SAN ĠUŻEPP TAL-PAPA FRANĠISKU

Wieħed mill-oġġetti rari li l-Papa Franġisku ġab mill-Arġentina hi statwa żgħira tal-injam ta’ San Ġużepp. Poġġiha fid-dar Santa Marta, fejn joqgħod, qabel il-kamra tiegħu biex isellmilha filgħodu u fil-għaxija. L-istatwa hi apprezzata minn kuħadd u saret post ta’ devozzjoni għall-kollaboraturi tal-Papa, u anki għall-gwardji Żvizzeri. Taħt il-pedestall tal-istatwa, dawk qrib il-Papa jirrakkuntaw li jżerżaq b’mod regolari biċċiet żgħar tal-karti b’azzjonijiet ta’ grazzji, ta’ ringrazzjament, li xi drabi jkunu se jaqilbu lill-imsejken San Ġużepp. Dawn il-karti miktubin bl-idejn xi drabi jkunu talbiet li jibdlu t-tifkira tal-ġurnata u tal-laqgħat f’tifħir u rikonoxxenza lil Alla. Dan hu li qed jipproponilna l-Papa Franġisku. Niftakru f’dak li għadda minna u nitolbu bih, biex nidħlu f’komunjoni m’Alla, mal-oħrajn u ningħaqdu flimkien “lil hinn mill-‘jien’ żgħir u limitat tagħna”. (Lumen Fidei, 25)

 

Riflessjoni dwar din l-istatwetta nfisha.

Bosta jsejħulu, San Ġużepp ir-rieqed.  Fil-verità huwa San Ġużepp li qed joħlom. 

L-istess bħal fil-każ ta' Ġużeppi bin il-Patrijarka Ġakobb, kien propju fil-ħolm tiegħu li Alla kien iwassal ir-rieda tiegħu lil Ġużeppi.  Hekk naqraw fl-Evanġelju ta' San Mattew li deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: "Ġużeppi, bin David, xejn la tibża' tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom."  [Mt:1:20-21]

U jkompli l-Evanġelista li meta qam, Ġużeppi għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej. [Mt:1:24]

Aktar 'il quddiem fl-istess Evanġelju, naqraw li wara t-twelid ta' Ġesù u wara li kienu telqu l-Maġi, l-anġlu tal-Mulej reġa' deher f''ħolma lil Ġużeppi u qallu: "Qum, ħu miegħek lit-tifel u 'l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa' hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu." Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u 'l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu,  [Mt:2:14-15]

Għat-tielet darba, fl-istess Evanġelju nkomplu naqraw li meta miet Erodi, deher l-anġlu tal-Mulej f'ħolma lil Ġużeppi fl-Eġittu u qallu: "Qum, ħu miegħek lit-tifel u 'l ommu, u erġa' lura lejn l-art ta' Iżrael, għax mietu dawk li kienu jfittxu l-ħajja tat-tifel." Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u 'l ommu, u mar fl-art ta' Iżrael. [Mt:2:19-21]

 

Fil-figura, Ġużeppi jidher liebes, bil-qorq f'riġlejh l-ħorġa taħt rasu.  B'dan l-artist ried juri kif San Ġużepp kien ikun dejjem lest biex imur iwettaq dak li jitlob Alla minnu.

Il-karti li nilmħu taħt din l-istatwetta tal-Papa, fihom it-talb, spiss ta' interċessjoni, li Franġisku jirċievi kontinwament minn tant persuni madwar id-dinja u li huwa, jressaq lil dan il-qaddis li għandu tant devozzjoni u mħabba kbira lejh.