Laikos

 

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

IS-VII JUM DINJI TAL-FOQRA

 

It-XXXIII Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

19 ta’ Novembru 2023

 

“Iddawwarx ħarstek mill-ebda fqir” (Tob 4:7)


1. Il-Jum Dinji tal-Foqra, sinjal għammiel tal-ħniena ta’ Alla, għas-seba’ darba qiegħed hawn biex iwieżen il-mixja tal-komunitajiet tagħna. Huwa appuntament li ftit ftit il-Knisja qed tniżżel għeruqu fil-pastorali tagħha, biex tiskopri kull darba iktar il-kontenut ċentrali tal-Vanġelu. Ta’ kuljum aħna impenjati biex nilqgħu l-foqra, imma qatt mhu biżżejjed. Hemm xmara ta’ faqar taqsam il-bliet tagħna u qed issir dejjem ikbar hekk li qed tfur; dik ix-xmara donnha qed tgħarraqna, tant kemm il-karba ta’ ħutna li qed jitolbu l-għajnuna, is-sostenn u s-solidarjetà tagħna dejjem qed togħla iżjed qawwija. Għalhekk, fil-Ħadd li jiġi qabel il-Festa ta’ Ġesù Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu, ninġabru madwar il-Mejda tiegħu biex nirċievu mill-ġdid mingħandu d-don u l-impenn li ngħixu l-faqar u naqdu lill-foqra.

 

“Iddawwarx ħarstek mill-ebda fqir” (Tob 4:7). Din il-Kelma tgħinna nifhmu l-essenza tax-xhieda tagħna. Nieqfu ftit fuq il-Ktieb ta’ Tobit, test ftit li xejn magħruf tat-Testment il-Qadim, interessanti u mimli għerf, u dan jista’ jgħinna nidħlu aħjar fil-kontenut li l-awtur sagru jixtieq jgħaddilna. Quddiemna tinfetaħ xena ta’ ħajja ta’ familja: missier, Tobit, isellem lil ibnu, Tobija, li se jitlaq fuq vjaġġ twil. Ix-xwejjaħ Tobit jibża’ li mhux se jkun jista’ jara iżjed lil ibnu u għalhekk iħallilu t-“testment spiritwali” tiegħu. Hu kien wieħed minn dawk eżiljati f’Ninwè u issa hu agħma, jiġifieri doppjament fqir, imma dejjem kellu ċertezza, espressa mill-isem li jġorr: “il-Mulej kien il-ġid tiegħi”. Dan ir-raġel, li dejjem fada fil-Mulej, ta’ missier tajjeb li hu jixtieq iħalli lil ibnu mhux tant xi ġid materjali, imma x-xhieda tal-mixja li għandu jterraq fil-ħajja, u għalhekk jgħidlu: “Kemm iddum ħaj, ibni, ftakar dejjem fil-Mulej u ara li ma jfettillekx tidneb jew tikser il-kmandamenti tiegħu. Agħmel is-sewwa l-jiem kollha ta’ ħajtek, u taqbadx it-triq tal-ħażen” (4:5).

 

2. Kif nistgħu nosservaw minnufih, dak li x-xwejjaħ Tobit talab lil ibnu jiftakar ma kienx limitat biss għal sempliċi att tal-memorja jew għal talba quddiem Alla. Hu jirriferi għal ġesti konkreti li jikkonsistu fit-twettiq ta’ opri tajba u f’għajxien bil-ġustizzja. Din l-eżortazzjoni hi aktar speċifika: “Mill-ġid li jkollok agħmel il-karità, u qatt tagħti b’nofs qalb” (4:7).

 

Jgħaġġbuna mhux ftit il-kelmiet ta’ dan ix-xwejjaħ għaref. Fil-fatt, ejjew ma ninsewx li Tobit tilef id-dawl proprju wara li wettaq att ta’ ħniena. Kif hu stess jirrakkonta, ħajtu sa minn żgħożitu kienet iddedikata lil opri ta’ karità: “Kont nagħmel ħafna karità ma’ ħuti u ma’ ġensi, li kienu ġew miegħi fl-art tal-Assiri, f’Ninwè. […] Ħobżi kont inqassmu lill-imġewħin, u ħwejġi lill-għarwenin; u jekk kont nara lil xi ħadd minn ġensi mejjet mixħut barra l-ħitan ta’ Ninwè, kont nidfnu” (1:3,17).

