Laikos

 

Ittra tal-Papa lis-Saċerdoti tad-Djoċesi ta’ Ruma

7 ta' Awwissu 2023

Għeżież ħuti saċerdoti,

Nixtieq nikkomunika magħkom bi ħsieb ta’ akkumpanjament u ta’ ħbiberija, li nittama li jgħinkom fil-mixja tal-ministeru tagħkom, li fih il-piż tiegħu kemm ta’ ferħ u ta’ tbatijiet, ta’ tamiet u ta’ diżappunti. Jeħtieġ li aħna nħarsu lejn xulxin b’ħarsa kollha kura u mogħdrija, għax hekk nitgħallmu minn Ġesù li kien ħares b’dan il-mod lejn l-appostli, mingħajr ma kien jitlobhom xi time-table kif tintalab minna llum biex inkunu effiċjenti, imma kien jagħtihom attenzjoni u serħan. Għalhekk, meta l-appostli reġgħu lura mill-missjoni tagħhom, ferħanin imma għajjenin, l-Imgħallem qalilhom: “Ejjew waħidkom, intom biss, f’post imwarrab ħa tistrieħu ftit” (Mk 6,31).

Naħseb fikom f’dan il-mument meta, flimkien mal-attivitajiet tas-sajf, jista’ jkollkom ukoll ftit tal-mistrieħ wara l-ħidma pastorali tagħkom ta’ dawn l-aħħar xhur. U nixtieq l-ewwelnett inġedded il-ħajr tiegħi lejkom: “Grazzi tax-xhieda tagħkom, grazzi tas-servizz tagħkom; grazzi ta’ tant ġid li tagħmlu fil-moħbi, grazzi tal-maħfra u l-konsolazzjoni li tagħtu f’isem Alla [...]; grazzi tal-ministeru tagħkom, li ħafna drabi jseħħ fost tant tbatija, nuqqas ta’ ftehim u ftit li xejn rikonoxximent” (Omelija għall-Quddiesa tal-Griżma, 6 ta’ April 2023).

Min-naħa l-oħra, il-ministeru saċerdotali tagħna ma jitkejjilx mis-suċċessi pastorali (il-Mulej stess, maż-żmien, kellu dejjem inqas minn dawn!) Fil-qalba tal-ħajja tagħna m’għandux ikun hemm dik il-ferneżija tal-attivitajiet, imma li nibqgħu fil-Mulej biex nagħtu l-frott (ara Ġw 15). Huwa hu s-serħan tagħna (ara Mt 11:28-29). U l-ħlewwa li tikkunslana ġejja biss mill-ħniena tiegħu, minn meta nilqgħu l-“magis” tal-grazzja tiegħu, li tippermettielna nimxu ʼl quddiem fil-ħidma pastorali, li nissaportu n-nuqqas ta’ suċċessi u l-fallimenti, li nifirħu bis-sempliċità tal-qalb, inkunu ta’ qalb ħelwa u mimlijin sabar, li dejjem nibdew mill-ġdid, u li nagħtu jdejna lill-oħrajn. Fil-fatt, il-mumenti meta aħna “niċċarġjaw mill-ġdid”, u dawn huma mumenti li għandna bżonnhom, ma jkunux biss meta nistrieħu fiżikament jew spiritwalment, iżda wkoll meta nkunu miftuħin biex niltaqgħu flimkien bħal aħwa, għax il-fraternità ġġib il-konfort, toffri spazji għal-libertà interjuri u ma ġġiegħilniex inħossuna waħedna quddiem l-isfidi tal-ministeru tagħna.

Huwa f’dan l-ispirtu li qed niktbilkom. Inħossni li ninsab f’din il-mixja magħkom, u nixtieq li tħossu li jien qrib tagħkom fil-ferħ u t-tbatijiet tagħkom, fil-pjanijiet u fl-isforzi li tagħmlu, fin-niket u fil-konsolazzjonijiet pastorali tagħkom. Fuq kollox nixtieq naqsam magħkom ix-xewqa ta’ komunjoni, affettiva u effettiva, filwaqt li noffri t-talb tiegħi ta’ kuljum biex din l-omm tagħna, il-Knisja ta’ Ruma, imsejħa biex tippresjedi fil-karità, tikkultiva d-don prezzjuż tal-komunjoni fuq kollox fiha nnifisha, u tkabbar dan id-don fir-realtajiet  differenti li hemm fiha. Jalla l-Knisja ta’ Ruma tkun eżempju ta’ mogħdrija u tama għal kulħadd, u li r-rgħajja tagħha jkunu dejjem, dejjem, lesti u disponibbli biex jagħtu l-maħfra ta’ Alla, ikunu kanali ta’ ħniena li jaqtgħu l-għatx tal-bniedem tal-lum.

