Laikos

 

Intervent tal-Papa Franġisku

fit-18-il Kongregazzjoni Ġenerali tas-16-il Assemblea Ġenerali Ordinarja

tas-Sinodu tal-Isqfijiet

Awla Pawlu VI, il-Vatikan

L-Erbgħa 25 ta’ Ottubru 2023

 

Nieħu gost naħseb fil-Knisja bħala l-poplu fidil ta’ Alla, qaddis u midneb, bħala poplu miġmugħ u msejjaħ bil-qawwa tal-Beatitudnijiet u ta’ Mattew 25.

 

Ġesù, għall-Knisja tiegħu, ma qabad ebda waħda mill-iskemi politiċi ta’ żmienu: la l-Fariżej, lanqas is-Sadduċej, la l-Esseni, lanqas iż-Żeloti. Ebda “korporazzjoni privata”; hu sempliċiment jimxi mat-tradizzjoni ta’ Iżrael: “Intom tkunu l-poplu tiegħi u jien inkun Alla tagħkom”.

 

Nieħu pjaċir naħseb fil-Knisja bħala dan il-poplu sempliċi u umli li jimxi fil-preżenza tal-Mulej (il-poplu fidil ta’ Alla). Din hi t-tifsira reliġjuża tal-poplu fidil tagħna. U qed ngħid poplu fidil biex ma naqax fid-diversi approċċi u skemi ideoloġiċi li għalihom tista’ tiġi “ridotta” r-realtà tal-poplu ta’ Alla. Sempliċiment poplu fidil, jew ukoll, “il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla” miexi fit-triq, qaddis u midneb. U din hija l-Knisja.

 

Waħda mill-karatteristiċi ta’ dan il-poplu fidil hi l-infallibbiltà tiegħu; iva, hu infallibbli in credendo (“In credendo falli nequit”, tgħid il-LG 9). Infallibbli fit-twemmin. U jiena nfissrha hekk: “Meta trid taf x’temmen Ommna l-Knisja Mqaddsa, mur għall-Maġisteru, għax dan għandu r-responsabbiltà li jgħallimhulek; imma meta trid taf kif temmen il-Knisja, mur għand il-poplu fidil”.

 

Tiġini xbieha f’moħħi: il-poplu fidil miġbur fid-daħla tal-Katidral ta’ Efesu. L-istorja (jew leġġenda) tgħid li l-poplu kien wieqaf fuq kull naħa tat-triq lejn il-Katidral hekk kif l-Isqfijiet kienu deħlin f’purċissjoni, u b’vuċi waħda huwa tenna: “Omm Alla”, u talab lill-Ġerarkija tiddikjara d-domma bħala vera, li huma diġà kienu jippossedu bħala l-poplu ta’ Alla. (Xi wħud jgħidu li kellhom f’idejhom il-bsaten u bdew juruhom lill-Isqfijiet). Ma nafx din hix storika jew leġġenda, imma x-xbieha hi valida.

 

Il-poplu fidil, il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla, għandu ruħ, u għax nistgħu nitkellmu fuq ir-ruħ ta’ poplu, nistgħu nitkellmu fuq ermenewtika, fuq mod kif inħarsu lejn ir-realtà, fuq kuxjenza. Il-poplu fidil tagħna hu konxju mid-dinjità tiegħu, jgħammed lil uliedu, jidfen lill-mejtin tiegħu.

 

Aħna l-membri tal-Ġerarkija ġejjin minn dak il-poplu u rċivejna l-fidi ta’ dak il-poplu, ġeneralment mill-ommijiet u n-nanniet tagħna. “Ommok u nanntek”, jgħidlu Pawlu lil Timotju, fidi mgħoddija bi djalett femminili, bħal omm il-Makkabej li lil uliedha kellmithom “bid-djalett”. U hawn nixtieq nisħaq li, fost il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla, il-fidi tgħaddi bid-djalett, u normalment bid-djalett femminili. Dan mhux biss għax il-Knisja hija Omm u huma sewwasew in-nisa li jirriflettuha l-aħjar; (il-Knisja hi mara) imma wkoll għax huma n-nisa li jafu kif jistennew, li jafu kif jiskopru r-riżorsi tal-Knisja, tal-poplu fidil, li jirriskjaw lil hemm minn kull limitu, forsi bil-biża’ imma kuraġġjużi, u fid-dawl u d-dell ta’ jum li qed jibda, huma jersqu lejn qabar bl-intuwizzjoni (għadha mhix tama) li jista’ jkun hemm xi ħajja.

 

Il-femminilità tal-poplu qaddis u fidil ta’ Alla hi mera tal-Knisja. Il-Knisja hi femminili, hi għarusa, hi omm.

 

Meta l-ministri jesaġeraw fis-servizz tagħhom u jittrattaw ħażin lill-poplu ta’ Alla, huma jisfiguraw il-wiċċ tal-Knisja b’attitudnijiet maskilisti u dittatorjali (biżżejjed niftakru fl-intervent ta’ Sr Liliana Franco). Hu ta’ wġigħ il-qalb kif f’xi uffiċċji parrokkjali ssib il-“lista tal-prezzijiet” tas-servizzi sagramentali bħal f’supermarket. Il-Knisja, jew hi l-poplu fidil ta’ Alla li miexi, qaddis u midneb, jew tispiċċa tkun kumpanija li toffri diversi servizzi. U meta l-operaturi pastorali jaqbdu din it-tieni triq, il-Knisja ssir is-supermarket tas-salvazzjoni u l-qassisin sempliċi impjegati ta’ korporazzjoni multinazzjonali. Din hi t-telfa kbira li jwassalna għaliha l-klerikaliżmu. U din hi ħaġa ta’ swied il-qalb kbir u ta’ skandlu (biżżejjed tmur fil-ħwienet tal-ħajjata ekkleżjastiċi f’Ruma biex tara l-iskandlu ta’ saċerdoti żgħar jippruvaw is-staten u l-kpiepel jew l-albi u l-ilbies miksi bizzilla).

 

Il-klerikaliżmu hu sawt, hu pesta, hu forma ta’ mondanità li jħammeġ u jagħmel ħsara lill-wiċċ tal-għarusa tal-Mulej; ijassar lill-poplu qaddis u fidil ta’ Alla.

 

U l-poplu ta’ Alla, il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla, jimxi ’l quddiem bis-sabar u l-umiltà, iġarrab bis-sabar iż-żebliħ, it-trattament ħażin, u l-marġinalizzazzjoni tal-klerikaliżmu istituzjonalizzat. U kemm nitkellmu b’mod naturali dwar il-prinċpijiet tal-Knisja, jew dwar il-promozzjonijiet episkopali bħala avvanz fil-karriera! L-orruri tad-dinja, il-mondanità li tkasbar il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla.

 

 

Id-diskors oriġinali sar bl-Ispanjol u ġie maqlub għall-Malti mit-traduzzjoni Ingliża minn Francesco Pio Attard