 

Għal din ix-xhieda tiegħu ta’ karità, is-sultan kien ċaħħdu minn ġidu kollu u wasal biex faqqru għalkollox. Imma l-Mulej kien għad għandu bżonnu; meta reġa’ ħa lura postu ta’ amministratur, ma beżax ikompli fl-istil ta’ ħajja li kellu. Nisimgħu r-rakkont tiegħu, li għadu jkellem lilna wkoll illum: “Kienet il-festa tagħna ta’ Għid il-Ħamsin, il-festa tal-ġimgħat; dakinhar għamluli pranzu kbir u jien inxtħett biex niekol. Il-mejda kienet lesta, u ħejjewli ħafna ikel, u jien għedt lil ibni Tobija: ‘Mur ibni, u ara ssibx lil xi ħadd fqir minn ħutna l-itturufnati f’Ninwè, wieħed li jiftakar fil-Mulej b’qalbu kollu, u ġibu hawn biex jiekol magħna. Nistennik, ibni, sa ma terġa’ tiġi’” (2:1-2). Kemm tkun ħaġa li tfisser kieku, f’Jum il-Foqra, din il-preokkupazzjoni ta’ Tobit nagħmluha tagħna wkoll! Nistiednu lil min jaqsam magħna l-ikla tal-Ħadd, wara li nkunu qsamna l-Ikla Ewkaristika. L-Ewkaristija ċċelebrata ssir tabilħaqq kriterju ta’ komunjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, jekk madwar l-altar tal-Mulej aħna konxji li aħna lkoll aħwa, kemm tidher iżjed din il-fraternità meta naqsmu l-ikla tal-festa ma’ min hu mċaħħad mill-meħtieġ!

 

Tobija għamel kulma qallu missieru, imma reġa’ lura bl-aħbar li wieħed fqir kien ġie maqtul u tħalla f’nofs il-pjazza. Bla ma qagħad itella’ u jniżżel, ix-xwejjaħ Tobit qam mill-mejda u mar jidfen lil dak ir-raġel. Lura d-dar għajjien, raqad fil-bitħa; fuq għajnejh waqa’ l-ħmieġ tal-għasafar u għama (ara 2:1-10). X’xorti ħażina dik: tagħmel ġest ta’ karità u tiġrilek diżgrazzja! Hekk jiġina li naħsbu; imma l-fidi tgħallimna ninżlu iżjed fil-fond. L-għama ta’ Tobit isir il-qawwa tiegħu biex jista’ jagħraf aħjar tant għamliet ta’ faqar li bihom kien imdawwar. U l-Mulej, xħin ried hu, ipprovda biex irodd lill-missier xwejjaħ id-dawl u l-ferħ li jerġa’ jara lil ibnu Tobija. Meta wasal il-jum, “Tobit inxteħet fuq għonq ibnu u nfexx f’bikja: ‘Qiegħed narak, ibni, id-dawl ta’ għajnejja’. ‘Imbierek Alla’, issokta jgħid, ‘u mbierek l-isem kbir tiegħu, u mberkin l-anġli qaddisa tiegħu. Kbir ismu fuqna, u mberkin l-anġli tiegħu għal dejjem ta’ dejjem. Wara li kkastigani, issa, ara, jien qiegħed nara lil ibni Tobija’” (11:13-14).

 

3. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: mnejn ġabhom Tobit il-kuraġġ u l-qawwa interjuri li bihom seta’ jaqdi lil Alla qalb poplu pagan u tant iħobb lill-proxxmu li jasal jirriskja ħajtu stess? Ninsabu quddiem eżempju straordinarju: Tobit hu raġel miżżewweġ fidil u missier attent; ġie meħud bogħod minn artu u bata inġustament; ġie ppersegwitat mis-sultan u mill-ġirien… Minkejja li għandu qalbu daqshekk tajba, jiġi ppruvat. Kif spiss tgħallimna l-Iskrittura Mqaddsa, Alla lil dawk li jagħmlu t-tajjeb ma jħallihomx nieqsa mill-provi. Għaliex? Ma jagħmilx hekk biex jumiljana, imma biex isaħħaħ aktar il-fidi tagħna fih.

 

Tobit, fil-mument tal-prova, jiskopri l-faqar tiegħu, li jagħmlu kapaċi jagħraf il-foqra. Huwa fidil lejn il-Liġi ta’ Alla u josserva l-Kmandamenti, imma dan għalih mhux biżżejjed. L-attenzjoni vera lejn il-foqra hi possibbli għalih għax daq hu stess il-faqar fuq ġildu. Għalhekk, il-kliem li hu jgħid lil ibnu Tobija huma l-wirt ġenwin tiegħu: “Iddawwarx ħarstek mill-ebda fqir” (4:7). F’kelma waħda, meta nsibu ruħna quddiem fqir, ma nistgħux indawru wiċċna band’oħra, għax inkunu nżommu lilna nfusna milli niltaqgħu mal-wiċċ tal-Mulej Ġesù. U ninnutaw tajjeb dik l-espressjoni “mill-ebda fqir”. Kulħadd hu proxxmu tagħna. Ma jagħmlux differenza l-kulur tal-ġilda, il-qagħda soċjali, il-provenjenza… Jekk jiena fqir, nista’ nagħraf lil min hu tassew ħija li għandu bżonn tiegħi. Aħna msejħin niltaqgħu ma’ kull fqir u kull xorta ta’ faqar, u nneħħu minna l-indifferenza u l-banalità li bihom ninħbew wara benessri illużorju.

 

4. Qed ngħixu mument fl-istorja li ma tantx jagħti attenzjoni lill-iżjed foqra. Il-volum tas-sejħa għall-benessri dejjem qed jogħla iżjed, waqt li qed jisfaw imsikkta l-ilħna li ta’ min qed jgħix fil-faqar. It-tendenza hi li nittraskuraw dak kollu li ma jidħolx fil-mudelli tal-ħajja ddestinati fuq kollox għall-ġenerazzjonijiet l-aktar żgħar, li huma l-aktar dgħajfa quddiem il-bidla kulturali li għaddejja. Nixħtu fil-parentesi dak li ma jogħġobniex jew iġib it-tbatija, waqt li ngħollu ’l fuq il-kwalitajiet fiżiċi bħallikieku kienu l-mira prinċipali li rridu nilħqu. Ir-realtà virtwali qed tieħu s-sopravvent fuq il-ħajja reali u qed jiġri dejjem iżjed li nifxlu ż-żewġ dinjiet ma’ xulxin. Il-foqra jsiru stampi li kapaċi jqanqlu l-qalb għal xi ftit ħin, imma meta niltaqgħu magħhom tad-demm u l-laħam fit-triq allura jidħlu s-sens ta’ fastidju u l-emarġinazzjoni. L-għaġla, li ssieħeb il-ħajja ta’ kuljum, iżżommna milli nieqfu, milli ngħinu u nieħdu ħsieb tal-ieħor. Il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb (ara Lq 10:25-37) mhijiex xi rakkont tal-passat, imma tisfida l-preżent ta’ kull wieħed u waħda minna. Faċli niddelegaw lill-oħrajn; li noffru l-flus biex oħrajn jagħmlu l-karità hu ġest ġeneruż, imma li ninvolu ruħna aħna stess hija l-vokazzjoni ta’ kull Nisrani.

 

5. Irroddu ħajr lill-Mulej għal tant irġiel u nisa li qed jgħixu ħajja ddedikata għall-foqra u l-imwarrbin u jaqsmu kollox magħhom; persuni ta’ kull età u qagħda soċjali li jipprattikaw l-akkoljenza u jimpenjaw ruħhom qrib dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ emarġinazzjoni u tbatija. Ma humiex supermen, imma “ġirien” li ta’ kuljum niltaqgħu magħhom u li fis-skiet isiru foqra mal-foqra. Ma jillimitawx ruħhom għal li jagħtu xi ħaġa: jisimgħu, jiddjalogaw, ifittxu kif jifhmu s-sitwazzjoni u l-kawżi tagħha, biex jagħtu pariri tajbin u jirreferu fejn hemm bżonn. Huma attenti għall-ħtiġijiet materjali u anki għal dawk spiritwali, għall-promozzjoni integrali tal-persuna. Is-Saltna ta’ Alla ssir preżenti u viżibbli f’dan is-servizz ġeneruż u mogħti b’xejn; hi tassew bħaż-żerriegħa li waqgħet fuq l-art tajba tal-ħajja ta’ dawn il-persuni li tagħmel il-frott tagħha (ara Lq 8:4-15). Il-gratitudni lejn tant voluntiera titlob li tinbidel f’talba biex ix-xhieda tagħhom tista’ tkun għammiela.

 

6. Fis-60 anniversarju mill-Enċiklika Pacem in terris, huwa urġenti nerġgħu naqbdu l-kelmiet tal-Papa San Ġwanni XXIII meta kiteb: “Kull bniedem għandu dritt għall-eżistenza tiegħu, għas-saħħa tal-ġisem, għall-mezzi li mingħajrhom ma jistax jgħaddi u fl-istess ħin li jkunu biżżejjed biex jista’ jżomm il-ħajja fid-dinjità xierqa, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-ikel, mal-ilbies, fejn joqgħod, il-mistrieħ, il-kura tat-tabib, is-servizzi soċjali meħtieġa; u għalhekk għandu dritt li jkun żgur (mill-mezzi ta’ għajnuna) f’każ ta’ mard, f’każ li jormol, xjuħija, nuqqas ta’ xogħol u f’kull każ ieħor li jtellfu l-mezzi li bihom jista’ jgħix, minħabba ċirkustanzi li ma jkollux kontroll fuqhom” (n. 10).

 

Kemm għad fadlilna x’naqdfu biex dawn il-kelmiet isiru realtà, anki permezz ta’ impenn politiku u leġislattiv serju u effikaċi! Minkejja l-limitazzjonijiet u xi drabi n-nuqqasijiet tal-politika milli tara u taqdi l-ġid komuni, jalla jiżviluppaw is-solidarjetà u s-sussidjarjetà ta’ tant ċittadini li jemmnu fil-valur tal-impenn volontarju ta’ dedikazzjoni għall-foqra. Ċertament irridu nimbuttaw u nagħmlu pressjoni biex l-istituzzjonijiet pubbliċi jagħmlu dmirhom sewwa; imma ma jgħinx jekk nibqgħu passivi, nistennew li nirċievu kollox “minn fuq”: min jgħix f’qagħdiet ta’ faqar għandu jiġi wkoll involut u msieħeb f’mixja ta’ bidla u ta’ responsabbiltà.

 

7. B’xorti ħażina, għal darb’oħra qed naraw għamliet ġodda ta’ faqar li jiżdiedu ma’ dawk li diġà fissirna qabel. Qed jiġuni f’moħħi b’mod partikulari l-popli li jgħixu f’postijiet ta’ gwerra, speċjalment it-tfal imċaħħda minn preżent seren u minn futur dinjituż. Ħadd ma jista’ qatt jidra din is-sitwazzjoni; inżommu ħaj kull tentattiv biex il-paċi tisseddaq bħala don ta’ Kristu Rxoxt u frott tat-tħabrik għall-ġustizzja u d-djalogu.

 

Ma nistax ninsa l-ispekulazzjonijiet li, f’diversi setturi, iwasslu għal żieda drammatika tal-ispejjeż li minħabba fihom tant familji jiftaqru iżjed. Il-pagi jintefqu mill-ewwel u jwasslu għal ċaħdiet li jnaqqru mid-dinjità ta’ kull persuna. Jekk f’familja jkollok tagħżel bejn l-ikel biex tgħix u l-mediċini biex tfiq, allura hemm bżonn tinstema’ l-vuċi ta’ min qed isejjaħ għad-dritt ta’ kemm ġid u kemm ieħor, f’isem id-dinjità tal-persuna umana.

 

Barra minn hekk, kif ma nitkellmux fuq id-diżordni etiku li jmiss id-dinja tax-xogħol? It-trattament diżuman lil tant ħaddiema; ir-retribuzzjoni li xejn ma tikkorrispondi max-xogħol imwettaq; il-pjaga tal-prekarjat; il-wisq vittmi ta’ inċidenti, spiss minħabba l-mentalità li tippreferi l-profitt immedjat b’dannu għas-sigurtà… Jiġuni f’moħħi l-kelmiet ta’ San Ġwanni Pawlu II: “Il-bażi ewlenija li fuqha għandu jitqies ix-xogħol hi l-bniedem innifsu. […] Veru kemm hu veru li l-bniedem hu maħluq biex jaħdem u hu msejjaħ għax-xogħol, qabelxejn u qabel kollox ‘ix-xogħol hu tal-bniedem, u mhux il-bniedem għax-xogħol’” (Enċiklika Laborem exercens, 6).

 

8. Din il-lista, diġà drammatika kif inhi, tkopri biss parzjalment is-sitwazzjonijiet ta’ faqar li jagħmlu parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. Ma nistax inħalli barra, b’mod partikulari, għamla ta’ faqar li ta’ kuljum qed tidher dejjem iżjed u li tmiss id-dinja taż-żgħażagħ. Kemm ħajjiet iffrustrati u saħansitra suwiċidji ta’ żgħażagħ, diżillużi minn kultura li twassalhom biex iħossuhom “ma jiswew għal xejn” u “falluti”. Ngħinuhom jirreaġixxu quddiem dawn l-istigazzjonijiet negattivi, biex kulħadd jista’ jsib it-triq li għandu jimxi biex jikseb identità b’saħħitha u ġeneruża.