U issa, għeżież ħuti, nistaqsi lili nnifsi: il-Mulej x’qed jitlobna f’dan iż-żmien li qed ngħixu fih?  Fejn qed imexxina l-Ispirtu li dilikna u li bagħatna bħala appostli tal-Evanġelju? Waqt it-talb, ħassejt din it-tweġiba: Alla qed jitlobna mmorru fil-qiegħ nett fil-ġlieda tagħna kontra l-mondanità spiritwali. Patri Henri de Lubac, f’xi paġni ta’ kitba li nistedinkom taqraw, fisser il-mondanità spiritwali bħala “l-akbar periklu li għandha l-Knisja – għalina, li aħna l-Knisja – l-ikbar tentazzjoni li dejjem insibu ma’ wiċċna b’mod li tqarraq bina, filwaqt li tentazzjonijiet oħra negħilbuhom”. U hu jżid kliem li jidhirli li jolqtlu l-musmar fuq rasu: “Kieku din il-mondanità spiritwali kellha tinvadi l-Knisja u taħdem biex tikkorrompiha billi timmina l-prinċipju tagħha stess, tkun infinitament aktar diżastruża minn kull sempliċiment mondanità morali”. (Meditazione sulla Chiesa. , Milan 1965, 470).

Dawn huma affarijiet li diġà semmejt f’okkażjonijiet oħra, imma ppermettuli nerġa’ ntennihom billi nqishom importanti ħafna: fil-fatt il-mondanità spiritwali hija perikoluża għax hi mod ta’ ħajja li tirriduċi l-ispiritwalità għal dak biss li jidher minn barra: twassalna biex inkunu “impjegati fil-ħwejjeġ tal-ispirtu”, irġiel liebsin bi ħwejjeġ sagri, imma li fil-fatt jaħsbu u jaġixxu skont il-modi tad-dinja. Dan jiġri meta nħallu lilna nfusna niġu affaxxinati mis-seduzzjoni ta’ dak li jgħaddi, mill-medjokrità u mir-rutina, mit-tentazzjoni tal-poter u tal-influwenza soċjali. U, agħar minn hekk, mill-vanaglorja u n-narċisiżmu, mill-inflessibilità  duttrinali u l-estremiżmu liturġiku. Dawn huma forom u modi li bihom il-mondanità “tinħeba wara t-taparsi reliġjożità u saħansitra t-taparsi mħabba lejn il-Knisja”, imma fir-realtà “tikkonsisti fit-tfittxija, mhux tal-glorja tal-Mulej, imma tal-glorja umana u l-benesseri personali tagħna” (Evangelii gaudium, 93). Kif nistgħu ma nagħrfux f’dan kollu l-verżjoni moderna ta’ dak il-wiċċ b’ieħor li Ġesù kien jara f’ċerti awtoritajiet reliġjużi ta’ dak iż-żmien u li ġegħluh ibati forsi aktar minn kull ħaġa oħra matul il-ħajja pubblika tiegħu?

Il-mondanità spiritwali hija tentazzjoni “ġentili” u għalhekk aktar tqarraq bina. Fil-fatt, taf tidħol fin fin u tinħeba sew wara dak li jidher li hu tajjeb, anke taf  tinħeba taħt motivazzjonijiet “reliġjużi”. U, anke jekk nindunaw biha u nbiegħduha minna, illum jew għada terġa’ tiġi lura moħbija taħt xi libsa oħra. Kif jgħid Ġesù fl-Evanġelju: “Meta l-ispirtu mniġġes joħroġ minn bniedem, huwa jmur jiġġerra u jfittex il-mistrieħ f’art niexfa, u billi ma jsibu mkien, jgħid: ‘Mela nerġa’ lura lejn dari minfejn ħriġt’. U x’ħin jiġi lura, isibha miknusa u kollox f’postu. Imbagħad imur, iġib seba’ spirti oħra agħar minnu, u jidħlu u joqogħdu hemm ġew. U fl-aħħar il-qagħda ta’ dak il-bniedem tkun agħar minn ta’ qabel” (Lq 11:24-26). Jeħtieġ li ngħassu b’mod interjuri, biex inħarsu l-moħħ u l-qalb, biex inżommu jaqbad ġo fina dak in-nar li jsaffina, in-nar tal-Ispirtu, għax it-tentazzjonijiet tad-dinja jiġu lura u “jħabbtulna” bl-edukazzjoni, “dawn huma x-xjaten edukati”: li jidħlu bil-pulit, mingħajr ma nintebħu bihom” (Diskors lill-Kurja Rumana, 22 ta’ Diċembru 2022).

Madankollu, nixtieq nitkellem magħkom dwar aspett wieħed ta’ din il-mondanità. Meta din tidħol fil-qlub tar-ragħajja, tieħu forma partiulari, dik tal-klerikaliżmu. Aħfruli jekk qed nirrepeti, imma bħala saċerdoti naħseb li tifhmuni, għax intom ukoll taqblu fuq dak li temmnu minn qalbkom, skont dik il-karatteristika sabiħa tipikament Rumana (anzi Romaneska!) li biha s-sinċerità tax-xufftejn toħroġ mill-qalb, u taf x’hemm fil-qalb! U jien, bħala raġel anzjan u minn qalbi, nixtieq ngħidilkom kemm ninkwieta meta nerġgħu naqgħu fil-forom tal-klerikaliżmu; meta forsi bla ma nintebħu, nagħtu lin-nies l-impressjoni li aħna aħjar minnhom, li għandna xi privileġġ, li aħna qegħdin “hemm fuq” u għalhekk maqtugħin mill-kumplament tal-Poplu qaddis ta’ Alla. Kif darba kitibli wieħed saċerdot twajjeb, “il-klerikaliżmu huwa sintomu ta’ ħajja saċerdotali u lajka li għandha t-tentazzjoni li tgħix f’dak ir-rwol partikulari, mingħajr ma jkun hemm rabta vera ma’ Alla u mal-aħwa”. F’kelma waħda, din hija marda li ġġegħelna ninsew il-Magħmudija li rċevejna, tħalli fil-ġenb il-fatt li aħna nagħmlu parti mill-istess Poplu qaddis u twassalna biex inħaddmu s-setgħa fid-diversi forom ta’ poter, u ma nirrejalizzawx li nkunu qed ngħixu ħajja doppja, mingħajr umiltà, maqtugħin min-nies u kburin.

Biex nitbiegħdu minn din it-tentazzjoni, tagħmlilna tajjeb li nisimgħu dak li jgħid il-profeta Eżekjel lir-rgħajja: “Intom tixorbu l-ħalib u tilbsu s-suf tagħhom, toqtlu n-ngħaġ imsemmna, u l-merħla ma tirgħuhiex. Lid-dgħajfa ma saħħaħtuhiex, u l-marida ma fejjaqtuhiex, lill-midruba ma dewwejtuhiex, u ʼl dik li tbiegħdet ma ġibtuhiex lura, u lanqas ma fittixtu lill-mitlufa. Imma mexxejtuhom bis-saħħa u b’qalb iebsa.” (34:3-4). Il-“ħalib” u s-“suf” huma dawk l-affarijiet li jsostnu u li jsaħħnu; din il-Kelma tpoġġi quddiemna r-riskju li aħna nieħdu ħsieb lilna nfusna u l-interessi tagħna, u li ngħixu ħajja komda u mingħajr tbatija.

Kif jgħid Santu Wistin, ċertament li r-ragħaj irid jgħix ukoll mis-sostenn li joffri l-ħalib tal-merħla tiegħu; imma l-Isqof ta’ Iippona jikkummenta: “Huma ħadu mill-ħalib tan-nagħaġ u libsu s-suf tagħhom. Madankollu, m’għandhomx jittraskuraw id-dgħufija tan-nagħaġ, jiġifieri f’dak kollu li jagħmlu m’għandhomx ifittxu, biex ngħidu hekk, dak li jaqbel lilhom u jagħtu l-impressjoni li qed ixandru l-Evanġelju biex jiggwadanjaw huma personalment, imma għandhom jagħtu lill-oħrajn id-dawl tal-kelma tal-verità li ddawwalhom” (Diskors fuq ir-rgħajja, 46,5).

Bl-istess mod, Santu Wistin jitkellem dwar is-suf li jassoċjah mal-unuri: is-suf li jlibbes lin-nagħaġ, jista’ jfakkarna f’dak kollu li bih nistgħu niżżejnu minn barra, infittxu t-tifħir tal-bnedmin, il-prestiġju, il-fama, il-ġid. Santu Wistin ikompli jikteb: “Min joffri s-suf ikun qed jagħti ġieħ. Dawn huma żewġ ħwejjeġ li jfittxu mill-poplu r-ragħajja li jirgħu mhux lin-nagħaġ imma lilhom infushom: il-ħtiġijiet għall-għajxien tagħhom u li jingħataw il-ġieħ u t-tifħir.” (ibid., 46,6). Meta nkunu peokkupati biss bil-ħalib, naħsbu dwar il-gwadann personali tagħna; meta nfittxu li jkollna s-suf, inkunu nieħdu ħsieb il-mod kif nidhru u biex inżidu s-suċċess tagħna. U hemm nitilfu l-ispirtu saċerdotali, il-ħeġġa għas-servizz, ix-xenqa għall-kura tan-nies, u nispiċċaw nirraġunaw kif tirraġuna l-bluha tad-dinja: “Jien x’jimpurtani? Ħalli lil kulħadd jagħmel dak li jogħġbu; l-aqwa li l-għajxien tiegħi huwa ġewwa, u l-unur  tiegħi mhux minsus; il-ħalib u s-suf għalija huma biżżejjed; u ħalli ʼl kulħadd jagħmel li jrid” (ibid., 46,7).

It-tħassib tagħna, allura, jkun fuq il-“jien”: l-għajxien tagħna, il-bżonnijiet tagħna, it-tifħir li nirċievu għalina nfusna aktar milli għall-glorja ta’ Alla. Dan jiġri fil-ħajja ta’ min jaqa’ fil-klerikaliżmu: jitlef l-ispirtu ta’ tifħir għax ikun tilef is-sens tal-grazzja, is-sens ta’ stagħġib għall-mod li bih Alla jħobbna bla ma jistenna xejn lura, dik is-sempliċità tal-qalb fiduċjuża li ġġiegħilna nersqu lejn il-Mulej, u mingħandu nistennew l-ikel f’waqtu (ara Salm 104,27), filwaqt li nagħrfu li mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn (ara Ġw 15,5). Huwa biss meta ngħixu f’din il-gratuwità li nistgħu ngħixu l-ministeru u r-relazzjonijiet pastorali fi spirtu ta’ qadi, skont il-kliem ta’ Ġesù: “B’xejn ħadtu, b’xejn għatu” (Mt 10, 8).

Jeħtieġ li nħarsu sew lejn Ġesù, lejn il-kompassjoni li biha jara l-umanità miġruħa tagħna, lejn il-gratitudni li biha offra ħajtu għalina fuq is-salib. Hawn hu l-antidotu ta’ kuljum kontra l-mondanità u l-klerikaliżmu: li nħarsu lejn Ġesù msallab, li kuljum nitfgħu ħarsitna fuq dak li xejjen lilu nnifsu, umilja ruħu għalina sal-mewt (ara Flp 2,7-8). Huwa laqa’ l-umiljazzjoni biex jerfagħna mill-waqgħat tagħna u jeħlisna mill-qawwa tal-ħażen. B’hekk, meta nħarsu lejn il-pjagi ta’ Ġesù, inħarsu lejh umiljat hekk, nitgħallmu li aħna msejħin biex noffru lilna nfusna, biex insiru ħobż maqsum għal min hu bil-ġuħ, u biex nakkumpanjaw fil-mixja lil min hu għajjien u maħqur. Dan hu l-ispirtu saċerdotali: li nsiru qaddejja tal-Poplu ta’ Alla u mhux sidien, li naħslu saqajn ħutna u mhux ngħaffġuhom taħt saqajna.

Ejjew għalhekk noqogħdu għassa għall-klerikaliżmu. L-Appostlu Pietru jgħinna nżommu ruħna ʼl bogħod, li kif tgħallimna t-tradizzjoni, anke fil-mument tal-mewt tiegħu, umilja ruħu billi qagħad rasu ʼl isfel, għax ma kienx jistħoqqlu jmut bħall-Imgħallem tiegħu. Iħarisna wkoll l-Appostlu Pawlu, li minħabba Kristu l-Mulej kien iqis il-kisbiet kollha tal-ħajja u tad-dinja bħala knis. (ara Fil 3:8).

Il-klerikaliżmu, kif nafu, jista’ jolqot lil kulħadd, anke lill-lajċi u lill-operaturi pastorali: fil-fatt, wieħed jista’ jkollu “spirtu klerikali” anke fil-qadi ta’ ministeri u kariżmi, u jgħix is-sejħa tiegħu b’imnieħru mxammar, jingħalaq fil-grupp tiegħu u jtella’ ħitan madwaru, isir possessiv lejn ir-rwoli li jkun qed jaqdi fil-komunità, isir imkabbar u arroganti mal-oħrajn. U s-sintomi huma proprju li jintilef l-ispirtu ta’ tifħir u gratwità ferrieħa, filwaqt li x-xitan jibda jfesfes, u allura jibda jiżdied it-tgergir, in-negattività u n-nuqqas ta’ sodisfazzjon b’dak kollu li sejjer ħażin, u hawn l-ironija tinbidel f’ċiniżmu. B’dan il-mod wieħed jintrebaħ mill-klima ta’ kritika u ta’ rabja li tibda tinħass.  Minflok aħna għandna nkunu dawk li, b’sempliċità evanġelika u bi ħlewwa, b’qalb tajba u b’rispett, ngħinu lil ħutna joħorġu mit-tbatijiet tagħhom.

F’dan kollu, minħabba li aħna dgħajfin u mhux dejjem adegwati, kif ukoll minħabba l-kriżi ta’ fidi li hawn illum, ejjew ma naqtgħux qalbna! De Lubac itemm jgħid li l-Knisja, “anki llum, minkejja li mhux dejjem naraw ċar [...] hija, bħall-Verġni, is-Sagrament ta’ Ġesù Kristu. L-ebda infedeltà tagħna ma tista’ żżommha milli tkun “il-Knisja ta’ Alla”, “l-qaddejja tal-Mulej” ” (Meditazzjoni fuq il-Knisja, cit., 472). Ħuti, din hija t-tama li ssostni l-mixja tagħna, ittaffilna t-toqol, tagħti spinta ġdida lill-ministeru tagħna. Ejjew inxammru l-kmiem u ngħawġu irkopptejna (min jista’!): ejjew nitolbu lill-Ispirtu għal xulxin, nitolbuh jgħinna biex ma naqgħux, kemm fil-ħajja personali kif ukoll fil-ħidma pastorali, f’dak li jidher reliġjuż – mimli b’ħafna affarijiet imma vojt minn Alla – biex ma nkunux qisna impjegati tal-ħwejjeġ qaddisa, imma ħabbâra mimlija ħeġġa tal-Evanġelju, mhux “kjeriċi tal-istat”, imma rgħajja tal-poplu. Neħtieġu konverżjoni personali u pastorali. Kif qal Patri Congar, din mhix kwistjoni li wieħed iwassal biex ikun hemm osservanza tajba tar-regoli jew biex nirriformaw ċerimonji esterni, imma li nerġgħu lura għall-għejjun tal-Evanġelju,  li niskopru qawwiet ġodda biex negħilbu d-drawwiet, u nddaħħlu spirtu ġdid fl-istituzzjonijiet qodma tal-knisja, ħalli ma jiġrix li l-Knisja tkun “għanja fl-awtorità u fis-sigurtà tagħha, imma mbagħad mhux wisq appostolika u medjokriment evanġelika” (Vera e False Reforma della Chiesa, Milan 1972, 146).

Grazzi talli qegħdin tilqgħu dan il-kliem tiegħi. Inimmeditaw fuqhom fit-talb u quddiem Ġesù fl-adorazzjoni ta’ kuljum; nassigurakom li ħarġu minn qalbi u mill-imħabba li għandi lejkom. Ejjew nimxu ʼl quddiem b’entużjażmu u b’kuraġġ: ejjew naħdmu flimkien, kemm bejnietna s-saċerdoti kif ukoll ma’ ħutna lajċi, nagħtu bidu għal forom u mixjiet sinodali, li jgħinuna biex inneħħu s-sigurtajiet mondani u “klerikali” tagħna biex hekk infittxu, bl-umiltà, toroq pastorali  ispirati mill-Ispirtu, sabiex il-faraġ tal-Mulej jasal tassew għand kulħadd. Tlabt għalikom quddiem ix-xbieha tas-Salus Populi Romani. Tlabt lill-Madonna biex tħariskom u tipproteġikom, tixxotta d-dmugħ moħbi tagħkom, iġġedded fikom il-ferħ tal-ministeru u tagħmilkom kuljum rgħajja li tħobbu lil Ġesù, lesti li tagħtu ħajjitkom bla ma toqogħdu tqisu, għall-imħabba tiegħu. Grazzi għal dak li tagħmlu u għal dak li intom. Inberikkom u nakkumpanjankom fit-talb. U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.

Ħukom,

Lisbona, 5 ta’ Awwissu 2023, Tifkira tad-Dedikazzjoni tal-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore.

 

FRANĠISKU

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes