ITTRA APPOSTOLIKA

F’GĦAMLA TA’ “MOTU PROPRJU”

SPIRITUS DOMINI

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

FUQ IT-TIBDIL FIL-KAN. 230 § 1 TAL-KODIĊI TAD-DRITTU KANONIKU

DWAR L-AĊĊESS TAL-PERSUNI TA’ SESS FEMMINILI

GĦALL-MINISTERU ISTITWIT

TAL-LETTORAT U TAL-AKKOLITAT

 

L-Ispirtu tal-Mulej Ġesù, għajn dejjiemi tal-ħajja u tal-missjoni tal-Knisja, iqassam lill-membri tal-poplu ta’ Alla d-doni li jagħtu lil kull wieħed u waħda, b’modi differenti, li joffru sehemhom għall-bini tal-Knisja u għax-xandir tal-Vanġelu. Dawn il-kariżmi, imsejħa ministeri għax huma pubblikament magħrufa u mwaqqfa mill-Knisja, huma mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-komunità u tal-missjoni tagħha b’mod permanenti.

 

F’xi każi dan il-kontribut ministerjali għandu l-bidu tiegħu f’sagrament speċifiku, l-Ordni Sagri. Ħidmiet oħra, matul l-istorja, ġew imwaqqfin mill-Knisja u fdati permezz ta’ rit liturġiku mhux sagramentali lil fidili individwali, fid-dawl ta’ għamla partikulari ta’ tħaddim tas-saċerdozju batteżimali, u b’għajnuna lill-ministeru speċifiku ta’ isqfijiet, presbiteri u djakni.

 

Bi tradizzjoni l-aktar meqjuma, il-“ministeri lajkali”, li San Pawlu VI irregolamenta fil-Motu Proprju Ministeria quædam (17 ta’ Awwissu 1972), kienu jingħataw bi preparazzjoni minn qabel għas-Sagrament tal-Ordni, imqar jekk dawn il-ministeri kienu jingħataw lil fidili idonji oħra ta’ sess maskili.

 

Xi Assemblej tas-Sinodu tal-Isqfijiet tkellmu dwar il-ħtieġa li l-argument jiġi mgħarbel iktar fil-fond duttrinalment, biex iwieġeb għan-natura tal-kariżmi msemmija u għall-esiġenzi taż-żminijiet, ħalli jista’ jiġi mwieżen kif imiss ir-rwol tal-evanġelizzazzjoni li għandha kull komunità ekkleżjali.

 

Waqt li lqajna dawn ir-rakkomandazzjonijiet, f’dawn l-aħħar snin wasalna għal żvilupp duttrinali li wera kif ċerti ministeri mwaqqfin mill-Knisja għandhom bħala bażi tagħhom il-kundizzjoni komuni ta’ mgħammdin u s-saċerdozju regali li rċivejna fis-Sagrament tal-Magħmudija; huma essenzjalment distinti mill-ministeru ordnat li wieħed jirċievi bis-Sagrament tal-Ordni. Fil-fatt, anki prassi konsolidata fil-Knisja Latina kkonfermat kif dawn il-ministeri lajkali, ladarba huma msejsin fuq is-sagrament tal-Magħmudija, jistgħu jiġu fdati lill-fidili kollha, li jirriżultaw idonji, ta’ sess maskili jew femminili, skont dak li diġà huwa previst impliċitament mill-kan. 230 § 2.

 

Kosegwentement, wara li smajt il-parir tad-Dikasteri kompetenti, rajt li għandu jsir tibdil fil-kan. 230 § 1 tal-Kodiċi tad-Drittu Kanoniku. Għalhekk, niddisponi li l-kan. 230 § 1 tal-Kodiċi tad-Drittu Kanoniku minn issa ’l quddiem ikun jaqra hekk:

 

“Il-lajċi li għandhom l-età u d-doni xierqa, b’digriet tal-Konferenza Episkopali, jistgħu jiġu ammessi b’mod permanenti, permezz tar-rit liturġiku stabbilit, għall-ministeri ta’ letturi u ta’ akkoliti; madankollu, l-għoti ta’ dan ma jagħtihomx il-jedd għas-sapport jew għar-rimunerazzjoni min-naħa tal-Knisja”.

 

Niddisponi wkoll għat-tibdil tal-provedimenti l-oħra, li għandhom is-saħħa ta’ liġi, li jirriferu għal dan il-kanoni.

 

Dak li ġie deċiż b’din l-Ittra appostolika f’għamla ta’ Motu Proprju, nordna li jiġi fis-seħħ b’mod sod u stabbli, minkejja kull ħaġa oħra kuntrarja, imqar dik li jixirqilha tissemma, u li jiġi ppromulgat bix-xandir tiegħu f’L’Osservatore Romano, u jidħol fis-seħħ fl-istess jum, u għalhekk jiġi mxandar fil-kummentarju uffiċjali tal-Acta Apostolicæ Sedis.

 

Mogħtija Ruma, f’San Pietru, nhar l-10 ta’ Jannar tas-sena 2021, Festa tal-Magħmudija tal-Mulej, it-tmien waħda tal-pontifikat tiegħi.

 

Franġisku

 

 

Miġjub mit-Taljan g]all-Malti minn Francesco Pio Attard