 

Meta nitkellmu fuq il-foqra, faċli naqgħu fir-retorika. Hi tentazzjoni perikoluża anki dik li neħlu fuq l-istatistiċi u n-numri. Il-foqra huma persuni, għandhom uċuħ, stejjer, qalb u ruħ. Huma ħutna bil-preġji u d-difetti tagħhom, bħal kulħadd, u importanti nidħlu f’relazzjoni personali ma’ kull wieħed u waħda minnhom.

 

Il-Ktieb ta’ Tobit jgħallimna l-konkretezza tal-aġir tagħna mal-foqra u għalihom. Hija kwistjoni ta’ ġustizzja li timpenjana lkoll biex infittxu lil xulxin u niltaqgħu ma’ xulxin, biex niffavorixxu l-armonija meħtieġa biex komunità tista’ tidentifika ruħha bħala tali. Allura, li ninteressaw ruħna mill-foqra ma jiqafx ma’ xi karità li nagħmlu ta’ malajr; jitlob li nerġgħu nagħtu l-ħajja lir-relazzjonijiet interpersonali t-tajba li spiċċaw tnaqqru mill-faqar. Hekk, “iddawwarx ħarstek mill-ebda fqir” twassalna biex niksbu l-benefiċċji mill-ħniena, mill-karità li tagħti sens u valur lill-ħajja Nisranija kollha.

 

9. L-attenzjoni tagħna lejn il-foqra ħa tkun dejjem immarkata mir-realiżmu tal-Vanġelu. Il-qsim ma’ xulxin għandu jikkorrispondi mal-ħtiġijiet konkreti tal-ieħor, mhux biex neħles miż-żejjed tiegħi. Hawn ukoll hemm bżonn ta’ dixxerniment, taħt id-dawl tal-Ispirtu s-Santu, biex nagħrfu l-esiġenzi l-veri ta’ ħutna u mhux l-aspirazzjonijiet tagħna. Dak li żgur għandhom bżonn urġenti tiegħu hi l-umanità tagħna, il-qalb tagħna miftuħa għall-imħabba. Ma ninsewx: “Aħna fihom imsejħin niskopru lil Kristu, noffrulhom il-vuċi tagħna favur il-kawżi tagħhom, imma anki li nkunu ħbieb tagħhom, nisimgħuhom, nifhmuhom u nilqgħu l-għerf misterjuż li Alla jrid iwasslilna permezz tagħhom” (Evangelii gaudium, 198). Il-fidi tgħallimna li kull fqir huwa iben ta’ Alla u li fih jew fiha hemm preżenti Kristu: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

 

10. Din is-sena jaħbat il-150 anniversarju mit-twelid ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. F’paġna mill-iStorja ta’ ruħ tagħha tikteb hekk: “Issa nifhem li l-imħabba perfetta tinsab filli nistabru bin-nuqqasijiet tal-oħrajn, ma noqogħdux nistagħġbu bid-dgħufija tagħhom, nintrefgħu ’l fuq bl-eżempju tajjeb li nieħdu mill-inqas atti ta virtù li narawhom jitħarrġu fihom; imma, fuq kollox, fhimt li l-imħabba ma għandhiex tibqa magħluqa fil-qiegħ ta qalbna. Ġesù qal: ‘Ħadd ma jixgħel musbieħ u jqiegħdu taħt il-modd, iżda fuq l-imnara, biex idawwal lil kull min ikun fid-dar’. Jidhirli li dan il-musbieħ irid ifisser l-imħabba li għandha ddawwal u tferraħ mhux biss lil dawk li huma l-aktar għeżież għalina, imma lil dawk kollha li huma fid-dar, bla ma jitħalla barra ħadd minnhom” (Ms C, 12q: Storja ta’ ruħ, Malta 1995, 280-281).

 

F’din id-dar li hija d-dinja, kulħadd għandu jedd ikun imdawwal mill-imħabba, ħadd ma għandu jkun imċaħħad minnha. F’dan il-Jum Dinji, ħa jkun il-kuraġġ tal-imħabba ta’ Santa Tereżina li jnebbaħ il-qlub tagħna, u jgħinna “ma ndawrux ħarsitna mill-ebda fqir” u nżommuha dejjem imsammra fuq il-wiċċ uman u divin ta’ Sidna Ġesù Kristu.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 13 ta’ Ġunju 2023, Tifkira ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, Patrun tal-foqra.

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard