Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU

IL-PAPA FRANĠISKU

GĦALL-JUM DINJI TA’ TALB GĦALL-ĦARSIEN TAL-ĦOLQIEN

1 ta’ Settembru 2023

 

“Il-Ġustizzja u l-Paċi jgelglu”

 

Għeżież ħuti,

 

Din is-sena t-tema taż-Żmien ekumeniku tal-Ħolqien hi “Il-ġustizzja u l-paċi jgelglu”, imnebbħa mill-kelmiet tal-Profeta Għamos: “Ħallu l-ġustizzja tgelgel bħall-ilma, u s-sewwa bħal wied ta’ dejjem” (5:24).

 

Din l-immaġni espressiva ta’ Għamos tgħidilna x’jixtieq Alla. Alla jrid li ssaltan il-ġustizzja, li hi essenzali għall-ħajja tagħna ta’ wlied maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla, l-istess kif l-ilma hu għall-għajxien fiżiku tagħna. Din il-ġustizzja trid tfiġġ hemm fejn hi meħtieġa, u mhux tistaħba wisq ’l isfel jew tgħib bħall-ilma li jevapora, qabel ma jista’ jsostnina. Alla jrid li kulħadd ifittex li jkun ġust f’kull sitwazzjoni, li jħabrek dejjem biex jgħix skont il-liġijiet tiegħu u li allura jagħmel possibbli li l-ħajja twarrad fil-milja tagħha. Meta nfittxu qabelxejn is-saltna ta’ Alla (ara Mt 6:33), u nżommu relazzjoni tajba ma’ Alla, l-umanità u n-natura, allura l-ġustizzja u s-sliem jistgħu jgelglu, bħal kurrent bla qies ta’ ilma safi, u jagħtu l-ħajja lill-umanità u lill-ħlejjaq kollha.

 

F’Lulju 2022, f’jum sabiħ tas-sajf, immeditajt fuq dawn l-argumenti matul il-pellegrinaġġ tiegħi fuq ix-xtut tal-Għadira ta’ Sant’Anna, fil-provinċja ta’ Alberta, fil-Kanada. Dik l-għadira kienet u hi post ta’ pellegrinaġġ għal ħafna ġenerazzjonijiet ta’ indiġeni. Kif għidt f’dik l-okkażjoni, imsieħeb mill-ħoss tat-tnabar: “Kemm qlub waslu hawn xewqana u bla nifs, imtaqqla bil-piżijiet tal-ħajja, u qrib dawn l-ilmijiet sabu l-faraġ u l-qawwa biex jibqgħu mexjin ’il quddiem! Hawn ukoll, mgħaddsa fil-ħolqien, hemm taħbita oħra li nistgħu nisimgħu, dik materna tal-art. U kif it-taħbita tat-trabi, sa mill-ġuf, hi f’armonija ma’ dik ta’ ommijiethom, hekk biex nikbru bħala bnedmin għandna bżonn li r-ritmi tal-ħajja nwaħħduhom ma’ dawk tal-ħolqien li jagħtina l-ħajja”.[1]

 

F’dan iż-Żmien tal-Ħolqien, ejjew nieqfu fuq dawn it-taħbitiet tal-qalb: tagħna, dik tal-ommijiet u tan-nanniet tagħna, it-taħbita tal-qalb tal-ħolqien u tal-qalb ta’ Alla. Illum huma ma humiex f’armonija, ma jħabbtux flimkien fil-ġustizzja u fis-sliem. Ħafna huma mċaħħdin milli jaqtgħu l-għatx tagħhom minn din ix-xmara setgħana. Għalhekk ejjew nagħtu widen għas-sejħa li noqogħdu qrib tal-vittmi tal-inġustizzja ambjentali u klimatika, u ntemmu din il-gwerra bla sens li qed issir kontra l-ħolqien.

 

Naraw x’inhuma l-effetti ta’ din il-gwerra f’tant xmajjar li qed jinxfu. “Id-deżerti esterni fid-dinja qed jiżdiedu, għax id-deżerti interni saru tant kbar”, stqarr darba Benedittu XVI.[2] Il-konsumiżmu rgħib, imrewwaħ minn qlub egoisti, qed iqalleb ta’ taħt fuq iċ-ċiklu tal-ilma tal-pjaneta. L-użu sfrenat tal-kombustibbli fossili u t-tneżżigħ tal-foresti qed jgħollu aktar it-temperaturi u jipprovokaw nixfa kbira. Nuqqas ta’ ilma li jbeżżgħek qiegħed dejjem iżjed jattakka l-postijiet fejn ngħixu, mill-komunitajiet żgħar rurali għall-metropoli l-kbar. Barra minn hekk, industriji predatorji qed inixxfu u jniġġsu l-għejun tagħna ta’ ilma tax-xorb bi prattiċi estremi bħalma huma t-tifrik ta’ blat biex jittella’ ż-żejt u l-gass, il-proġetti ta’ estrazzjoni esaġerata u bla kontroll, u t-trobbija intensiva ta’ annimali. “Ħuna l-ilma”, kif isejjaħlu San Franġisk, qed jisfa mħarbat u mibdul f’“oġġett ta’ negozju suġġett għal-liġijiet tas-suq” (Enċiklika Laudato si’, 30).

 

Il-Grupp intergovernattiv tal-Ġnus Magħquda dwar il-bidla fil-klima (IPCC) jafferma li azzjoni urġenti favur il-klima tista’ tiggarantilna li ma nitilfux l-okkażjoni li noħolqu dinja iżjed sostenibbli u ġusta. Nistgħu, għandna nevitaw li jseħħu konsegwenzi agħar. “Hemm ħafna x’jista’ jsir” (ibid., 180), jekk, bħal ħafna nixxigħat u xmajjar, fl-aħħar flimkien ningħaqdu fi xmara b’saħħitha biex insaqqu l-ħajja tal-pjaneta sabiħa tagħna u tal-familja umana għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Ejjew ngħaqqdu flimkien idejna u mmiddu passi qalbiena biex il-ġustizzja u s-sliem igelglu fl-Art kollha.

 

Kif nistgħu ngħinu lix-xmara setgħana tal-ġustizzja u tas-sliem f’dan iż-Żmien tal-Ħolqien? X’nistgħu nagħmlu aħna, fuq kollox bħala Knejjes Insara, biex infejqu lid-dar komuni tagħna b’mod li minnha terġa’ tibda twarrad il-ħajja? Irridu niddeċiedu li nibdlu l-qlub tagħna, l-istili ta’ ħajja tagħna u l-politika pubblika li tiggverna s-soċjetajiet tagħna.

 

L-ewwel ħaġa, ngħinu lil din ix-xmara setgħana billi nibdlu l-qlub tagħna. Dan huwa essenzjali jekk irridu nagħtu bidu għal kull bidla oħra. Hija l-“konverżjoni ekoloġika” li San Ġwanni Pawlu II sejħilna nwettqu: it-tiġdid tar-relazzjoni tagħna mal-ħolqien, biex ma nqisuhx iżjed bħala oġġett li rridu nisfruttaw, imma bil-maqlub, inħarsuh bħala don qaddis tal-Ħallieq. Imbagħad nintebħu li viżjoni ta’ flimkien titlob li nipprattikaw ir-rispett ekoloġiku f’erba’ toroq: lejn Alla, lejn dawk li huma bħalna kemm illum u kemm għada, lejn in-natura kollha u lejna nfusna.

