinċjali.

 

Jekk ħafna propożizzjonijiet imsejħa “Ġansenisti” kienu effettivament kuntrarji għall-fidi,[71] ħaġa li Pascal irrikonoxxa, hu kkontesta li dawn kienu preżenti fl-Augustinus u segwiti mill-membri ta’ Port-Royal. Imma xi wħud mill-istess affermazzjonijiet tiegħu, dwar ngħidu aħna l-predestinazzjoni, meħuda mit-teoloġija tardiva ta’ Santu Wistin, li l-formuli tagħhom kienu diġà ġew mirquma minn Ġansenju, ma jinstemgħux tajbin. Imma rridu nifhmu li, bħalma Santu Wistin fis-seklu 5 ried jeħodha kontra l-Pelaġjani, li kienu jsostnu li l-bniedem bil-qawwa tiegħu waħdu u mingħajr il-grazzja ta’ Alla jista’ jagħmel it-tajjeb u jiġi salvat, Pascal emmen sinċerament li seta’ jeħodha kontra l-Pelaġjaniżmu jew is-Semi-Pelaġjaniżmu li hu kien jilmaħ fid-duttrini segwiti mill-Ġiżwiti Molinisti (mill-isem tat-teologu Luis de Molina, li miet fl-1600 imma li l-influwenza tiegħu kienet għadha ħajja f’nofs is-seklu 17). Ejjew nirrispettawh għall-frankezza u għas-sinċerità tal-intenzjonijiet tiegħu.

 

Din l-ittra żgur li mhix il-post fejn se nsolvu l-kwistjoni. Madankollu, dak li Pascal ġustament fetħilna għajnejna dwaru fil-pożizzjonijiet tiegħu għadu jgħodd għal żmienna wkoll: in-“Neo-Pelaġjaniżmu”,[72] li jrid li kollox jiddependi “mill-isforz uman li jgħaddi min-normi u l-istrutturi ekkleżjali”,[73] jingħaraf mill-fatt li “jintoskana bil-preżunzjoni ta’ salvazzjoni miksuba bl-isforzi tagħna”.[74] U rridu hawn naffermaw li l-aħħar pożizzjoni ta’ Pascal dwar il-grazzja, u b’mod partikulari dwar il-fatt li Alla “jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità” (1 Tim 2:4), hi mistqarra f’termini perfettament Kattoliċi sal-aħħar nifs ta’ ħajtu.[75]

 

Kif għidt fil-ftuħ, Blaise Pascal, fi tmiem il-ħajja qasira tiegħu imma ta’ għana u frott straordinarju, kien qiegħed l-imħabba tal-aħwa fl-ewwel post. Hu ħassu u kien jaf li hu membru ta’ ġisem wieħed, għax “Alla, wara li ħalaq is-sema u l-art, li xejn ma jħossu l-hena ta’ dak li huma, ried joħloq essrijiet li kapaċi jagħrfuh u jibnu ġisem ta’ membri li jaħsbu”.[76] Pascal, fil-pożizzjoni tiegħu ta’ lajk fidil, iggosta l-ferħ tal-Vanġelu, li bih l-Ispirtu ried jagħmel għammiela u jfejjaq “id-dimensjonijiet kollha tal-bniedem” u jerġa’ jiġbor “il-bnedmin kollha madwar il-mejda tas-Saltna”.[77] Meta niseġ il-ġmiel ta’ Talba  lil Alla għall-użu tajjeb tal-mard, fl-1659, Pascal kien bniedem fil-paċi, li ma baqax imdaħħal iżjed fil-kontroversja, u lanqas fl-apoloġetika. Billi kien marid ħafna u wasal biex imut, talab li jitqarben, imma dan ma seħħx minnufih. Allura lil oħtu talabha: “La ma nistax nitqarben bil-kap [Ġesù Kristu], nixtieq nitqarben bil-membri”.[78] U “kellu xewqa kbira li jmut fil-kumpanija tal-foqra”.[79] “Miet fis-sempliċità ta’ tfajjel ċkejken”,[80] jingħad dwaru ftit wara l-aħħar nifs tiegħu, fid-19 ta’ Awwissu 1662. Wara li rċieva s-Sagramenti, l-aħħar kelmiet tiegħu kienu: “Nitlob lil Alla li ma jitlaqni qatt”.[81]

 

Jalla l-opra mdawla tiegħu u l-eżempji ta’ ħajtu, hekk mgħammda f’Ġesù Kristu, jgħinuna nimxu sal-aħħar tat-triq tal-verità, tal-konverżjoni u tal-imħabba. Għax il-ħajja ta’ bniedem hi wisq qasira: “Eternament fil-ferħ għal jum wieħed ta’ prova fuq l-art”.[82]

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 19 ta’ Ġunju 2023

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Ħsibijiet, n. 230. Għall-edizzjoni Taljana tal-kitbiet ta’ Pascal ara Opere complete, a cura di Maria Vita Romeo, Firenze-Milano 2020.

[2] G. Périer, Vie de M. Pascal, f’Œuvres complètes, par M. Le Guern, I, Paris 1998, “Bibliothèque de la Pléiade” (34), 91.

[3] B. Pascal, Ħsibijiet, n. 301.

[4] Ibid., n. 181.

[5] Ibid., n. 36.

[6] Id., Kollokju ta’ Pascal mas-Sur de Saci fuq Epittetu u Montaigne, 28: Opere complete, cit., 1539.

[7] Ħsibijiet, n. 757 [il-Memorjal].

[8] Ibid., n. 767.

[9] Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 65.

[10] Ibid., 167.

[11] Ħsibijiet, n. 46.

[12] G. Périer, op. cit., 64.

[13] Ara ibid., 65.

[14] Ibid.

[15] “Pascal”, fi Gloria. Un’estetica teologica. III. Stili laicali, Milano 1976, 169.

[16] Ħsibijiet, n. 338.

[17] Ibid., n. 142.

[18] Ibid., n. 457.

[19] Ara Kollokju ta’ Pascal mas-Sur de Saci fuq Epittetu u Montaigne, [57]: Opere complete, cit., 1551.

[20] Ara Ħsibijiet, n. 240.

[21] Ibid., n. 231.

[22] Ibid., n. 230.

[23] Ibid., n. 682.

[24] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 231.

[25] Ħsibijiet, n. 558.

[26] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 232.

[27] Ħsibijiet, n. 146.

[28] Ibid., n. 149.

[29] Ibid., n. 682.

[30] Ibid., n. 168.

[31] Ibid., n. 515.

[32] Ibid., n. 181.

[33] Ibid., n. 148.

[34] Ibid., n. 164.

[35] Ibid., n. 506.

[36] Ibid., n. 182.

[37] H.U. von Balthasar, “Pascal”, fi Gloria. Un’estetica teologica, III, Stili laicali, Milano 1976, 172.

[38] Ħsibijiet, n. 182.

[39] Ibid., n. 757.

[40] Katekeżi, 3 ta’ Ġunju 2020.

[41] Ħsibijiet, n. 757 [il-Memorjal].

[42] Ibid.

[43] Fides et ratio (14 ta’ Settembru 1998), 76: AAS 91 (1999), 64.

[44] H. Gouhier, Blaise Pascal. Commentaires, Paris 1971, 44-45.

[45] Ħsibijiet, n. 221.

[46] Ibid.

[47] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 8.

[48] Ħsibijiet, n. 329.

[49] Ibid., n. 240.

[50] Ibid., n. 275.

[51] Ibid., n. 762.

[52] Katekeżi, 21 ta’ Novembru 2012.

[53] Ibid.

[54] Kollokju ta’ Pascal mas-Sur de Saci fuq Epittetu u Montaigne, [12]: Opere complete, cit., 1535.

[55] Ħsibijiet, n. 204.

[56] Ibid., n. 329.

[57] Omelija fis-Solennità ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu, 20 ta’ Novembru 2022.

[58] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Dikjarazzjoni Dignitatis humanæ, 11.

[59] Ħsibijiet, n. 182.

[60] Ibid., n. 41.

[61] Ibid., n. 412.

[62] Ibid., n. 339.

[63] Ibid.

[64] Ibid., n. 671.

[65] Ibid., n. 142.

[66] Ibid.

[67] Ibid., n. 682.

[68] Katekeżi, 9 ta’ Frar 2022.

[69] J.-L. Marion, La Métaphysique et après, Paris 2023, 356.

[70] Is-17-il ittra provinċjali: Opere Complete, cit., 1267.

[71] Ara B. Neveu, L’erreur et son juge : remarques sur les censures doctrinales à l’époque moderne, Naples 1993.

[72] Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Ittra Placuit Deo (22 ta’ Frar 2018); Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 57-59.

[73] Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 59.

[74] Ittra appostolika Desiderio desideravi, 20.

[75] Ara B. Pascal, Œuvres complètes, éd par L. Lafuma, Paris 1963, n. 931, p. 623. Fil-bidu ta’ dan il-framment tinsab, ingassata, din il-frażi: “Inħobb lill-bnedmin kollha bħala ħuti, għax huma kollha mifdija”.

[76] Ħsibijiet, n. 392.

[77] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 237.

[78] G. Périer, op. cit., 92-93.

[79] Ibid., 93.

[80] Ibid., 90.

[81] Ibid., 94.

[82] B. Pascal, Œuvres complètes, par L. Lafuma, cit., n. 913.