Laikos

 

Powerpoint dwar il-Messaġġ tal-Papa Franġisku għal Jum il-Foqra 2021 ...

Ara wkoll posters bil-messaġġ ...


 

MESSAĠĠ TAL-PAPA FRANĠISKU

ĦAMES JUM DINJI TAL-FQAR

33 Ħadd matul is-Sena
14 ta’ Novembru 2021

 

«Il-fqar issibuhom dejjem magħkom.» (Mk 14,7)

 

1. «Il-fqar issibuhom dejjem magħkomi» (Mk 14,7). Ġesù qal dawn il-kelmiet waqt ikla, f’Betanja, fid-dar ta’ ċertu Xmun imlaqqam “l-imġiddem”, ftit jiem qabel l-Għid. Bħalma jirrakkonta l-evanġelista, daħlet waħda mara b’vażett tal-alabastru mimli b’żejt ifuħ ta’ nard pur, jiswa ħafna, u ferrgħet iż-żejt fuq ras Ġesù. Dan il-ġest qalqal stagħġib kbir. Ta’ dan kien hemm żewġ interpretazzjonijiet differenti għalkollox.

L-ewwel interpretazzjoni kienet l-istmerrija ta’ wħud minn dawk preżenti, fosthom anke xi dixxipli, li qalu li l-valur tal-fwieħa – madwar 300 dinar huwa ekwivalenti ta’ paga ta’ ħaddiem ta’ sena sħiħa. Huma jaħsbu li kien ikun aħjar kieku jinbigħ u l-flus tiegħu jingħataw lill-fqar. Skont il-Vanġelu ta’ San Ġwann, kien Ġuda li ħa din il-pożizzjoni: «Din il-fwieħa għax ma nbigħetx tliet mitt dinar biex jingħataw lill-foqra?». U l-Evanġelista jinnota: «Issa dan qalu mhux għax kien jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u, billi hu kien il-kaxxier, kien jisraq kulma kienu jaqilgħu» (Ġw 12,5-6). Issa dan mhux b’kumbinazzjoni li kritika iebsa bħal din ġiet mingħand wieħed traditur: u dan juri li dawk li ma jirrispettawx lill-fqar huma tradituri tat-tagħlim ta’ Ġesù u ma jistgħux ikunu dixxipli tiegħu. Dwar dan, Oriġene għandu dawn il-kelmiet iebsa: «Ġuda jilgħabha li kien jimpurtah mill-fqar […]. Jekk illum, fi żmienna, min għandu f’idejh il-ġid tal-Knisja u jitkellem favur il-fqar bħal Ġuda, imma mbagħad jieħu dak li jitfgħu huma, allura jieħu sehemu flimkien ma’ Ġuda» (Kumment għall-Vanġeu ta’ San Mattew, 11, 9).

It-tieni interpretazzjoni jagħtiha Ġesù nnifsu, u tgħinna napprezzaw is-sens profond ta’ dak il-ġest li għamlet il-mara. Hu jgħid: «Ħalluha; għala qegħdin iddejquha? Ħaġa tajba għamlet miegħi.» (Mk 14,6). Ġesù jaf li mewtu tinsab fil-qrib, u f’dak il-ġest jara antiċipazzjoni tad-dilka ta’ ġismu bla ħajja qabel id-difna. Dan kien ħafna ʼl bogħod minn dak li kienu qed jistennew in-nies li kienu hemm dak il-ħin. Ġesù jfakkarhom li l-ewwel fqir kien hu nnifsu, l-ifqar fost il-fqar, għax hu jirrappreżenta lilhom ilkoll. U l-Iben t’Alla jaċċetta il-ġest ta’ dik il-mara anke f’isem il-fqar, f’isem in-nies waħedhom, l-emarġinati u diskriminati. Dik il-mara, bis-sensibbilità tagħha ta’ mara, turi li kienet l-unika waħda li fehmet dak li kien qed iħoss il-Mulej. Din il-mara bla isem, forsi l-missjoni tagħha kienet li tirrappreżenta lil dawk in-nisa kollha li tul is-sekli ma kellhomx vuċi jew sofrew vjolenza; u b’hekk saret l-ewwel waħda fost dawk in-nisa li ħadu sehem fl-iktar mument importanti fil-ħajja ta’ Kristu: it-tislib tiegħu, il-mewt u d-difna u l-qawmien tiegħu. In-nisa, ta’ spiss diskriminati u esklużi minn pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà, fil-Vanġelu narawhom isiru protagonisti fl-istorja tar-rivelazzjoni. Kemm hi qawwija l-kelma li jgħid Ġesù fl-aħħar, meta jorbot lil din il-mara mal-missjoni kbira ta’ evanġelizzazzjoni: «Tassew ngħidilkom, li kull fejn jixxandar l-Evanġelju fid-dinja kollha, li għamlet din jingħad ukoll, b’tifkira tagħha.» (Mk 14,9).

2. Din l-“empatija” qawwija bejn Ġesù u l-mara, u l-mod kif interpreta huwa stess din id-dilka tagħha, b’kuntrast mal-mod kif skandalizza ruħu Ġuda u oħrajn, iwassluna biex nirriflettu dwar ir-rabta kbira li hemm bejn Ġesù, il-fqar u x-xandir tal-Vanġelu.

Fil-fatt, il-wiċċ ta’ Alla li jurina Ġesù huwa dak ta’ Missier li jinteressah fil-fqar u qrib tagħhom.  Ġesù dejjem jurina li l-faqar mhuwiex riżultat tad-destin, imma huwa sinjal ċar tal-preżenza tiegħu fostna. Lil Alla ma nsibuhx meta u fejn irridu aħna, imma nagħrfuh fil-ħajja tal-fqar, fit-tbatija u l-ħtiġijiet tagħhom, fil-kundizzjonijiet spiss diżumani li fihom ikollhom jgħixu. Ma nixba qatt nirrepeti li l-fqar huma evanġelizzaturi veri, għax kienu huma l-ewwel li ġew evanġelizzati u msejħin biex ikollhom sehem mill-ferħ tal-Mulej u s-Saltna tiegħu. (cfr Mt 5,3).

Il-fqar dejjem u kullimkien jevanġelizzawna, għaliex jippermettulna li niskopru b’mod ġdid il-wiċċ veru tal-Missier. «Huma għandhom ħafna x’jgħallmuna.  Barra li għandhom sehem fis-sensus fidei, bit-tbatijiet tagħhom huma jiltaqgħu ma’ Kristu li jbati.  Hemm bżonn li lkoll kemm aħna nħallu lilhom jevanġelizzawna.  L-evanġelizzazzjoni ġdida hi stedina biex nagħrfu l-qawwa feddejja tal-ħajjiet tagħhom u nqiegħduhom fil-qalba tal-mixja tal-Knisja.  Aħna fihom imsejħin niskopru lil Kristu, noffrulhom il-vuċi tagħna favur il-kawżi tagħhom, imma anki li nkunu ħbieb tagħhom, nisimgħuhom, nifhmuhom u nilqgħu l-għerf misterjuż li Alla jrid iwasslilna permezz tagħhom.  L-impenn tagħna m’għandux jissarraf esklussivament f’għemejjel u fi programmi ta’ promozzjoni u għajnuna; dak li l-Ispirtu jqanqal mhux attiviżmu żejjed, imma qabelxejn attenzjoni għall-ieħor “billi nqisuh qisu kien ħaġa waħda magħna nfusna”. Din l-attenzjoni ta’ mħabba hi l-bidu ta’ tħassib veru għall-persuna tiegħu u rridu nitilqu minnha biex nistgħu nfittxu b’mod effettiv il-ġid tiegħu.» (Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, 198-199).

