00000000000000000000--------------> Laikos

Laikos

 

EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA

C’EST LA CONFIANCE

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

FUQ IL-FIDUĊJA FL-IMĦABBA ĦANINA TA’ ALLA

FL-OKKAŻJONI TAL-150 ANNIVERSARJU

MIT-TWELID TA’

SANTA TEREŻA TAL-BAMBIN ĠESÙ U TAL-WIĊĊ IMQADDES

 

1. “C’est la confiance et rien que la confiance qui doit nous conduire à l’Amour”: “Hija l-fiduċja u xejn ħlief il-fiduċja li għandha twassalna sal-Imħabba”.[1]

 

2. Dawn il-kelmiet hekk inċiżivi ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes jgħidu kollox, jiġbru fil-qosor il-ġenju tal-ispiritwalità tagħha u jkunu biżżejjed biex jiġġustifikaw il-fatt li ġiet iddikjarata Duttur tal-Knisja. Il-fiduċja waħidha, “xejn ħliefha”, ma hemmx triq oħra x’nimxu biex naslu għal għand l-Imħabba li kollox tagħti. Bil-fiduċja, l-għajn tal-grazzja tfawwar fil-ħajja tagħna, il-Vanġelu jitlaħħam fina u jibdilna f’kanali ta’ ħniena għal ħutna.

 

3. Hija l-fiduċja li tweżinna ta’ kuljum u żżommna fuq riġlejna quddiem il-ħarsa tal-Mulej meta hu għad isejħilna għal għandu: “Fl-għabex ta’ din il-ħajja, għad nidher quddiemek b’idejja vojta, għax ma nitolbokx, Mulej, li tgħodd l-għemejjel tiegħi. Il-ħwejjeġ ġusti kollha tagħna għandhom it-tbajja’ f’għajnejk. Irrid, għalhekk, nilbes il-Ġustizzja tiegħek stess, u nilqa’ mill-Imħabba tiegħek il-pussess etern tiegħek innifsek”.[2]

 

4. Tereżina hi waħda mill-qaddisin l-aktar magħrufa u maħbuba mad-dinja kollha. Bħal San Franġisk ta’ Assisi, hi maħbuba saħansitra minn dawk li mhumiex Insara jew ma jemmnux. Ġiet irrikonoxxuta wkoll mill-UNESCO fost il-figuri li l-iżjed għandhom sinifikat għall-umanità kontemporanja.[3] Nagħmlu sew jekk ninżlu fil-fond tal-messaġġ tagħha aħna u nfakkru l-150 anniversarju minn twelidha, li seħħ f’Alençon fit-2 ta’ Jannar 1873, u ċ-ċentinarju mill-beatifikazzjoni tagħha.[4] Imma ma xtaqtx nippubblika din l-Eżortazzjoni f’waħda minn dawn id-dati, jew fil-jum tat-Tifkira tagħha, biex il-messaġġ imur lil hemm mir-rikorrenzi u jintlaqa’ bħala parti mit-teżor spiritwali tal-Knisja. Id-data tal-pubblikazzjoni, Tifkira ta’ Santa Tereża ta’ Avila, trid tippreżenta lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes bħala frott matur tar-riforma tal-Karmelu u tal-ispiritwalità tal-Qaddisa kbira Spanjola.

 

5. Ħajjitha fuq din l-art kienet qasira, bilkemm 24 sena, u sempliċi bħal kull oħra, imqattgħa l-ewwel fil-familja u mbagħad fil-Karmelu ta’ Lisieux. Il-qawwa straordinarja ta’ dawl u ta’ mħabba li tiddi mill-persuna tagħha dehret minnufih wara l-mewt tagħha, bil-pubblikazzjoni tal-kitbiet tagħha u bl-għadd bla qies ta’ grazzji miksuba mill-fidili li bdew jitolbuha.

 

6. Il-Knisja ma damitx ma għarfet il-valur straordinarju tax-xhieda tagħha u l-oriġinalità tal-ispiritwalità evanġelika tagħha. Tereża ltaqgħet mal-Papa Ljun XIII fl-okkażjoni tal-pellegrinaġġ li għamlet Ruma fl-1887 u talbitu l-permess li tidħol fil-Karmelu fl-età ta’ 15-il sena. Ftit wara l-mewt tagħha, San Piju X intebaħ bl-istatura spiritwali enormi tagħha, tant li hu stqarr li kellha tkun l-ikbar Qaddisa taż-żminijiet moderni. Iddikjarata Venerabbli fl-1921 minn Benedittu XV, li faħħar il-virtujiet tagħha li hu rahom miġbura fit-“triq iċ-ċkejkna” tat-tfulija spiritwali,[5] ġiet ibbeatifikata mitt sena ilu u mbagħad ikkanonizzata fis-17 ta’ Mejju 1925 minn Piju XI, li radd ħajr lill-Mulej li tah il-grazzja li Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes tkun “l-ewwel beata mgħollija minnu għall-ġieħ tal-altari u l-ewwel qaddisa kkanonizzata minnu”.[6] L-istess Papa ddikjaraha Patruna tal-missjonijiet fl-1927.[7] Ġiet magħduda mal-Patruni ta’ Franza fl-1944 mill-Venerabbli Piju XII,[8] li f’diversi okkażjonijiet niżel fil-fond tat-tema tat-tfulija spiritwali.[9] San Pawlu VI kien iħobb ifakkar il-magħmudija tiegħu li hu rċieva fit-30 ta’ Settembru 1897, jum il-mewt ta’ Santa Tereżina, tant li fiċ-ċentinarju minn twelidha indirizza lill-Isqof ta’ Bayeux u Lisieux kitba tiegħu dwar it-tagħlim tagħha.[10] Waqt l-ewwel vjaġġ appostoliku tiegħu fi Franza, f’Ġunju 1980, San Ġwanni Pawlu II żar il-Bażilika ddedikata lilha, u fl-1997 iddikjaraha Duttur tal-Knisja,[11] u mbagħad għaddha “bħala esperta fix-scientia amoris”.[12] Benedittu XVI reġa’ qabad it-tema tax-“xjenza tal-imħabba” tagħha, u pproponieha bħala “gwida għal kulħadd, fuq kollox għal dawk li, fil-Poplu ta’ Alla, jiżvolġu l-ministeru ta’ teologi”.[13] Fl-aħħar nett, jiena bi pjaċir ikkanonizzajt lill-ġenituri tagħha Louis Martin u Marie Azélie, fl-2015, waqt is-Sinodu fuq il-familja, u dan l-aħħar iddedikajtilha katekeżi fis-serje dwar iż-żelu appostoliku.[14]

 

1. Ġesù għall-oħrajn

7. Fl-isem li hija għażlet bħala reliġjuża jispikka Ġesù: il-“Bambin” li juri l-misteru tal-Inkarnazzjoni u l-“Wiċċ Imqaddes”, jiġifieri l-wiċċ ta’ Kristu li jingħata sal-aħħar fuq is-Salib. Hija “Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes”.

 

8. L-Isem ta’ Ġesù Tereża kontinwament “tieħu n-nifs” tiegħu bħala att ta’ mħabba, sal-aħħar nifs ta’ ħajjitha. Kienet naqqxet ukoll dawn il-kelmiet fuq iċ-ċella tagħha: “Ġesù hu l-imħabba waħdanija tiegħi”. Din kienet l-interpretazzjoni tagħha tal-ogħla stqarrija li nsibu fit-Testment il-Ġdid: “Alla huwa Mħabba” (1 Ġw 4:8,16).

 

Ruħ missjunarja

9. Kif jiġri f’kull laqgħa awtentika ma’ Kristu, din l-esperjenza ta’ fidi ħassitha ssejħilha għall-missjoni. Tereża setgħet tiddefinixxi l-missjoni tagħha b’dawn il-kelmiet: “Fis-Sema jien għad nixtieq l-istess ħaġa li nixtieq hawn fuq l-art: li nħobb lil Ġesù u nagħmlu maħbub”.[15] Kitbet li kienet daħlet fil-Karmelu biex “insalva l-erwieħ”.[16] Dan ifisser li l-konsagrazzjoni tagħha lil Alla bilfors kienet taraha fit-tiftix tal-ġid tal-aħwa. Hi kienet taqsam fl-imħabba ħanina tal-Missier għall-iben midneb u f’dik tar-Ragħaj it-Tajjeb għan-nagħġiet mitlufa, imbiegħda, midruba. Għalhekk hija Patruna tal-missjonijiet, mgħallma ta’ evanġelizzazzjoni.

 

10. L-aħħar paġni tal-iStorja ta’ ruħ[17] tagħha huma testment missjunarju, jesprimu l-mod ta’ kif hi tifhem l-evanġelizzazzjoni bl-attrazzjoni,[18] mhux bi pressjoni jew proselitiżmu. Ta’ min jaqra kif hi stess dan tiġbru fil-qosor: “‘Iġbidni warajk, u niġru għar-riħa ta’ fwiħatek’. O Ġesù, mela, lanqas mhu meħtieġ li ngħid: ‘Int u tiġbidni, iġbed l-erwieħ li jien inħobb!’. Din il-kelma sempliċi: ‘Iġbidni’ hi biżżejjed. Mulej, jien nifhimha: meta ruħ tkun ħalliet lilha nfisha tinqabad mir-riħa li titilfek ta’ fwiħatek, ma tagħrafx aktar tiġri waħedha, l-erwieħ kollha li hija tħobb jiġu mkaxkrin warajha; dan iseħħ mingħajr ma jkunu mġiegħla, bla sforz; huwa konsegwenza naturali tal-ġibda tagħha lejk. Hekk kif turrent ta’ ilma, waqt li jinxteħet bil-qawwi fl-oċean, ikaxkar warajh dak kollu li ltaqa’ miegħu fi triqtu, bl-istess mod, o Ġesù tiegħi, ir-ruħ li tintefa’ fl-oċean bla qies ta’ mħabbtek, tiġbed magħha t-teżori kollha li għandha… Mulej, inti taf, jiena ma għandi ebda teżori oħra ħlief l-erwieħ li int għoġbok tgħaqqad ma’ tiegħi”.[19]

 

11. Hawn hi tikkwota l-kelmiet li l-għarusa tlissen lill-għarus fl-Għanja tal-Għanjiet (1:3-4), skont l-interpetazzjoni approfondita miż-żewġ Dutturi tal-Karmelu, Santa Tereża ta’ Ġesù u San Ġwann tas-Salib. L-Għarus hu Ġesù, l-Iben ta’ Alla li ntrabat mal-umanità tagħna fl-Inkarnazzjoni u fdieha minn fuq is-Salib. Hemm, mill-kustat miftuħ tiegħu, ta l-ħajja lill-Knisja, l-Għarusa maħbuba tiegħu, li għaliha hu ta ħajtu (ara Efes 5:25). Dak li jolqotna hu kif Tereżina, li taf li tinsab qrib il-mewt, ma tgħixx dan il-misteru magħluqa fiha nfisha, f’sens ta’ faraġ għaliha biss, imma bi spirtu appostoliku mħeġġeġ.

 

Il-grazzja li teħlisna mill-awtoreferenzjalità

12. Xi ħaġa simili tiġri meta tirriferi għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, li dlonk tikseb tifsira missjunarja: “Ara, din hija t-talba tiegħi: nitlob lil Ġesù li jiġbidni fil-fjammi ta’ mħabbtu, li jgħaqqadni miegħu hekk bis-sħiħ illi jgħix u jaħdem fija hu. Inħoss li iktar ma n-nar tal-imħabba jqabbadli qalbi, iktar ngħid: ‘Iġbidni’, u iktar ukoll l-erwieħ li se jersqu lejja (imsejken fdal ċkejken ta’ ħadid bla siwi li kieku kelli nitbiegħed mill-ħuġġieġa divina) dawn l-erwieħ iktar se jiġru bil-ħeffa wara r-riħa tal-fwiħat tal-Maħbub tagħhom, għax ruħ mixgħula bl-imħabba ma tistax tibqa’ inattiva”.[20]

 

13. Fil-qalb ta’ Tereżina, il-grazzja tal-magħmudija saret xmara qawwija li tgelgel għal ġol-oċean tal-imħabba ta’ Kristu, waqt li tkaxkar magħha għadd ta’ aħwa, dak li seħħ b’mod speċjali wara l-mewt tagħha. Din kienet il-wegħda tagħha ta’ “xita ta’ ward”.[21]

 

2. It-triq iċ-ċkejkna tal-fiduċja u tal-imħabba

14. Waħda mill-kixfiet l-aktar importanti ta’ Tereżina, għall-ġid tal-Poplu kollu ta’ Alla, hija t-“triq iċ-ċkejkna” tagħha, it-triq tal-fiduċja u tal-imħabba, magħrufa wkoll bħala t-triq tat-tfulija spiritwali. Ilkoll nistgħu nimxu fiha, ikun xi jkun l-istat ta’ ħajjitna, f’kull mument tal-eżistenza. Hija t-triq li l-Missier tas-Sema juri liċ-ċkejknin (ara Mt 11:25).

 

15. Tereżina tirrakkonta l-kixfa ta’ din it-triq iċ-ċkejkna fl-iStorja ta’ ruħ:[22] “Minkejja ċ-ċokon tiegħi, nista’ nixxennaq għall-qdusija. Li nikber jien, ma jistax ikun; ikolli nġerraħ lili nnifsi hekk kif jien bl-imperfezzjonijiet kollha tiegħi. Imma rrid infittex mezz biex immur is-Sema minn triq żgħira dritta ħafna, qasira ħafna, triq żgħira ġdida għalkollox”.[23]

 

16. Biex tfissirha, tinqeda bix-xbieha tal-lift: “Il-lift li għandu jerfagħni sas-Sema huma dirgħajk, o Ġesù! Għal dan ma għandix bżonn nikber; bil-maqlub, jeħtieġ li nibqa’ ċkejkna, li niċkien aktar u aktar”.[24] Ċkejkna, ma tafx kif tafda fiha nfisha, imqar jekk żgura għalkollox mill-qawwa kollha mħabba tad-dirgħajn tal-Mulej.

 

17. Din hija t-“triq ħelwa tal-Imħabba”,[25] li Ġesù fetaħ għaċ-ċkejknin u għall-foqra, għal kulħadd. Hija t-triq tal-veru ferħ. Quddiem idea Pelaġjana ta’ qdusija,[26] individwalista u elitarjana, iżjed axxetika milli mistika, li l-enfasi tpoġġiha qabelxejn fuq l-isforz uman, Tereżina tagħfas dejjem fuq il-primat tal-azzjoni ta’ Alla, tal-grazzja tiegħu. Hekk hija tasal biex tgħid: “Dejjem għadni nħoss l-istess fiduċja sfiqa li nsir Qaddisa kbira, għax jien ma noqgħodx fuq il-merti tiegħi, billi ma għandi ebda wieħed, imma nittama f’Dak li hu l-Virtù, il-Qdusija Nfisha. Huwa hu biss li, għax jikkuntenta ruħu bl-isforzi dgħajfa tiegħi, jerfagħni sa għandu u, waqt li jgħattini bil-merti infiniti tiegħu, jagħmilni Qaddisa”.[27]

 

Lil hemm minn kull merti

18. Dan il-mod ta’ ħsieb ma jistonax ħdejn it-tagħlim tradizzjonali Kattoliku dwar kif tikber fina l-grazzja, jiġifieri li, iġġustifikati b’xejn mill-grazzja li tqaddisna, aħna niġu mibdula u nsiru kapaċi nikkoperaw bl-opri tajba tagħna f’mixja ta’ maturazzjoni fil-qdusija. B’dan il-mod niġu merfugħa, biex jista’ jkollna merti tassew skont kemm tikber fina l-grazzja li rċivejna.

 

19. Tereżina madankollu tippreferi tisħaq fuq il-primat tal-azzjoni divina u tistedinna għall-fiduċja sħiħa billi nħarsu lejn l-imħabba ta’ Kristu mogħtija għalina sal-aħħar. Fil-verità, it-tagħlim tagħha hu li, ladarba ma jista’ jkollna ebda ċertezza meta nħarsu lejna nfusna,[28] lanqas nistgħu nkunu ċerti li għandna xi merti tagħna. Għalhekk ma nistgħux nafdaw f’dawn l-isforzi jew f’dak li nwettqu. Il-Katekiżmu ried jikkwota kliem Santa Tereżina meta jgħid lill-Mulej: “Għad nidher quddiemek b’idejja vojta”,[29] biex jesprimi li “l-qaddisin dejjem ħassew sewwa li l-merti tagħhom ma kinux ħlief grazzji biss”.[30] Din il-konvinzjoni tqanqal fina gratitudni hienja u ħelwa.

 

20. Mela, l-aktar atteġġjament xieraq hu li nqiegħdu l-fiduċja ta’ qalbna barra minna nfusna: fil-ħniena bla qies ta’ Alla li jħobb bla limiti u li fis-Salib ta’ Ġesù tana kollox.[31] Għal din ir-raġuni Tereża qatt ma tuża l-espressjoni, frekwenti fi żmienha, “ser insir qaddisa”.

 

21. Madankollu, il-fiduċja bla limiti tagħha tħeġġeġ lil dawk li jħossuhom dgħajfa, limitati, midinba, biex iħallu lill-Mulej jerfagħhom u jibdilhom biex jaslu fl-għoli: “Aħ! Li kieku l-erwieħ dgħajfa u imperfetti kollha kellhom iħossu dak li tħoss l-iżgħar waħda fost l-erwieħ kollha – ir-ruħ taċ-ċkejkna tiegħek Tereża, – lanqas waħda biss ma kienet taqta’ jiesha li tilħaq il-quċċata tal-muntanja tal-imħabba, ladarba Ġesù ma jitlobx għemejjel kbar, iżda biss it-telqa fih u l-gratitudni”.[32]

 

22. Din l-istess insistenza ta’ Tereżina fuq l-inizjattiva divina tagħmel mod li, meta titkellem fuq l-Ewkaristija, ma tpoġġix fuq quddiem ix-xewqa tagħha li tirċievi lil Ġesù fit-Tqarbin imqaddes, imma x-xewqa ta’ Ġesù li jrid jingħaqad magħna u jgħammar fi qlubna.[33] Fl- Offerta lill-Imħabba kollha Ħniena, waqt li tbati għax ma tistax tirċievi t-Tqarbin ta’ kuljum, lil Ġesù tgħidlu: “Ibqa’ fija, bħal f’tabernaklu”.[34] Iċ-ċentru u l-oġġett tal-ħarsa tagħha ma hix hija nfisha bil-bżonnijiet tagħha, imma Kristu li jħobb, li jfittex, li jixtieq, li jgħammar fir-ruħ.

 

L-abbandun ta’ kull ġurnata

23. Il-fiduċja li Tereżina tippromovi ma rridux nifhmuha biss f’riferiment għall-qdusija u s-salvazzjoni tagħha nfisha. Għandha sens integrali, li jħaddan il-ħajja konkreta kollha u japplika għall-ħajja kollha tagħna, fejn ħafna drabi ninħakmu mill-biżgħat, mix-xewqa taċ-ċertezzi umani, mill-bżonn li jkollna kollox taħt kontroll. Huwa hawn li tifaċċa l-istedina għall-“abbandun” imqaddes.

 

24. Il-fiduċja sħiħa, li ssir abbandun fl-Imħabba, teħlisna mill-kalkoli ossessivi, mit-tħassib kontinwu għall-futur, mill-biżgħat li jisirqulna l-paċi. Fl-aħħar jiem tagħha Tereżina kienet tisħaq fuq dan: “Aħna li nimxu fit-triq tal-Imħabba, ma għandniex noqogħdu naħsbu fuq it-tbatijiet li jistgħu jiġu fuqna fil-ġejjieni. Dan ikun nuqqas ta’ fiduċja”.[35] Jekk aħna f’idejn Missier li jħobbna bla limiti, dan huwa minnu tkun xi tkun iċ-ċirkustanza, nistgħu nibqgħu mexjin ’il quddiem jiġri x’jiġri u, b’xi mod jew ieħor, fil-ħajja tagħna jseħħ il-pjan tiegħu ta’ mħabba u ta’ milja.

 

Nar f’nofs ta’ lejl

25. Tereżina kienet tgħix il-fidi l-iżjed qawwija u żgura qalb id-dalma tal-lejl u saħansitra fid-dalma tal-Kalvarju. Ix-xhieda tagħha laħqet il-quċċata tagħha fl-aħħar perjodu ta’ ħajjitha, fil-“prova tiegħi kontra l-fidi”,[36] li bdiet fl-Għid tal-1896. Fir-rakkont tagħha,[37] hi tara din il-prova f’relazzjoni diretta mar-realtà kerha tal-ateiżmu ta’ żmienha. Fil-fatt hija għexet fi tmiem is-seklu 19, jiġifieri fiż-“żmien tad-deheb” tal-ateiżmu modern, bħala sistema filosofika u ideoloġika. Meta kitbet li Ġesù kien ippermetta li r-ruħ tagħha tkun “maħkuma minn dlamijiet l-aktar sfiqa”,[38] kienet qed tifhem id-dalma tal-ateiżmu u ċ-ċaħda tal-fidi Nisranija. F’għaqda ma’ Ġesù, li ħa fuqu d-dalma kollha tad-dnub tad-dinja meta aċċetta li jixrob il-kalċi tal-Passjoni, Tereżina f’dik id-dalma kollha lemħet id-disperazzjoni, il-vojt tax-xejn.[39]

 

26. Imma d-dlam ma jistax jitfi lid-dawl: hi kienet mirbuħa minn Dak li ġie fid-dinja biex ikun dawl (ara Ġw 12:46).[40] Ir-rakkont ta’ Tereżina jikxef il-karattru erojku tal-fidi tagħha, ir-rebħa tagħha fit-taqbida spiritwali, quddiem it-tentazzjonijiet l-iżjed qawwija. Mal-atej ħassitha oħthom, u bilqiegħda, bħal Ġesù, mal-mejda tal-midinbin (ara Mt 9:10-13). Tidħol għalihom, waqt li ġġedded kontinwament l-att tal-fidi tagħha, dejjem f’komunjoni kollha mħabba mal-Mulej: “Immur niġri għal għand Ġesù tiegħi u ngħidlu li jiena lesta nxerred sal-aħħar qatra ta’ demmi biex nistqarr li hemm Sema. Ngħidlu li jiena kuntenta li fuq l-art ma ngawdix dan is-Sema sabiħ ħalli huwa jiftħu għall-eternità lill-imsejkna li ma jemmnux”.[41]

 

27. Flimkien mal-fidi, Tereża tgħix b’mod intens fiduċja bla limiti fil-ħniena bla tarf ta’ Alla: “Il-fiduċja li għandha twassalna sal-Imħabba”.[42] Tgħix, imqar fid-dalma, il-fiduċja sħiħa ta’ tfajjel li jintelaq bla biża’ f’dirgħajn il-missier u l-omm. Fil-fatt, għal Tereżina Alla jilma qabelxejn fil-ħniena tiegħu, il-muftieħ biex nifhmu kull ħaġa oħra li tingħad dwaru: “Lili tani l-Ħniena infinita tiegħu, u huwa permezz tagħha li nikkontempla u nadura l-perfezzjonijiet divini l-oħra! U b’hekk ilkoll kemm huma jidhru quddiemi jiddu bl-imħabba; l-istess Ġustizzja (u forsi din iktar mill-oħrajn kollha) tidhirli mlibbsa bl-imħabba”.[43] Din hi waħda mill-aktar kixfiet importanti ta’ Tereżina, wieħed mill-ikbar kontributi li offriet lill-Poplu kollu ta’ Alla. B’mod straordinarju hi merħet fil-qiegħ nett tal-ħniena divina u minn hemm ġabet id-dawl tat-tama bla tarf li kellha.

 

Tama tabilħaqq soda

28. Qabel daħlet fil-Karmelu, Tereżina kienet għexet esperjenza ta’ qrubija spiritwali unika lejn persuna fost l-iktar żventurati, il-kriminal Henri Pranzini, ikkundannat għall-mewt fuq tliet omiċidji u li ma kienx wera ndiema.[44] Offriet il-quddiesa għalih u talbet b’fiduċja sħiħa għas-salvazzjoni tiegħu, għax kienet żgura li qed tpoġġih f’kuntatt mad-Demm ta’ Ġesù u lil Alla qaltlu li kienet mija fil-mija ċerta li fl-aħħar mument Hu kien se jaħfirlu u li hi kienet se temmen dan “ukoll jekk ma jkunx qerr u ma jkun ta ebda ħjiel ta’ ndiema”. Tagħti r-raġuni taċ-ċertezza tagħha: “Daqskemm kelli fiduċja fil-ħniena infinita ta’ Ġesù”.[45] X’emozzjoni, imbagħad, meta skopriet li Pranzini, xħin tela’ fuq il-patibolu, “f’daqqa waħda, maħkum minn ispirazzjoni għall-għarrieda, dar, ħataf il-Kurċifiss li kien ippreżentalu quddiemu s-saċerdot, u bies għal tliet darbiet il-pjagi qaddisa tiegħu!”.[46] Din l-esperjenza hekk intensa li tittama kontra kull tama għaliha kienet fundamentali: “Aħ! Wara din il-grazzja waħdanija, ix-xewqa tiegħi li nsalva l-erwieħ kibret kuljum!”.[47]

 

29. Tereża kienet konxja minn kemm hu traġiku d-dnub, imqar jekk narawha dejjem mgħaddsa fil-misteru ta’ Kristu, biċ-ċertezza li “hemm fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja” (Rum 5:20). Id-dnub tad-dinja hu immens, imma mhux infinit. Imma l-imħabba ħanina tal-Feddej, din iva, hi infinita. Tereżina hija xhud tar-rebħa defenittiva ta’ Ġesù fuq il-qawwiet kollha tal-ħażen permezz tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Imqanqla mill-fiduċja, issograt tistqarr: “Ġesù, agħmel li nsalva bosta erwieħ, li llum lanqas ruħ waħda ma tintilef […] Ġesù, aħfirli jekk qiegħda ngħid ħwejjeġ li ma għandhomx jingħadu; jien ma rridx ħlief li nferrħek u nfarrġek”.[48] U hekk nistgħu ngħaddu għal aspett ieħor ta’ dik l-arja friska li hu l-messaġġ ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes.

 

3. Inkun l-imħabba

30. “Ikbar” mill-fidi u t-tama, l-imħabba ma tintemm qatt (ara 1 Kor 13:8-13). Hija l-ikbar don tal-Ispirtu s-Santu u hi “omm u għerq ta’ kull virtù”.[49]

 

Il-karità bħala atteġġjament personali ta’ mħabba

31. L-iStorja ta’ ruħ hija xhieda ta’ karità, li fiha Tereżina toffrilna kummentarju dwar il-kmandament ġdid ta’ Ġesù: “Li tħobbu lil xulxin, kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15:12).[50] Ġesù hu għatxan għal din it-tweġiba għal imħabbtu. Fil-fatt, “ma qagħadx jibża’ jittallab ftit ilma lis-Samaritana. Kien bil-għatx… Imma meta qal: ‘Agħtini nixrob’, kienet l-imħabba tal-ħlejqa msejkna tiegħu li kien qiegħed jitlob il-Ħallieq tal-univers. Kellu l-għatx tal-imħabba!”.[51] Tereżina tixtieq li tikkorrispondi mal-imħabba ta’ Ġesù, tpattilu għall-imħabba bl-imħabba.[52]

 

32. Is-simboloġija tal-imħabba sponsali tesprimi r-reċiproċità tad-don personali bejn l-għarus u l-għarusa. Hekk, imnebbħa mill-Għanja tal-Għanjiet (2:16), hija tikteb: “Jien nemmen li l-Qalb tal-Għarus tiegħi hija tiegħi biss, bħalma tiegħi hija tiegħu biss; għalhekk, jien inkellmu fis-solitudni ta’ din il-qalb ma’ qalb kollha għaxqa, waqt li noqgħod nistenna li ’l quddiem nikkontemplah wiċċ imb wiċċ!”.[53] Imqar jekk il-Mulej iħobbna bħala Poplu, fl-istess waqt l-imħabba taġixxi b’mod personali ħafna, “minn qalb għal qalb”.


33. Tereżina kellha ċ-ċertezza ħajja li Ġesù ħabbha u għarafha personalment fil-Passjoni tiegħu: “Ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2:20). Waqt li tikkontempla lil Ġesù fl-agunija tiegħu, hi tgħidlu: “Lili rajt… dejjem ftakart”.
[54] Fl-istess waqt lil Ġesù Bambin f’dirgħajn Ommu tgħidlu: “B’idek ċkejkna li b’Marija kienet iżżiegħel, kont id-dinja żżomm u l-ħajja tagħtiha. U fija wkoll ħsibt”.[55] Hekk, anzi fil-bidu tal-iStorja ta’ ruħ, hi tikkontempla l-imħabba ta’ Ġesù għal kulħadd u għal kull wieħed u waħda bħallikieku dan kien uniku jew unika fid-dinja.[56]

 

34. L-att ta’ mħabba “Ġesù, jiena nħobbok”, li Tereża għexitu kontinwament bħallikieku kien in-nifs tagħha, hu l-muftieħ tagħha ta’ kif taqra l-Vanġelu. B’din l-imħabba hija togħdos fil-misteri kollha tal-ħajja ta’ Kristu, li ssir kontempranja tagħhom, tgħix il-Vanġelu flimkien ma’ Marija u Ġużeppi, Marija ta’ Magdala u l-Appostli. Flimkien magħhom tinfed sa fil-qiegħ tal-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù. Ħa naraw eżempju: “Meta nara lill-Maddalena riesqa lejn l-Imgħallem meqjum quddiem il-mistednin kollha, u tħasillu riġlejh bid-dmugħ tagħha, waqt li tmissu għall-ewwel darba, inħoss li qalbha fehmet il-kobor għammieq tal-imħabba u l-ħniena tal-Qalb ta’ Ġesù, u, għalkemm il-midinba li kienet, il-Qalb kollha mħabba mhux biss kienet imħejjija li taħfrilha, iżda wkoll li titfa’ fuqha b’id miftuħa l-barkiet tal-intimità divina u terfagħha sal-ogħla qċaċet tal-kontemplazzjoni”.[57]

 

L-ikbar imħabba fl-ikbar sempliċità

35. Fi tmiem l-iStorja ta’ ruħ, Tereżina tirregalalna l-Offerta tiegħi nnifsi bħala Vittma ta’ Sagrifiċċju lill-Imħabba kollha Ħniena tal-ħanin Alla.[58] Meta hija ngħatat kollha kemm hi għall-azzjoni tal-Ispirtu, hija rċiviet, bla storbju u bla sinjali li jiġbdu l-għajn, il-kotra tal-ilma ħaj: “Ix-xmajjar, jew aħjar l-oċeani ta’ grazzji li ġew ifawru lil ruħi”.[59] Hija l-ħajja mistika li, imqar jekk nieqsa minn fenomeni straordinarji, hi proposta għal kull fidil bħala esperjenza ta’ kuljum ta’ mħabba.

 

36. Tereżina tgħix l-imħabba fiċ-ċkunija, fil-ħwejjeġ l-aktar sempliċi tal-ħajja ta’ kuljum, u dan tagħmlu fil-kumpanija tal-Verġni Marija, u titgħallem minnha illi “li tħobb huwa li kollox tagħti, sa lilek innifsek”.[60] Fil-fatt, waqt li l-predikaturi ta’ żmienha kienu spiss jitkellmu fuq il-kobor ta’ Marija b’mod trijonfalistiku, bħala mbiegħda minna, Terżina turina, ibda mill-Vanġelu, li Marija hija l-ikbar waħda fis-Saltna tas-Smewwiet għax hija l-iċken (ara Mt 18:4), l-aktar waħda qrib ta’ Ġesù fl-umiljazzjoni tiegħu. Hija tara li, jekk ir-rakkonti apokrifi huma mimlija b’episodji li jagħtu fl-għajn u tal-għaġeb, il-Vanġeli juruna ħajja umli u fqira, mgħoddija fis-sempliċità tal-fidi. Ġesù nnifsu jrid li Marija tkun l-eżempju tar-ruħ li tfittxu b’fidi mneżżgħa.[61] Marija kienet l-ewwel waħda li għexet it-“triq iċ-ċkejkna” b’fidi u umiltà pura; hekk li Tereża ma żżommx lura milli tikteb:

 

“Jien naf li f’Nazaret, o Omm mimlija grazzja,

int tgħix f’faqar kbir, u xejn aktar ma trid;

ebda rapiment jew miraklu, ebda estasi ma trid

li ħajtek isebbaħ, o Sultana tal-Magħżulin.

Il-għadd taċ-ċkejknin fuq l-art huwa tassew kbir

u lejk, bla ma jitriegħdu, għajnejhom jistgħu jerfgħu;

f’din it-triq ordinarja, o Omm li ma hemmx oħra bħalek,

int jogħġbok timxi biex lilhom lejn is-Smewwiet tmexxi”.[62]

 

37. Tereżina offritilna wkoll rakkonti li jixhdu għal xi mumenti ta’ grazzja li hi għexet qalb is-sempliċità ta’ kuljum, bħall-ispirazzjoni tagħha ħabta u sabta hija u ssieħeb soru marida b’temperament diffiċli. Imma dejjem huma esperjenzi ta’ mħabba iżjed intensa li hi għexet fis-sitwazzjonijiet l-aktar ordinarji: “F’lejla xitwija, kont qiegħda naqdi bħas-soltu dan l-uffiċċju ċkejken tiegħi; kien il-bard, kien billejl… f’daqqa waħda smajt fil-bogħod il-ħoss armonjuż ta’ strument tal-mużika. Dak il-ħin ġibt quddiem għajnejja kamra tas-salott imdawla ħafna, kollha tlellex b’induraturi, bi tfajliet lebsin b’mod eleganti illi kienu qegħdin jgħaddu l-kumplimenti lil xulxin u l-kortesiji tad-dinja. Imbagħad ħarsti marret fuq l-imsejkna marida li kont qiegħda nwieżen; minflok melodija, minn ħin għal ieħor bdejt nisma’ t-tnehid imkarrab tagħha, minflok l-induraturi, bdejt nara l-brikks tal-kjostru aħrax tagħna, bilkemm mixgħul b’dawl inemnem. Ma nistax infisser x’għadda ġewwa ruħi: dak li naf hu li l-Mulej dawwalha bir-raġġi tal-verità li tant kienu jisbqu d-dija mdallma tal-festi ta’ din l-art illi ma stajtx nemmen ix-xorti tajba tiegħi… Aħ! Biex ingawdi elf sena ta’ festi tad-dinja, żgur li ma kontx sejra nagħti l-għaxar minuti mgħoddija fit-twettiq tal-uffiċċju umli tiegħi ta’ mħabba”.[63]

 

Fil-qalb tal-Knisja

38. Tereżina wirtet mingħand Santa Tereża ta’ Avila mħabba kbira għall-Knisja u setgħet tasal fil-qiegħ nett ta’ dan il-misteru. Dan narawh fil-kixfa tagħha tal-“qalb tal-Knisja”. F’talba twila lil Ġesù,[64] miktuba fit-8 ta’ Settembru 1896, is-sitt anniversarju mill-professjoni reliġjuża tagħha, il-Qaddisa tiftaħ qalbha mal-Mulej li kellha xewqa kbira ħafna, passjoni għall-Vanġelu li ebda vokazzjoni waħidha ma setgħet tissodisfa. U hekk, hija u tfittex il-“post” tagħha fil-Knisja, kienet qrat mill-ġdid il-kapitli 12 u 13 tal-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin.

 

39. Fil-kapitlu 12 l-Appostlu jinqeda bil-metafora tal-ġisem u tal-membri tiegħu biex ifisser li l-Knisja tħaddan fiha firxa kbira ta’ kariżmi magħmula skont ordni ġerarkiku. Imma din id-deskrizzjoni mhijiex biżżejjed għal Tereżina. Hi tkompli tfittex u tqalleb, taqra l-“innu lill-imħabba” tal-kapitlu 13, u hemm issib it-tweġiba l-kbira u tikteb din il-paġna memorabbli: “Jien u nqis il-ġisem mistiku tal-Knisja, ma għaraft lili nnifsi f’ebda wieħed mill-membri mfissrin minn San Pawl, jew aħjar ridt nagħraf lili nnifsi fihom kollha… L-Imħabba tatni ċ-ċavetta tal-vokazzjoni tiegħi. Fhimt li, jekk il-Knisja kellha ġisem magħmul minn membri differenti, l-aktar wieħed meħtieġ, l-iktar nobbli minnhom kollha ma kienx jonqosha; fhimt li l-Knisja kellha Qalb, u li din il-Qalb kienet taħraq bl-Imħabba. Fhimt li l-Imħabba biss kienet tħaddem il-membri tal-Knisja, li jekk l-Imħabba kellha tasal li tintefa, l-Appostli ma kinux iħabbru iżjed l-Evanġelju, il-Martri kienu jirrifjutaw li jxerrdu demmhom… Fhimt li l-Imħabba kienet tiġbor fiha l-vokazzjonijiet kollha, li l-Imħabba kienet kollox, li kienet tħaddan iż-żminijiet kollha u l-imkejjen kollha… f’kelma waħda, li hija Eterna!… Imbagħad, fit-telfa tal-ferħ tiegħi ta’ ġenn, għajjatt: O Ġesù, Imħabba tiegħi… il-vokazzjoni tiegħi sa fl-aħħar sibtha, il-vokazzjoni tiegħi hi l-Imħabba!… Iva, sibt posti fil-Knisja, u dan il-post, o Alla tiegħi, huwa int li kont tajthuli… Fil-Qalb tal-Knisja, Ommi, jiena nkun l-Imħabba… B’hekk inkun kollox… u b’hekk isseħħ il-ħolma tiegħi!!!”.[65]

 

40. Mhijiex il-qalb ta’ Knisja trijonfalistika, hija l-qalb ta’ Knisja li tħobb, umli u ħanina. Tereżina qatt ma tfittex li tkun fuq l-oħrajn, imma fl-aħħar post mal-Iben ta’ Alla, li għalina sar qaddej u xxejjen, obda sal-mewt tas-salib (ara Fil 2:7-8).

 

41. Din il-kixfa tal-qalb tal-Knisja hija dawl kbir għalina llum ukoll, biex ma niskandalizzawx ruħna minħabba l-limitazzjonijiet u d-dgħufijiet tal-istituzzjoni ekkleżjastika, immarkata minn dalma u dnubiet, imma nidħlu fil-qalb imħeġġa tal-imħabba tagħha, li tkebbset nhar Għid il-Ħamsin grazzi għad-don tal-Ispirtu s-Santu. Hija l-qalb li n-nar tagħha jiġġedded mill-ġdid b’kull att ta’ mħabba tagħna. “Jiena nkun l-imħabba”: din hija l-għażla radikali ta’ Tereżina, is-sintesi defenittiva tagħha, l-identità spiritwali u l-aktar personali tagħha.

 

Xita ta’ ward

42. Wara ħafna sekli li fihom ġemgħat ta’ qaddisin esprimew b’tant ħerqa u ġmiel ix-xewqat tagħhom li “jmorru l-Ġenna”, Santa Tereżina tagħraf b’sinċerità kbira: “F’dak iż-żmien kont għaddejja minn tiġrib kbir interjuri ta’ kull xorta (sa wasalt biex xi drabi staqsejt lili nnifsi jekk kienx hemm Sema)”.[66] Band’oħra tgħid: “Meta ngħanni l-hena tas-Sema, il-possessjoni eterna ta’ Alla, ma nħoss fija ebda ferħ, għax ngħanni sempliċiment dak li rrid nemmen”.[67] X’ġara? Hi kienet qed tagħti widen għas-sejħa ta’ Alla biex tkebbes in-nar fil-qalb tal-Knisja iktar milli qatt setgħet toħlom il-ferħ tagħha nfisha.

 

43. Il-bidla li seħħet fiha tatha li tgħaddi minn xewqa mħeġġa għall-Ġenna għal xewqa kontinwa u ħerqana għall-ġid ta’ kulħadd, li laħqet il-quċċata tagħha fil-ħolma li tkompli fil-Ġenna l-missjoni tagħha li tħobb lil Ġesù u tagħmel li jkun maħbub. F’dan is-sens, f’waħda mill-aħħar ittri tagħha kitbet: “Jien noqgħod ħafna fuq li fis-Sema ma nibqax ma nagħmel xejn. Ix-xewqa tiegħi hija li nibqa’ naħdem għall-Knisja u għall-erwieħ”.[68] U f’dawk l-istess jiem, b’mod iżjed dirett, qalet: “Is-Sema tiegħi jkunli kollu fuq l-art sal-aħħar taż-żmien. Iva, irrid ngħaddi s-Sema tiegħi nagħmel il-ġid fuq l-art”.[69]

 

44. Hekk Tereżina esprimiet it-tweġiba tagħha iżjed konvinta għad-don uniku li l-Mulej kien qed jagħmlilha, għad-dawl tal-għaġeb li Alla kien qed isawwab fuqha. B’dan il-mod waslet għall-aħħar sintesi personali tal-Vanġelu, li kienet titlaq mill-fiduċja sħiħa biex waslet fil-quċċata tagħha fl-għotja totali għall-oħrajn. Hi ma kellhiex dubju mill-frott kotran li setgħet tħalli din l-għotja: “Naħseb fil-ġid kollu li nixtieq nagħmel wara mewti”.[70] “Alla ma kienx se jagħtini x-xewqa li nagħmel il-ġid fuq l-art wara mewti, li kieku ma riedx li dan iseħħ tassew”.[71] “Tkun bħal xita ta’ ward”.[72]

 

45. U hawn jingħalaq iċ-ċirku. “C’est la confiance”. Hija l-fiduċja li twassalna għall-Imħabba u hekk teħlisna mill-biża’, hija l-fiduċja li tgħinna nneħħu l-ħarsa minn fuqna nfusna, hija l-fiduċja li tgħinna nerħu f’idejn Alla dak li hu biss jista’ jagħmel. Dan iħallina bi xmara immensa ta’ mħabba u ta’ enerġija disponibbli għalina biex infittxu l-ġid ta’ ħutna. U hekk, qalb it-tbatija tal-aħħar jiem tagħha, Tereża setgħet tgħid: “Noqgħod biss fuq l-imħabba”.[73] Fl-aħħar mill-aħħar, dak li jiswa hu biss l-imħabba. Il-fiduċja twarrad il-ward u tqassmu jfawwar kotran mill-imħabba divina. Ejjew nitolbuha bħala don mogħti b’xejn, bħala rigal prezzjuż tal-grazzja, biex jinfetħu f’ħajjitna t-toroq tal-Vanġelu.

 

4. Fil-qalb tal-Vanġelu

46. Fl-Evangelii gaudium sħaqt fuq l-istedina biex nerġgħu lura għall-freskezza tal-għajn, biex nagħfsu fuq dak li hu essenzjali u indispensabbli. Inħoss li hu opportun nerġa’ naqbad id-diskors u nipproponi mill-ġdid dik l-istedina.

 

Id-Duttur tas-sintesi

47. Din l-Eżortazzjoni dwar Santa Tereżina terġa’ tfakkarni li fi Knisja missjunarja “t-tħabbira tikkonċentra fuq dak li hu essenzjali, fuq dak li hu l-isbaħ, l-ikbar, l-iktar attraenti u fl-istess ħin l-iktar meħtieġ. Il-proposta ssir b’mod sempliċi, bla ma titlef xejn mill-profondità u l-verità tagħha, u hekk issir iżjed konvinċenti u qawwija”.[74] Il-qalba kollha dawl hi “l-ġmiel tal-imħabba feddejja ta’ Alla li dehret f’Ġesù Kristu li miet u rxoxta”.[75]

 

48. Mhux kollox hu ċentrali bl-istess mod, għax hemm ordni jew ġerarkija bejn il-veritajiet tal-Knisja, u “dan jgħodd kemm għad-dommi tal-fidi u kemm għall-ġabra tat-tagħlim tal-Knisja, fost l-oħrajn it-tagħlim morali tagħha”.[76] Il-qalba tal-morali Nisranija hija l-karità, li hi t-tweġiba għall-imħabba bla kundizzjonijiet tat-Trinità, fejn allura “l-għemejjel ta’ mħabba mal-proxxmu huma wirja esterna l-iżjed perfetta tal-grazzja ġewwenija tal-Ispirtu”.[77] Fl-aħħar mill-aħħar dak li jiswa hu biss l-imħabba.

 

49. Preċiżament, il-kontribut speċifiku li Tereżina tirregalalna bħala Qaddisa u bħala Duttur tal-Knisja mhuwiex analitiku, kif jista’ jkun, ngħidu aħna, dak ta’ San Tumas ta’ Aquino. Il-kontribut tagħha hu pjuttost sintetiku, għax il-ġenju tagħha qiegħed f’li twassalna għall-qalba, għal dak li hu essenzjali, għal dak li hu indispensabbli. Bil-kliem tagħha u bil-mixja personali tagħha hi turina li, imqar jekk it-tagħlim u n-normi kollha tal-Knisja għandhom l-importanza tagħhom, il-valur tagħhom, id-dawl tagħhom, xi wħud huma iżjed urġenti u jibnu iżjed il-ħajja Nisranija. Huwa hawn li Tereża sammret ħarsitha u qalbha.

 

50. Bħala teologi, moralisti, studjużi ta’ spiritwalità, bħala ragħajja u bħala nies ta’ fidi, kull wieħed u waħda fl-ambjent tiegħu, għad għandna bżonn li nifhmu din l-intuwizzjoni ġenjali ta’ Tereżina u li minnha nisiltu l-konsegwenzi teoriċi u prattiċi, duttrinali u pastorali, personali u komunitarji. Hemm bżonn ta’ kuraġġ u libertà interjuri biex nistgħu nagħmlu dan.

 

51. Xi drabi minn din il-Qaddisa jikkwotaw biss espressjonijiet li huma sekondarji, jew jissemmew temi li hi jista’ jkollha komuni ma’ kull qaddis ieħor: it-talb, is-sagrifiċċju, id-devozzjoni Ewkaristika, u tant xhieda oħra sabiħa, imma b’dan il-mod jaf inkunu niċċaħħdu minn dak li hu l-iżjed speċifiku fid-don li hi għamlet lill-Knisja, għax ninsew li “kull qaddis jew qaddisa hu missjoni; hu pjan tal-Missier biex jirrifletti u jlaħħam, f’mument determinat tal-istorja, xi aspett tal-Evanġelju”.[78] Għaldaqstant, “biex nagħrfu liema hi dik il-kelma li l-Mulej irid ilisslilna permezz ta’ xi qaddis, ma rridux neħlu fuq id-dettalji […]. Li rridu nikkontemplaw hi l-ġabra ta’ ħajtu, il-mixja sħiħa tiegħu ta’ tqaddis, dik il-figura li tirrifletti xi ħaġa minn Ġesù Kristu u li toħroġ meta jirnexxilna nieħdu idea tas-sens tat-totalità tal-persuna tiegħu”.[79] Dan jgħodd iżjed u iżjed għal Santa Tereżina, ladarba hi d-“Duttur tas-sintesi”.

 

52. Mis-sema għal fuq l-art, l-attwalità ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u tal-Wiċċ Imqaddes tibqa’ fil-“kobor ċkejken” kollu tagħha.

 

Fi żmien li jridna ningħalqu fl-interessi tagħna, Tereżina turina l-ġmiel li minn ħajjitna nagħmlu don.

 

Fi żmien fejn qed jispikkaw il-ħtiġijiet l-aktar superfiċjali, hija xhud tar-radikalità evanġelika.

 

Fi żmien ta’ individwaliżmu, hi tridna niskopru l-valur tal-imħabba li ssir interċessjoni.

 

Fi żmien meta l-bniedem hu ossessjonat bil-kobor u bix-xejriet ġodda ta’ poter, hi turina t-triq taċ-ċkunija.

 

Fi żmien li fih qed jintremew tant essri umani, hi tgħallimna l-ġmiel tal-għożża, li wieħed jerfa’ fuq spallejh lill-ieħor.

 

Fi żmien ta’ kumplessità, hi tista’ tgħinna niskopru mill-ġdid is-sempliċità, il-primat assolut tal-imħabba, tal-fiduċja u tal-abbandun, waqt li negħlbu kull loġika legalistika u moralistika li timla l-ħajja Nisranija b’obbligi u preċetti u tkessaħ il-ferħ tal-Vanġelu.

 

Fi żmien ta’ ċediment u għeluq, Tereżina tistedinna għall-ħruġ missjunarju, mirbuħa mill-attrazzjoni lejn Ġesù Kristu u l-Vanġelu.

 

53. Seklu u nofs wara twelidha, Tereżina hi ħajja daqs qatt qabel fil-Knisja pellegrina, fil-qalb tal-Poplu ta’ Alla. Hi timxi magħna, tagħmel il-ġid fuq l-art, kif tant xtaqet. L-isbaħ sinjal tal-ħajja spiritwali tagħha hu l-għadd bla tarf ta’ “ward” li tgħaddi xxerred, jiġifieri l-grazzji li Alla jagħtina għall-interċessjoni tagħha mimlija mħabba, biex iweżnuna fit-triq ta’ ħajjitna.

 

Għażiża Santa Tereżina,

il-Knisja għandha bżonn li tħalli jilmaw

il-lewn, il-fwieħa, il-ferħ tal-Vanġelu.

Ixħtilna l-ward tiegħek!

Għinna nafdaw dejjem,

kif għamilt int,

fl-imħabba kbira li Alla għandu għalina,

biex nistgħu nixbhu ta’ kuljum

it-triq ċkejkna tiegħek tal-qdusija.

Amen.

 

Mogħtija Ruma, f’San Ġwann Lateran, fil-15 ta’ Ottubru, Tifkira ta’ Santa Tereża ta’ Avila, fis-sena 2023, il-ħdax-il waħda tal-Pontifikat tiegħi.

 

FRANĠISKU

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 


 

[1] Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, Storja ta’ ruħ, maqluba għall-Malti minn Patri Manwel Schembri ocd, IT 197, Ittra ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù bi tweġiba lil Swor Marija tal-Qalb Imqaddsa (17 ta’ Settembru 1896), Malta 2012, 227.

It-taqsiriet u sigli utilizzati huma kif ġej: Ms A: Manuskritt “A”; Ms B: Manuskritt “B”; Ms Ċ: Manuskritt “Ċ”; IT: Ittri; P: Poeżiji; T: Talb; RP: Rikreazzjonijiet Pjetużi; PS: Pitazz safrani ta’ Madre Anjeże; LAK: L-Aħħar Kelmiet.

Għall-verżjoni Maltija tal-kitbiet tal-Qaddisa dejjem nirriferu prinċipalment għal din l-edizzjoni fil-każ ta’ Manuskritti “A”, “B” u “Ċ”, Ittri u Rikreazzjonijiet Pjetużi; kif ukoll għal dawn l-oħrajn maħruġa mill-Pubblikazzjonijiet Karmelitani Tereżjani u maqluba għall-Malti minn Patri Anġeliku M. Busuttil ocd: Ittri magħżula, Malta 1997, fil-każ tal-Ittri; Kitbiet poetiċi u talbiet, Malta 1998, fil-każ tal-Poeżiji u t-Talb; u L-Aħħar Ħsibijiet, Malta 1994, fil-każ tal-Pitazz safrani ta’ Madre Anjeże u tal-Aħħar Kelmiet.

[2] PR 6, Offerta tiegħi nnifsi bħala Vittma ta’ Sagrifiċċju lill-Imħabba kollha Ħniena tal-ħanin Alla (9 ta’ Ġunju 1895): 223.

[3] Għas-sentejn 2022-2023, l-UNESCO daħħlet lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù fost il-personalitajiet li għandhom jiġu ċċelebrati, fl-okkażjoni tal-150 anniversarju minn twelidha.

[4] 29 ta’ April 1923.

[5] Ara Digriet tal-Virtujiet, 14 ta’ Awwissu 1921: AAS 13 (1921), 449-452.

[6] Omelija għall-kanonizzazzjoni (17 ta’ Mejju 1925): AAS 17 (1925), 211. It-test Taljan jinsab f’Discorsi di Pio XI, a cura di D. Bertetto, vol. I, Torino 1959, 383-384.

[7] Ara AAS 20 (1928), 147-148.

[8] Ara AAS 36 (1944), 329-330.

[9] Ara Ittra lil Mons. François-Marie Picaud, Isqof ta’ Bayeux u Lisieux (7 ta’ Awwissu 1947). It-test Franċiż jinsab f’Analecta OCD 19 (1947), 168-171. It-test Taljan fit-traduzzjoni ta’ Rivista di Vita Spirituale 1 (1947), 444-448. Radjumessaġġ għall-konsagrazzjoni tal-Bażilika ta’ Lisieux (11 ta’ Lulju 1954): AAS 46 (1954), 404-407.

[10] Ara Ittra lil Mons. Jean-Marie-Clément Badré, Isqof ta’ Bayeux u Lisieux, fl-okkażjoni taċ-ċentinarju mit-twelid ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù (2 ta’ Jannar 1973): AAS 65 (1973), 12-15.

[11] Ara AAS 90 (1998), 409-413, 930-944.

[12] Ittra appostolika Novo millennio ineunte, 42: AAS 93 (2001), 296.

[13] Katekeżi (6 ta’ April 2011): L’Osservatore Romano (7 ta’ April 2011), 8.

[14] Katekeżi (7 ta’ Ġunju 2023): L’Osservatore Romano (7 ta’ Ġunju 2023), 2-3.

[15] IT 220, Lir-Reverendu M. Bellière (24 ta’ Frar 1897): 384.

[16] Ms A, 69vº: 123.

[17] Ara Ms Ċ, 33vº-37rº: 213-218.

[18] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 14; 264: AAS 105 (2013), 1025-1026.

[19] Ms Ċ, 34rº: 214.

[20] Ibid., 36rº: 217.

[21] PS, 9 ta’ Ġunju 1897, 3: 49.

[22] Ara Ms Ċ, 2vº-3rº: 171-172.

[23] Ibid., 2vº: 171.

[24] Ibid., 3rº: 171.

[25] Ara Ms A, 84vº: 147.

[26] Ara Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate (19 ta’ Marzu 2018), 47-62: AAS 110 (2018), 1124-1129.

[27] Ms A, 32rº: 58.

[28] Dan fissru l-Konċilju ta’ Trento: “Hekk kull wieħed meta jqis lilu nnifsu, id-dgħufija tiegħu u d-dispożizzjonijiet ħżiena tiegħu, għandu raġuni għaliex jibża’ għall-grazzja tiegħu” (Digriet fuq il-ġustifikazzjoni, IX: DS, 1534). Jerġa’ jaqbad id-diskors il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika meta jgħallem li impossibbli jkollna ċertezza meta nħarsu lejna nfusna u lejn l-għemejjel tagħna (ara n. 2005). Iċ-ċertezza tal-fiduċja ma nsibuhiex fina nfusna, il-jien tagħna ma joffrix bażi għal din iċ-ċertezza, li ma tistax tinbena fuq l-introspezzjoni. B’xi mod dan esprimieh San Pawl: “Anqas jiena stess ma niġġudika lili nnifsi. Tassew li jiena stess ma nħoss xejn fuq il-kuxjenza tiegħi; iżda mhux b’daqshekk jien iġġustifikat; hu l-Mulej li jiġġudikani” (1 Kor 4:3-4). San Tumas ta’ Aquino dan fissru hekk: ladarba l-grazzja “ma tfejjaqx għalkollox lill-bniedem” (Summa Theologiæ, I-II, q. 109, art. 9, ad 1), “jibqa’ ċertu dell ta’ injoranza fl-intellett” (ibid., co).

[29] T 6: 223.

[30] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2011.

[31] Dan jistqarru wkoll b’mod ċar il-Konċilju ta’ Trento: “Ebda bniedem twajjeb ma jista’ jiddubita mill-ħniena ta’ Alla” (Digriet fuq il-ġustifikazzjoni, IX: DS 1534). “Kulħadd għandu jitrejjaq u jqiegħed il-fiduċja l-aktar sħiħa tiegħu fl-għajnuna ta’ Alla” (Ibid., XIII: DS 1541).

[32] Ms B, 1vº: 154.

[33] Ara Ms A, 48vº: 86-89; IT 92, Lil Marija Guérin (30 ta’ Mejju 1889): 142-145.

[34] T 6: 223.

[35] PS, 23 ta’ Lulju 1897, 3: 96

[36] Ms Ċ, 31rº: 206, 211.

[37] Ara ibid., 5rº-7vº: 173-177.

[38] Ibid., 5vº: 174.

[39] Ara ibid., 6vº: 175.

[40] Ara Ittra enċiklika Lumen fidei (29 ta’ Ġunju 2013), 17: AAS 105 (2013), 564-565.

[41] Ms Ċ, 7rº: 176.

[42] IT 197, Lil Swor Marija tal-Qalb Imqaddsa (17 ta’ Settembru 1896): 227.

[43] Ms A, 83vº: 146.

[44] Ara ibid., 45vº-46vº: 81-85.

[45] Ibid., 46rº: 84.

[46] Ibid.

[47] Ibid.

[48] T 2: 221.

[49] Summa Theologiæ, I-II, q. 62, art. 4.

[50] Ara Ms Ċ, 11vº-31rº: 180-211.

[51] Ms B, 1vº: 154.

[52] Ara ibid., 4rº: 161.

[53] IT 122, Lil Céline (14 ta’ Ottubru 1890): 194.

[54] P 24, 21: 95.

[55] Ibid., 6: 90.

[56] Ara Ms A, 3rº: 14-16.

[57] IT 247, Lir-Reverendu M. Bellière (21 ta’ Ġunju 1897): 408.

[58] Ara T 6: 222-224.

[59] Ms A, 84r: 147.

[60] P 54, 22: 177.

[61] Ara ibid., 15: 175.

[62] Ibid., 17: 176.

[63] Ms Ċ, 29vº-30rº: 205.

[64] Ara Ms B, 2r°-5v°: 156-165.

[65] Ibid., 3vº: 159-160.

[66] Ms A, 80vº: 140. Dan ma kienx nuqqas ta’ fidi. San Tumas jgħallem li fil-fidi jaħdmu r-rieda u l-intelliġenza. It-twaħħid tar-rieda jista’ jkun sod ħafna u b’għeruqu mniżżla sew, waqt li l-intelliġenza tista’ tkun imċajpra. Ara De Veritate 14, 1.

[67] Ms Ċ, 7vº: 176.

[68] IT 254, Lil Patri A. Roulland (14 ta’ Lulju 1897): 416.

[69] PS, 17 ta’ Lulju 1897: 91.

[70] Ibid., 13 ta’ Lulju 1897, 17: 83.

[71] Ibid., 18 ta’ Lulju 1897, 1: 91.

[72] LAK, 9 ta’ Ġunju 1897: 49.

[73] IT 242, Lil Swor Marija tat-Trinità (6 ta’ Ġunju 1897): 374.

[74] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 35: AAS 105 (2013), 1034.

[75] Ibid., 36: AAS 105 (2013), 1035.

[76] Ibid.

[77] Ibid., 37: AAS 105 (2013), 1035.

[78] Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate (19 ta’ Marzu 2018), 19: AAS 110 (2018), 1117.

[79] Ibid., 22: AAS 110 (2018), 1117.