 

Dwar l-ewwel minn dawk id-dimensjonijiet, Benedittu XVI individwa ħtieġa urġenti li nifhmu li Ħolqien u Fidwa ma jistgħux jinfirdu minn xulxin: “Il-Feddej hu l-Ħallieq, u jekk aħna ma nħabbrux lil Alla f’dan il-kobor sħiħ tiegħu – ta’ Ħallieq u ta’ Feddej – inkunu nneżżgħu anki l-Fidwa mill-valur tagħha”.[3] Il-ħolqien jirriferi għall-għemil misterjuż u tal-għaġeb ta’ Alla li mix-xejn joħloq din il-pjaneta maestuża u hekk sabiħa u dan l-univers, u anki għar-riżultat ta’ dak l-għemil, li għadu għaddej, li nesperimentaw bħala don bla tarf. Waqt il-liturġija u t-talb personali fil-“katidral kbir tal-ħolqien”,[4] niftakru fl-Artista l-Kbir li joħloq tant ġmiel u nirriflettu fuq il-misteru tal-għażla kollha mħabba li għamel li joħloq il-kożmu.

 

It-tieni nett, inkunu ngħinu biex din ix-xmara setgħana tkompli tgelgel meta aħna nibdlu l-istili ta’ ħajjitna. Ibda mill-ammirazzjoni kollha gratitudni tal-Ħallieq u tal-ħolqien, nindmu mid-“dnubiet ekoloġiċi” tagħna, kif iwissina ħija, il-Patrijarka Ekumeniku Bartilmew. Dawn id-dnubiet jagħmlu ħsara lid-dinja naturali u anki lil ħutna. Bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla, naddottaw stili ta’ ħajja b’inqas ħela u inqas konsum bla siwi, fuq kollox hemm fejn il-proċessi ta’ produzzjoni huma tossiċi u insostenibbli. Infittxu li nkunu kemm jista’ jkun attenti għad-drawwiet u l-għażliet ekonomiċi tagħna, hekk li kulħadd jista’ jkun aħjar: dawk li huma bħalna, kull fejn jinsabu, u anki wlied uliedna. Nikkollaboraw fil-ħolqien kontinwu ta’ Alla permezz ta’ għażliet pożittivi: nagħmlu użu l-aktar moderat possibbli mir-riżorsi, billi nipprattikaw sobrjetà hienja, billi nużaw u nirriċiklaw dak li jkun għar-rimi u nirrikorru għall-prodotti u għas-servizzi dejjem iżjed disponibbli li huma ekoloġikament u soċjalment responsabbli.

 

Fl-aħħar nett, biex ix-xmara setgħana tkompli tgelgel, irridu nibdlu l-politika pubblika li tiggverna s-soċjetajiet tagħna u ssawwar il-ħajja taż-żgħażagħ tal-lum u ta’ għada. Politika ekonomika li għal ftit nies tiffavorixxi għana skandaluż u għal ħafna kundizzjonijiet baxxi, tkun qed twassal għat-tmiem tas-sliem u tal-ġustizzja. Huwa ovvju li n-Nazzjonijiet l-aktar sinjuri laħqu ġemmgħu “dejn ekoloġiku” (Laudato si’, 51).[5] Il-mexxejja dinjija preżenti għas-summit COP28, skedat għal Dubai mit-30 ta’ Novembru sat-12 ta’ Diċembru ta’ din is-sena, għandhom jagħtu widen lix-xjenza u jibdew tranżizzjoni mgħaġġla u ekwa biex tintemm għalkollox l-era tal-kombustibbli fossili. Skont l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi biex jitwaqqaf ir-riskju tat-tisħin globali, huwa kontra kull sens li nħallu tkompli l-esplorazzjoni u l-espansjoni kontinwa tal-infrastrutturi għall-kombustibbli fossili. Ejjew ngħollu leħinna biex inwaqqfu din l-inġustizzja mal-foqra u ma’ wliedna, li se jġarrbu l-impatt agħar tal-bidla fil-klima. Nappella lill-persuni kollha ta’ rieda tajba biex jaġixxu skont dawn l-orjentamenti fuq is-soċjetà u fuq in-natura.

 

Perspettiva oħra parallela hi speċifika għall-impenn tal-Knisja Kattolika b’riżq is-sinodalità. Din is-sena, l-għeluq taż-Żmien tal-Ħolqien, fl-4 ta’ Ottubru, Festa ta’ San Franġisk, se jaħbat mal-ftuħ tas-Sinodu fuq is-Sinodalità. Bħax-xmajjar li huma mitmugħa minn eluf ta’ nixxigħat żgħar u xmajjar akbar, il-proċess sinodali mibdi f’Ottubru 2021 jistieden lill-komponenti kollha, fuq livell personali u komunitarju, biex jingħaqdu fi xmara maestuża ta’ riflessjoni u tiġdid. Il-Poplu kollu ta’ Alla jiġi milqugħ f’mixja li tinvolvi lil kulħadd fi djalogu u konverżjoni sinodali.

 

Bl-istess mod, bħall-baċir tax-xmara bil-ħafna arterji tiegħu kbar u żgħar tagħha, il-Knisja hi komunjoni ta’ għadd bla tarf ta’ Knejjes lokali, komunitajiet reliġjużi u assoċjazzjonijiet li jgħixu bl-istess ilma. Kull għajn iżżid is-sehem tagħha uniku u li ħadd ma jista’ jeħodlu postu, sakemm kulħadd jingħaqda fl-oċean vast tal-imħabba ħanina ta’ Alla. Bħalma xmara hi għajn ta’ ħajja għall-ambjent ta’ madwarha, hekk il-Knisja sinodali tagħna għandha tkun għajn ta’ ħajja għad-dar komuni u għal dawk kollha li jgħixu fiha. U bħalma xmara tagħti l-ħajja lil kull xorta ta’ speċi ta’ annimali u veġetali, hekk Knisja sinodali trid tagħti l-ħajja billi tiżra’ l-ġustizzja u s-sliem f’kull post li tilħaq.

 

F’Lulju 2022, fil-Kanada, fakkart il-Baħar tal-Galilija fejn Ġesù fejjaq u farraġ tant nies, u fejn hu xandar “rivoluzzjoni ta’ mħabba”. Sirt naf li l-Għadira ta’ Sant’Anna hija wkoll post ta’ fejqan, faraġ u mħabba, post li “jfakkarna li l-fraternità hija vera jekk tgħaqqad flimkien lill-imbiegħda, li l-messaġġ ta’ għaqda li s-Sema jibgħat fuq l-art ma jibżax mid-differenzi u jistedinna għall-komunjoni, għall-komunjoni tad-differenzi, biex nerġgħu nibdew mexjin flimkien, għax ilkoll – ilkoll kemm aħna! – pellegrini f’mixja”.[6]

 

F’dan iż-Żmien tal-Ħolqien, bħala dixxipli ta’ Kristu fil-mixja komuni sinodali tagħna, ejjew ngħixu, naħdmu u nitolbu biex id-dar komuni tagħna toktor mill-ġdid bil-ħajja. L-Ispirtu s-Santu jittajjar mill-ġdid fuq l-ilmijiet u jmexxina biex “inġeddu l-wiċċ tal-art” (ara Salm 104:30).

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 13 ta’ Mejju 2023

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 


 

[1] Omelija ħdejn l-Għadira ta’ Sant’Anna, il-Kanada, 26 ta’ Lulju 2022.

[2] Omelija fl-okkażjoni tal-bidu solenni tal-Ministeru Petrin, 24 ta’ April 2005.

[3] Konverżazzjoni fil-Katidral ta’ Bressanone, 6 ta’ Awwissu 2008.

[4] Messaġġ għall-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien, 21 ta’ Lulju 2022.

[5] “Fil-fatt tabilħaqq jeżisti ‘dejn ekoloġiku’, fuq kollox bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, marbut ma’ żbilanċi kummerċjali b’konsegwenzi fil-qasam ekoloġiku, kif ukoll mal-użu sproporzjonat tar-riżorsi naturali storikament imwettaq minn xi pajjiż” ( Laudato si’, 51).

[6] Omelija ħdejn l-Għadira ta’ Sant’Anna, il-Kanada, 26 ta’ Lulju 2022.