Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-MEMBRI TAL-GRUPP TAL-PARTIT POPOLARI EWROPEW

FIL-PARLAMENT EWROPEW

 

Sinjuri distinti!

 

Bi pjaċir qed insellem lilkom minn qalbi, membri tal-Grupp tal-Partit Popolari fil-Parlament Ewropew, istituzzjoni li żort f’Novembru 2014, u nieħu l-okkażjoni biex naqsam magħkom xi riflessjonijiet.

 

L-ewwel waħda: intom membri parlamentari, jiġifieri intom rappreżentanti taċ-ċittadini li fdawlkom mandat. Meta kien hemm l-ewwel elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, in-nies uriet interess, kienet xi ħaġa ġdida, pass importanti ’l quddiem fil-bini tal-Ewropa magħquda. Imma, kif jiġri dejjem, aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-interess jonqos; u allura hemm bżonn nikkuraw tajjeb ir-relazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-membri parlamentari. Din hi problema klassika tad-demokraziji rappreżentattivi. U jekk diġà hu diffiċli nżommu ħajja r-rabta fi ħdan kull pajjiż, dan iktar u iktar jgħodd għall-Parlament Ewropew, li hu iżjed “imbiegħed”. Imma min-naħa l-oħra llum il-komunikazzjoni tista’ tgħin ħafna biex negħlbu dawn id-distanzi.

 

It-tieni spunt: il-pluraliżmu. Huwa ċar li grupp parlamentari kbir għandu jipprevedi ċertu pluraliżmu intern. Madankollu, fuq xi kwistjonijiet fejn jidħlu l-valuri etiċi ewlenin u punti importanti tad-duttrina soċjali Nisranija, jeħtieġ inkunu vuċi waħda. Dan jidhirli li hu aspett partikularment interessanti, għax jitlobna naħsbu fil-formazzjoni permanenti tal-membri parlamentari. Huwa normali li intom ukoll tiġu bżonn ta’ mumenti ta’ studju u ta’ riflessjoni fejn tistgħu tapprofondixxu u tikkonfrontaw ruħkom fuq il-kwistjonijiet l-aktar rilevanti etikament. Hija sfida appassjonanti, speċjalment fuq il-livell tal-kuxjenza, u li tixħet dawl ukoll fuq il-kwalità ta’ min jagħmel il-politika. Il-politiku Nisrani għandu jagħraf jingħażel għas-serjetà li biha jaffronta t-temi, u jżomm lura milli jasal għal soluzzjonijiet opportunistiċi, waqt li jżomm dejjem fis-sod il-kriterji tad-dinjità tal-persuna u tal-ġid komuni.

 

Dwar dan, intom għandkom wirt mill-aktar għani mnejn tixorbu biex tistgħu twasslu l-kontribut oriġinali tagħkom lill-politika Ewropea, jiġifieri d-duttrina soċjali tal-Knisja. Jiġuni f’moħħi, ngħidu aħna, iż-żewġ prinċipji ta’ solidarjetà u sussidjarjetà u d-dinamika virtuża tagħhom. Hemm aspetti etiċi-politiċi, marbuta ma’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ prinċipji, li intom taqsmu ma’ kollegi ta’ diversi appartenenzi, li jaċċentwaw rispettivament jew waħda jew l-oħra; imma n-nisġa tat-tnejn flimkien, il-fatt li tħaddmuhom flimkien u taraw li jaħdmu b’mod kumplimentari, din hi ħaġa proprja tal-ħsieb soċjali u ekonomiku ta’ ispirazzjoni Nisranija, u allura hi fdata partikularment lir-responsabbiltà tagħkom.

 

Aspett ieħor li jixbah lil dan: il-viżjoni ta’ Ewropa li żżomm flimkien għaqda u differenzi. Dan hu fundamentali; sħaqt dwar dan riċentement fiż-żjara tiegħi l-Ungerija. Ewropa li tagħti valur sħiħ lid-diversi kulturi li jsawruha, l-għana enormi tat-tradizzjonijiet tagħha, tal-lingwi, tal-identitajiet, li hu dak tal-popli tagħha u tal-ġrajjiet tagħhom; u li fl-istess waqt ikollha l-ħila, bl-istituzzjonijiet u l-inizjattivi politiċi u kulturali tagħha, tagħmel mod li dan il-mużajk l-aktar għani jsawwar figuri koerenti.

 

U biex dan iseħħ hemm bżonn ta’ ispirazzjoni qawwija, “ruħ”, jien nieħu pjaċir ngħid li għandna bżonn tal-“ħolm”. Hemm bżonn ta’ valuri għoljin, u viżjoni politika għolja. B’dan ma rridx innaqqas mill-importanza tat-tmexxija ordinarja, tal-amministrazzjoni normali tajba, anzi, jekk hi tajba dan diġà hu ħafna. Imma mhux biżżejjed, mhux biżżejjed biex inżommu fuq saqajha Ewropa li         qed tħabbat wiċċha mal-isfidi globali l-kbar tas-seklu 21. Biex naffrontaw dawn l-isfidi bħala Ewropa magħquda, hemm bżonn ta’ ispirazzjoni għolja u qawwija. U intom, irrid ngħid, għandkom tkunu minn ta’ quddiem li tgħożżu l-eżempji u t-tagħlim tal-missirijiet fundaturi ta’ din l-Ewropa. L-isfida tal-bidu, li tista’ tkun ukoll l-isfida tal-lum, hi dik li nippuntaw mhux biss għal organizzazzjoni li tħares l-interessi tan-nazzjonijiet Ewropej, imma għal għaqda fejn kulħadd jista’ jgħix ħajja “skont il-qies ta’ bniedem, fraterna u ġusta”.[1]

 

Nixtieq nagħfas fuq dan it-terminu: fraterna. Kif tafu, il-fraternità u l-ħbiberija soċjali huma l-“ħolma” l-kbira li qsamt mal-Knisja kollha u mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba (ara Enċiklika Fratelli tutti, 8). Naħseb li l-fraternità tista’ tkun ukoll l-għajn ta’ ispirazzjoni għal min irid jerġa’ jagħti l-ħajja lill-Ewropa, għax twieġeb b’mod sħiħ għax-xenqat kemm tal-popli tagħha u kemm tad-dinja kollha. Għax proġett ta’ Ewropa llum ma jistax ma jkunx proġett għad-dinja kollha. Nemmen li l-politiċi Nsara llum għandhom jingħarfu mill-ħila tagħhom li jittraduċu l-ħolma kbira ta’ fraternità f’azzjonijiet konkreti ta’ politika tajba fuq kull livell: lokali, nazzjonali, internazzjonali. Ngħidu aħna: sfidi bħalma huma dik tal-migrazzjonijiet, jew dik tal-kura tal-pjaneta, jidhirli li jistgħu jiġu affrontati biss jekk nitilqu minn dan il-prinċipju nebbieħi: il-fraternità umana.

 

Għeżież ħbieb, ejjew niftakru fl-għeruq tagħna: ma ninsewx kif twieldet l-Ewropa magħquda; ma ninsewx it-traġedja tal-gwerer tas-seklu 20. Il-ħidma gradwali u paċenzjuża ta’ bini ta’ Ewropa magħquda, f’oqsma l-ewwel partikulari u mbagħad dejjem iżjed ġenerali, x’kellha fiha bħala ispirazzjoni? Liema ideal, jekk mhux dak li toħloq spazju fejn wieħed seta’ jgħix il-libertà, il-ġustizzja u l-paċi, fir-rispett tad-differenzi kollha? Illum f’dinja globalizzata dan il-proġett qed jgħaddi minn prova, imma jista’ jerġa’ jitnieda billi nixorbu mill-ispirazzjoni tal-bidu, li għadha attwali iżjed minn qatt qabel u għammiela mhux biss għall-Ewropa, imma għall-familja kollha tal-bnedmin.

 

U nixtieq nagħlaq b’osservazzjoni tal-aħħar: min huma dawk li qed jgħixu l-iżjed l-Ewropa magħquda? Intom tgħallmuni: huma ż-żgħażagħ. Illum minn kmieni jibdew jagħmlu perjodi ta’ studju barra minn pajjiżhom; imbagħad, minħabba l-università, speċjalment l-ispeċjalizzazzjonijiet, ix-xefaq hu Ewropew; u hekk ukoll biex ifittxu x-xogħol… Mhux qed nirreferi għall-ħtieġa kiebja, li b’xorti ħażina teżisti, li wieħed imur band’oħra minħabba nuqqas ta’ opportunitajiet f’pajjiżu; le, imma għall-fatt li għaż-żgħażagħ illum sar normali, ngħidu aħna, li jagħmlu l-ewwel parti tal-istudji tagħhom f’pajjiżhom u jmorru jispeċjalizzaw f’ieħor. Xi ftit jew wisq kif kien jiġri fil-Medjuevu: kien jistudjaw xi ftit f’Padova, xi ftit f’Pariġi, xi ftit f’Oxford jew f’Hiedelberg… Inħarsu lejhom, lejn iż-żgħażagħ, u naħsbu f’Ewropa u f’dinja li jwettqu l-ħolm tagħhom.

 

Għalhekk nagħmlilkom il-qalb biex tibqgħu mexjin ’il quddiem b’kuraġġ u tama, bl-għajnuna ta’ Alla. Ħa jkun il-Vanġelu l-kewkba polari tagħkom u d-Duttrina soċjali l-boxxla tagħkom. Inbierek minn qalbi lilkom ilkoll u lill-għeżież tagħkom. U nitlobkom biex jekk jogħġobkom titolbu għalija. Grazzi.

 

Ruma, Poliklinika “Gemelli”, 9 ta’ Ġunju 2023

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 


[1] P.H. Spaak, Diskors mogħti fl-okkażjoni tal-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma, 25 ta’ Marzu 1957.