MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAL-INFERMIERA 

 

Għeżież ħuti,

 

Illum qed infakkru l-Jum Dinji tal-Infermiera, fil-kuntest tas-Sena Dinjija tal-Infermiera u l-Qwiebel imħabbra mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa. F’dan l-istess jum infakkru wkoll il-biċentenarju mit-twelid ta’ Florence Nightingale, li tat bidu lix-xogħol tal-infermiera kif nafuh illum.

 

F’dan il-mument fl-istorja, ikkaratterizzat mill-emerġenza sanitarja dinjija kkawżata mill-pandemija tal-virus Covid-19, irrealizzajna mill-ġdid kemm il-figura tal-infermiera, kif ukoll dik tal-qwiebel, għandha rwol ta’ importanza fundamentali. Kuljum qed naraw ix-xhieda ta’ kuraġġ u ta’ sagrifiċċju tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, b’mod partikulari tal-infermiera rġiel u nisa, li bi professjonalità, sagrifiċċju, sens ta’ responsabbiltà u mħabba lejn il-proxxmu, iduru bil-persuni bil-virus, anki jekk dan jista’ jkun ta’ riskju għal saħħithom stess. Prova ta’ dan, b’xorti ħażina, huwa n-numru għoli ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li mietu waqt li b’dedikazzjoni kienu qed iwettqu xogħolhom. Nitlob għalihom – il-Mulej jafhom ilkoll b’isimhom – u għall-vittmi kollha ta’ din l-epidemija. L-Irxoxt jagħtihom ilkoll id-dawl tal-Ġenna, u lill-familji tagħhom il-faraġ tal-fidi.

 

L-infermiera minn dejjem għandhom rwol importanti fil-qasam tas-saħħa. Kuljum, f’kuntatt mal-morda, iġarrbu t-trawma li t-tbatija ġġib fil-ħajja ta’ kull persuna. Huma rġiel u nisa li għażlu li jwieġbu “iva” għal vokazzjoni partikulari: dik li jkunu Samaritani tajba li jġorru fuq spallejhom il-ħajja u l-feriti tal-proxxmu. Ħarriesa u qaddejja tal-ħajja, meta joffru l-kura neċessarja, inisslu l-kuraġġ, it-tama u l-fiduċja.[1]

 

Għeżież infermiera, ir-responsabbiltà morali ssuq il-professjonalità tagħkom, li m’għandhiex x’taqsam biss mal-għarfien xjentifiku jew tekniku, iżda li dejjem hi mdawla mir-relazzjoni mal-marid, li tkun waħda umana u li kapaċi tumanizza. “Meta dduru bi rġiel u nisa, tfal u anzjani, f’kull fażi ta’ ħajjithom, mit-twelid sal-mewt, qed tkunu ddedikati li tisimgħuhom il-ħin kollu, biex tifhmu liema huma l-bżonnijiet ta’ dak il-marid, f’dik il-fażi li għaddej minnha. Quddiem kull sitwazzjoni differenti, fil-fatt, qatt mhu biżżejjed li timxi mal-protokoll, imma intom mistennija dejjem – u din biċċa xogħol iebsa! – timpenjaw ruħkom biex tiddixxernu u tagħtu attenzjoni lil kull persuna”.[2]

 

Intom – u għandi f’moħħi anki lill-qwiebel – tkunu qrib tal-persuni fl-iktar mumenti importanti ta’ ħajjithom, it-twelid u l-mewt, il-mard u l-fejqan, biex tgħinuhom jiffaċċjaw is-sitwazzjonijiet l-iktar imwiegħra. Xi kultant tkunu ħdejhom fil-ħin tal-mewt, u toffrulhom faraġ fl-aħħar mumenti. Għal din id-dedikazzjoni, intom fost dawk il-“qaddisin tal-bieb ta’ maġenbna”.[3] Intom ritratt tal-Knisja “sptar fuq il-kamp tal-battalja”, li tibqa’ twettaq il-missjoni ta’ Ġesù Kristu, li resaq u fejjaq lill-persuni muġugħa minħabba kull tip ta’ mard u niżel jaħsel saqajn id-dixxipli tiegħu. Grazzi għal dan is-servizz li tagħtu lill-umanità!

 

F’ħafna pajjiżi, il-pandemija tellgħet fil-wiċċ ukoll ħafna nuqqasijiet fejn jidħol il-qasam tas-saħħa. Għalhekk, nixtieq nindirizza lir-responsabbli kollha tan-nazzjonijiet tad-dinja, u ngħidilhom jinvestu fis-saħħa bħala ġid komuni essenzjali, billi jsaħħu l-istrutturi u jħaddmu iktar infermiera, sabiex jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għal servizz tas-saħħa xieraq, fir-rispett tad-dinjità umana. Importanti nagħrfu bil-fatti kemm din il-professjoni għandha rwol importanti fil-kura tal-pazjenti, fl-attivitajiet ta’ emerġenzi territorjali, fil-prevenzjoni mill-mard, fil-promozzjoni tas-saħħa, fl-assistenza fil-qasam tal-familji, tal-komunità, u tal-edukazzjoni.

 

L-infermiera, u magħhom il-qwiebel, għandhom id-dritt u jistħoqqilhom ikunu iktar ivvalorizzati u msieħba fil-proċeduri li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa tal-persuni u tal-komunità. Huwa fatt ippruvat li meta jsir investiment fuqhom, ir-riżultat fejn tidħol assistenza u saħħa, jitjieb. Meħtieġ, għalhekk, li jissaħħaħ il-profil professjonali tagħhom, billi jiġu pprovduti strumenti adegwati fuq livell xjentifiku, uman, psikoloġiku u spiritwali għall-formazzjoni tagħhom; kif ukoll billi jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u jiġu garantiti d-drittijiet sabiex ikunu jistgħu joffru s-servizz tagħhom b’dinjità sħiħa.

 

Hawnhekk, l-assoċjazzjonijiet tal-ħaddiema fil-qasam tal-saħħa għandhom rwol importanti, għaliex barra li joffru formazzjoni kostanti, jakkumpanjaw lil kull membru u jgħinuh iħossu parti minn unità waħda u qatt mitluf jew waħdu quddiem l-isfidi etiċi, ekonomiċi u umani li din il-professjoni tista’ ġġib magħha.

 

Lill-qwiebel, b’mod partikulari, li jieħdu ħsieb lin-nisa waqt it-tqala u jgħinuhom fit-twelid ta’ wliedhom, ngħidilhom: xogħolkom huwa fost l-iktar nobbli li jeżistu, għaliex tant marbut direttament mas-servizz lejn il-ħajja u l-maternità. Fil-Bibbja, l-ismijiet ta’ żewġ qwiebel, Sifrua u Pugħa, insibuhom fil-bidu tal-Ktieb tal-Eżodu (ara Eż 1:15-21). Anki llum, Missierna tas-Sema jħares lejkom b’radd il-ħajr.

 

Għeżież infermiera u qwiebel, nittama li din l-okkażżjoni titfa’ dawl fuq l-importanza tad-dinjità tax-xogħol tagħkom, b’tali mod li dan iġib ’il quddiem is-saħħa tas-soċjetà kollha. Lilkom, lill-familji tagħkom u lil dawk li dduru bihom, inwiegħed it-talba tiegħi u minn qalbi nagħtikom il-Barka Appostolika.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 12 ta’ Mejju 2020

 

Franġisku

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona

 


 

[1] Ara Karta ġdida tal-Ħaddiema fil-Qasam tas-Saħħa, nn. 1-8.

[2] Diskors lill-membri tal-Federazzjoni tal-Kollegi Infermiera Professjonali, 3 ta’ Marzu 2018.

[3] Ara Omelija, 9 ta’ April 2020.