3. Ġesù mhux biss jinsab man-naħa tal-fqar, imma jaqsam magħhom l-istess xorti tagħhom. Din hija wkoll tagħlima kbira għad-dixxipli tiegħu f’kull żmien. Il-kelmiet tiegħu “il-fqar issibuhom dejjem magħkom” juruna dan: il-fqar fostna ma jonqsu qatt, iżda dan ma jridx iwassalna biex tant nidrawhom li nsiru indifferenti għalihom, imma dan għandu jwassalna biex naqsmu ħajjitna magħhom, bla ma nfarfru dan fuq ħaddieħor. Il-fqar mhumiex “barranin” għall-komunità, imma aħwa li għandna naqsmu t-tbatijiet tagħhom, fi sforz biex intaffu d-diffikultajiet u l-marġinalizzazzjoni tagħhom, irroddulhom lura d-dinjità tagħhom, u niżguraw l-inklużjoni soċjali tagħhom li hija meħtieġa. Min-naħa l-oħra, nafu li meta jkun hemm att ta’ karità ikun hemm xi ħadd li jagħti u xi ħadd li jirċievi, filwaqt li l-qsim reċiproku jiġġenera l-fraternità. L-għoti ta’ karità hi xi ħaġa ta’ kultant, filwaqt li l-qsim reċiproku jista’ jsir dejjem. Tal-ewwel (l-għoti ta’ karità) hemm ir-riskju li jissodisfa lil dawk li jwettquh u jumilja lil min jirċevih; dak tal-aħħar (il-qsim reċiproku) isaħħaħ is-solidarjetà u jistabbilixxi l-pedamenti meħtieġa biex tinkiseb il-ġustizzja. Insomma, dawk li jemmnu, meta jkunu jridu jaraw lil Ġesù personalment u jmissuh b’idejhom, jafu fejn għandhom imorru: il-fqar huma sagrament ta’ Kristu, jirrappreżentaw lilu u jippuntaw lejh.

Għandna tant eżempji ta’ qaddisin li l-proġett ta’ ħajjithom kien il-qsim reċiproku mal-fqar. Jiġini f’moħħi, fost l-oħrajn, Father Damian de Veuster, l-appostlu qaddis tal-lebbrużi. B’ġenerożità liema bħalha wieġeb għas-sejħa biex imur fil-gżira ta’ Molokaj, li kienet saret post aċċessibbli biss għal-lebbrużi, biex imur jgħix u jmut magħhom. Xammar il-kmiem u għamel ħiltu kollha biex itejjeb il-ħajja ta’ dawk il-fqar, morda u emarġinati. Hu sar tabib u ners, bla ma ta kas tar-riskji għal ħajtu, u ġab id-dawl tal-imħabba f’dik “il-kolonja tal-mewt”, kif kienet tissejjaħ dik il-gżira.  Il-lebbra laqtet lilu wkoll, sinjal li hu qasam kollox ma’ dawk l-aħwa li kien ta ħajtu għalihom. Ix-xhieda tiegħu hi f’waqtha anke għal żmienna, żmien immarkat mill-imxija tal-coronavirus: ċertament li l-grazzja t’Alla qed taħdem f’ħafna qlub, li bla ma jidhru, qed jagħtu ħajjithom għall-ifqar nies billi b’mod konkret jaqsmu kollox magħhom.

4. Jeħtieġ għalhekk li nagħmlu tagħna, b’konvinzjoni kbira, l-istedina tal-Mulej: «Indmu u emmnu fl-Evanġelju» (Mk 1,15). Din il-konverżjoni tikkonsisti l-ewwelnett li niftħu qalbna biex nagħrfu d-diversi tipi ta’ faqar li hawn u li nagħtu xhieda tas-Saltna t’Alla permezz tal-istil ta’ ħajja li ngħixu, li jkun jaqbel mal-fidi li nistqarru. Ta’ spiss il-fqar huma meqjusa bħala nies maqtugħin f’kategorija għalihom, bħala nies li jeħtieġu servizzi speċifiċi ta’ karità. Madanakollu, meta inti timxi wara Ġesù, dan iġib miegħu bidla fil-ħsieb, jiġifieri li tibda tħaddan l-isfida tal-qsim u involviment reċiproku. Li tkun dixxiplu tiegħu ifisser li inti tagħżel li ma ġġemmax teżori fuq l-art, li jagħtuk l-illużjoni ta’ sigurtà li fir-rejaltà hija falza u fraġli. Għall-kuntrarju, dan jitlob minnek ir-rieda li tinħeles minn kull rabta li ma tħallikx tikseb l-hena tassew, u biex inti tagħraf dak li jibqa’ għal dejjem, dak li ma jista’ jinqered minn xejn u minn ħadd. (cfr Mt 6,19-20).

Hawnhekk ukoll it-tagħlim ta’ Ġesù jmur kontra l-kurrent, għaliex iwiegħed dak li l-għajnejn tal-fidi biss jistgħu jaraw u jesperjenzjaw b’ċertezza sħiħa: «Kulmin iħalli djar, aħwa – subien u bniet – missirijiet, ommijiet jew għelieqi minħabba fija, jirċievi kollox għal mitt darba iktar, u jkollu b’sehmu l-ħajja ta’ dejjem» (Mt 19,29). Jekk ma nagħżlux li nsiru fqar fil-ġid li jgħaddi, fil-poter tad-dinja u fil-vanaglorja, qatt ma nkunu nistgħu nagħtu ħajjitna bl-imħabba. Inkunu qed ngħixu ħajja f’ħafna biċċiet: mimlija intenzjonijiet tajba, imma li m’għandhiex il-ħila li tibdel id-dinja. Għandna bżonn, għalhekk, li niftħu qalbna b’mod deċiżiv għall-grazzja ta’ Kristu, li tista’ tagħmilna xhieda tal-imħabba tiegħu li hi bla tarf, u li terġa’ tagħti kredibilità għall-preżenza tagħna fid-dinja.

5. Il-Vanġelu ta’ Kristu jimbuttana biex ikollna attenzjoni partikulari ħafna lejn il-fqar, u jitlobna biex nagħrfu l-forom differenti, li huma ħafna, ta’ diżordni morali u soċjali li dejjem inisslu forom ġodda ta’ faqar.  Tidher li dieħla sew l-idea li l-fqar mhux biss huma responsabbli għall-qagħda li jinsabu fiha, imma li huma ta’ piż intollerabbli fuq is-sistema ekonomika, li hi ffukata biss fuq l-interessi ta’ ftit gruppi privileġġati. Suq li jinjora jew jagħżel hu stess il-prinċipji etiċi, joħloq kundizzjonijiet li xejn mhuma umani, u dan b’dannu għal persuni li diġà jinsabu f’qagħda mwiegħra. Qegħdin nassistu għal ħolqien ta’ nases ġodda ta’ faqar u esklużjoni, maħluqa min-nies bla ebda skruplu li jaħdmu fis-settur ekonomiku u finanzjarju, u li m’għandhom l-ebda sens umanitarju jew responsabbiltà soċjali.

Is-sena li għaddiet, kellna pjaga oħra li kompliet żiedet in-numru tal-fqar: l-imxija tal-coronavirus, li qed tkompli taffettwa miljuni ta’ nies, u anke jekk ma ġġibx magħha tbatija u mewt, iġġib magħha l-faqar. Il-fqar żdiedu b’mod sproporzjonat, u sfortunatament se jkomplu jiżdiedu fix-xhur li ġejjin. Xi pajjiżi qed isofru konsegwenzi gravi ħafna minħabba l-imxija, tant li l-iżjed nies vulnerabbli lanqas biss għad għandhom il-ħtiġijiet bażiċi. Il-kjuwijiet twal quddiem il-kċejjen għall-fqar, huma sinjal li tmissu b’idejk ta’ kemm l-affarijiet marru għall-agħar. Jeħtieġ tingħata attenzjoni kbira biex jinstabu l-iktar mezzi xierqa biex niġġieldu l-virus fuq livell globali, mingħajr ma nħarsu lejn xi interessi ta’ xi naħa jew oħra. Partikularment huwa urġenti li jingħataw tweġibiet konkreti lil min jinsab bla xogħol, fost dawn ħafna missirijiet ta’ familji, nisa u żgħażagħ. Is-solidarjetà soċjali u l-ġenerożità ta’ ħafna nies – u ta’ dan nirringrazzjaw lil Alla – flimkien ma’ proġetti ta’ promozzjoni umana li jħarsu fit-tul, qed jagħtu u se jkomplu jagħtu kontribut tant meħtieġ f’din is-sitwazzjoni.

6. Minkejja dan kollu, tibqa’ mistoqsija oħra, li xejn ma hija ovvja: kif se nagħtu tweġiba konkreta lil miljuni ta’ fqar li kulma jsibu ma’ wiċċhom hija l-indifferenza, jekk mhux ukoll ikun hemm min jagħtihom fastidju?  Liema triq jeħtieġ naqbdu sabiex issir ġustizzja u jinegħlbu d-differenzi soċjali u biex terġa’ tintradd lura d-dinjità tal-bniedem li spiss hija mitfugħa taħt is-saqajn? L-istil ta’ ħajja individwalista iwassal biex jinħoloq aktar faqar, u biex jingħata t-tort kollu lill-fqar għas-sitwazzjoni li jinsabu fiha. Iżda l-faqar mhuwiex tort tad-destin, imma riżultat tal-egoiżmu. Għaldaqstant huwa meħtieġ li jinbdew proċessi ta’ żvulupp fejn il-kapċitajiet ta’ kulħadd jingħataw valur, u sabiex il-ħiliet u d-diversità ta’ kulħadd iwasslu biex ikun hemm iktar parteċipazzjoni minn kulħadd. Hemm ħafna forom ta’ faqar fost “is-sinjuri”, u dawn jistgħu jitfejqu mill-ġid tal-“fqar”, imma dan iseħħ jekk dawn jiltaqgħu bejniethom u jsiru jafu lil xulxin! Ħadd mhu daqshekk fqir li m’għandu xejn x’jagħti. Il-fqar ma jistgħux ikunu biss dawk li jirċievu; huma għandhom ikollhom il-possibiltà li jagħtu xi ħaġa, għax huma jafu sew kif iwieġbu b’ġenerozità. Kemm naraw b’għajnejna eżempji ta’ qsim! Il-fqar spiss jgħallmuna kif għandha tkun is-soliderjetà u l-qsim tal-ġid. Huwa minnu li huma persuni li jonqoshom xi affarijiet, u ħafna drabi jkun jonqoshom ħafna affarijiet, kultant anke dak li hu meħtieġ, imma mhumex nies li m’għandhom xejn, għax fihom hemm id-dinjità ta’ wlied Alla, u dan ħadd u xejn ma jista’ jeħodhielhom.

7. Minħabba dan, jeħtieġ li naraw il-faqar b’mod differenti. Din hija sfida li għandhom jilqgħu il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet tad-dinja biex iħarsu lejn mudell soċjali ġdid, li jkun kapaċi li jeħodha kontra forom ġodda ta’ faqar li qed jinvadu d-dinja kollha u li se jibqgħu magħna fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. Jekk il-fqar jingħataw il-ġenb, bħallikieku huwa tort tagħhom tal-qagħda li jinsabu fiha, allura l-istess kunċett ta’ demokrazija jinsab fi kriżi, u tfalli kull tip ta’ politika soċjali. Bl-umiltà kollha jeħtieġ nistqarru li quddiem il-fqar, aħna sirna qabda nies inkompetenti.  Meta nitkellmu dwarhom, nitkellmu fl-ajru, noqogħdu nsemmu l-istatistika u nippruvaw noqogħdu nbikku n-nies billi nippreżentawlhom xi dokumentarju. Għall-kuntrarju, il-faqar jeħtieġ li jqanqalna biex nipproġettaw b’mod krejattiv, u l-għan tagħna għandu jkun li nkabbru l-libertà meħtieġa biex kulħadd jista’ jgħix ħajtu skont il-kapaċitajiet tiegħu. Aħna rridu nkun kontra l-illużjoni li l-libertà tiksibha u tkabbarha skont kemm għandek flus. Jekk aħna rridu naqdu lill-fqar b’mod effettiv, jeħtieġ li naħdmu biex insibu l-iktar mezzi adattati biex ngħollu u nippromwovu dawn in-nies, li spiss huma anonimi u bla vuċi, imma li fuq wiċċhom għandhom stampat wiċċ is-Salvatur li qed jitlob l-għajnuna.

8. «Il-fqar issibuhom dejjem magħkom.» (Mk 14,7).  Hija stedina biex ma ninsew qatt l-opportunità li qed tingħatalna li nagħmlu l-ġid. Dan ifakkarna fil-kmand li nsibu fit-Testment il-Qadim: «Jekk ikun hemm xi ħadd fil-bżonn minn fost ħutek f’xi waħda minn bliet artek, li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik, la twebbisx qalbek u tagħlaqx idek għal ħuk fil-bżonn. Imma iftaħ idek miegħu, u isilfu skont ma jkollu bżonn.. […] Għax qatt ma jonqos xi ħadd fil-bżonn fil-pajjiż; għalhekk jien nordnalek u ngħidlek: Iftaħ idek sewwa ma’ ħuk, mal-fqir u mal-miskin f’artek.» (Dewt 15,7-8.10-11). L-istess ħsieb jurih ukoll l-appostlu Pawlu meta jħeġġeġ lill-insara tal-komunitajiet tiegħu biex jgħinu lill-fqar tal-ewwel komunità ta’ Ġerusalemm, u dan jagħmluh «mhux fuq il-qalb jew bilfors; għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ. » (2 Kor 9,7). U dan mhux biex inserrħu l-kuxjenza tagħna billi nagħmlu xi ftit karità, imma pjuttost biex neħduha kontra l-kultura tal-indifferenza u tal-inġustizzja li jħabbtu wiċċhom magħha l-fqar.

F’dan il-kuntest nagħmlu tajjeb infakkru l-kliem ta’ San Ġwann Kriżostmu: «Min hu ġeneruż m’għandux għalfejn jitlob kont tal-imġieba tal-fqar, imma ħsiebu biss biex itejjeb il-qagħda tagħhom u jtaffi l-bżonnijiet tagħhom. Il-fqir għandu inkwiet wieħed biss: il-faqar tiegħu u l-bżonn li jinsab fih. Titlob xejn mingħandu; iżda anke jekk dak il-bniedem fqir hu l-agħar bniedem li hawn fid-dinja, jekk hu jkun nieqes minn dak li hu neċessarju, allura int eħilsu mill-ġuħ... […] Il-bniedem li jħenn huwa bħal port għal min jinsab fil-bżonn: il-port jilqa’ lil dak li jkun u jeħles mill-periklu lil dawk kollha li jkunu ħelsu mill-għarqa; kemm jekk huma nies ħżiena, kemm jekk tajbin, huma min huma dawk li jkunu f’periklu il-port jagħtihom kenn u jqegħdhom fil-bokka tiegħu. Int ukoll, mela. Meta tara bniedem li ra l-għarqa minħabba l-faqar, tiġġudikahx, toqogħodx tistaqsi jekk hux raġel tajjeb jew ħażin, imma eħilsu mill-qagħda li jinsab fiha» (Diskorsi dwar il-fqir Lazzru, II, 5).

9. Hu meħtieġ ħafna li tiżdied is-sensibilità biex nifhmu l-bżonnijiet tal-fqar, bżonnijiet li dejjem jinbidlu bħalma jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-ħajja. Fil-fatt, illum fl-iktar inħawi ekonomikament żviluppati tad-dinja in-nies huma inqas lesti, milli kienu qabel, biex jgħinu lill-fqar. Meta dak li jkun jdira jgħix ħajja relattivament komda, din tagħmilha iktar diffiċli biex dak li jkun jaċċetta li jagħmel sagrifiċċji jew li jibqa’ nieqes minn xi affarijiet. In-nies huma lesti jagħmlu kollox, basta ma jkun jonqoshom xejn minn dak  li soltu jkollhom. Imbagħad bħala riżultat jispiċċa jkollhom ħafna risentiment, nervi li jwasslu għall-biża’, dwejjaq u xi drabi anke vjolenza. Dan mhux mod kif nibnu l-futur: dawn l-atteġġamenti huma fihom infushom forom ta’ faqar li ma nistgħux ma nagħtux kashom. Jeħtieġ li nkunu attenti biex naqraw is-sinjali taż-żminijiet li jitolbuna nfittxu modi ġodda ta’ kif nevanġelizzaw fid-dinja tal-lum. L-għajnuna immedjata biex ngħinu fil-bżonnijiet li jkollhom il-fqar ma ċċaħħadniex milli nħarsu ʼl quddiem u nimplimentaw sinjali ġodda tal-imħabba nisranija bħala tweġiba għal faqar ġdid li l-bniedem tal-lum qed iħabbat wiċċu miegħu.

Nawgura li l-Jum Dinji tal-Fqar, li din is-sena hi l-ħames sena tiegħu, ikompli jikber dejjem iżjed fil-Knejjes lokali, u jkun ta’ ispirazzjoni ta’ moviment ta’ evanġelizzazzjoni li jiltaqa’ mal-fqar jinsabu fejn jinsabu. Ma noqogħdux nistennew li jiġu jħabbtulna l-bieb. Jeħtieġ – u dan hu urġenti – li mmorru aħna fid-djar tagħhom, fl-isptarijiet u fir-residenzi fejn jinsabu, fit-toroq u fl-irkejjen mudlama fejn kultant imorru jinħbew, jew f’ċentri fejn imorru jsibu kenn u għajnuna… Huwa meħtieġ li aħna nifhmu kif iħossuhom huma, x’esperjenzi jiltaqgħu magħhom u x’inhuma x-xewqat li hemm f’qalbhom. Nagħmlu tagħna l-kliem meqjus ta’ Don Primo Mazzolari: «Nitlobkom, toqogħdux tistaqsuni jekk hemmx nies fqar, jew min huma u kemm huma, għax wisq nibża’ li dawn il-mistoqsijiet isiru qishom distrazzjoni, biex aħna nsikktu l-leħen tal-kuxjenza u tal-qalb. […] Jien qatt ma mort ngħodd il-fqar, għax ma tistax tgħoddhom: il-fqar trid tgħannaqhom, mhux tgħoddhom» (“Adesso” n. 7 – 15 April 1949). Il-fqar jinsabu fostna. Kemm tkun ħaġa verament evanġelika li kieku nistgħu ngħidu bil-verità kollha: aħna wkoll fqar, għax b’hekk biss nistgħu nagħrfuhom tassew, nagħmluhom parti mill-ħajja tagħna, u għodda biex permezz tagħhom aħna nistgħu nsalvaw.

Ruma, San Ġwann fil-Lateran, 13 ta’ Ġunju 2021,
Tifkira ta’ Sant’Antnin ta’ Padova

 

FRANĠISKU

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes