MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU

L-PAPA FRANĠISKU

GĦAĊ-ĊELEBRAZZJONI TAL-

JUM DINJI TA’ TALB GĦALL-ĦARSIEN TAL-ĦOLQIEN

1 ta’ Settembru 2020

“Tqaddsu intom il-ħamsin sena u tniedu l-ħelsien fl-art lil kull min jgħammar fiha.

Tkun is-sena tal-ġublew għalikom” (Lev 25:10)

 

Għeżież ħuti,

 

Ta’ kull sena, iktar u iktar sa mix-xandir tal-Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), l-ewwel jum ta’ Settembru għall-familja Nisranija jimmarka l-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ħarsien tal-Ħolqien, li bih jibda Żmien il-Ħolqien, li jagħlaq fl-4 ta’ Ottubru, fit-Tifkira ta’ San Franġisk ta’ Assisi. F’dan il-perjodu, l-Insara mad-dinja kollha jġeddu l-fidi tagħhom f’Alla ħallieq u jingħaqdu b’mod speċjali fit-talb u fl-azzjoni għall-ħarsien tad-dar komuni.

 

Qed nieħu pjaċir li t-tema magħżula mill-familja ekumenika għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Żmien il-Ħolqien 2020 hija “Ġublew għall-Art”, proprju fis-sena li fiha jaħbat il-ħamsin anniversarju minn Jum l-Art.

 

Fl-Iskrittura Mqaddsa, il-Ġublew hu żmien qaddis li fih wieħed jiftakar, jerġa’ lura, jistrieħ, isewwi u jifraħ.

 

1. Żmien biex niftakru

Aħna msejħin niftakru li fuq kollox id-destin aħħari tal-ħolqien hu li nidħlu fis-“Sibt etern” ta’ Alla. Huwa vjaġġ li jseħħ fiż-żmien, iħaddan ir-ritmu tas-sebat ijiem tal-ġimgħa, iċ-ċiklu tas-seba’ snin, u s-Sena kbira ġubilari fl-għeluq ta’ seba’ snin sabbatiċi.

 

Il-Ġublew huwa wkoll żmien ta’ grazzja biex niftakru fis-sejħa li saritilna fil-bidu tal-ħolqien biex inkunu u nikbru f’komunità ta’ mħabba. Aħna neżistu biss f’relazzjonijiet: ma’ Alla li joħloq, ma’ ħutna bħala membri ta’ familja komuni, u mal-ħlejjaq kollha li jgħammru fl-istess dar tagħna. “Kollox hu f’relazzjoni, u aħna l-bnedmin kollha magħqudin bħal aħwa f’pellegrinaġġ mill-isbaħ, marbuta mill-imħabba li Alla għandu għal kull waħda mill-ħlejjaq tiegħu u li tgħaqqadna wkoll bejnietna, bi mħabba ħelwa, ma’ oħtna x-xemx, ma’ ħuna l-qamar, ma’ oħtna x-xmara u ma’ ommna l-art” (LS, 92).

 

Għalhekk il-Ġublew hu żmien biex wieħed jiftakar, biex fih inħarsu l-memorja tal-ħajja inter-relazzjonali tagħna. Dejjem għandna niftakru li “kollox hu marbut ma’ xulxin, u li l-ħarsien awtentiku tal-istess ħajjitna u tar-relazzjonijiet tagħna man-natura ma nistgħux nifirduh mill-imħabba tal-aħwa, mill-ġustizzja u mill-fedeltà fil-konfront tal-oħrajn” (LS, 70).

 

2. Żmien biex nerġgħu lura

Il-Ġublew hu żmien biex nerġgħu lura u nsewwu t-triqat tagħna. Aħna ċarratna r-rabtiet li kienu jorbtuna mal-Ħallieq, mal-bnedmin l-oħra u mal-bqija tal-ħolqien. Għandna bżonn infejqu dawn ir-relazzjonijiet imxellfa, li huma essenzjali biex inżommu fuq saqajna aħna stess u n-nisġa sħiħa tal-ħajja.

 

Il-Ġublew huwa żmien biex nerġgħu lura għand Alla, il-ħallieq tagħna mimli mħabba. Ma nistgħux ngħixu f’armonija mal-ħolqien mingħajr ma nkunu fil-paċi mal-Ħallieq, għajn u bidu ta’ kollox. Kif osserva l-Papa Benedittu, “il-konsum brutali tal-ħolqien jibda fejn ma hemmx Alla, fejn il-materja saret biss materjal għalina, fejn aħna nfusna nsiru l-aħħar kelma, fejn il-ġabra flimkien hi sempliċiment proprjetà tagħna” (Laqgħa mal-Kleru tad-Djoċesi ta’ Bolzano-Bressanone, 6 ta’ Awwissu 2008).

 

Il-Ġublew jistedinna nerġgħu nibdew naħsbu fl-oħrajn, speċjalment fil-foqra u fl-iktar vulnerabbli. Aħna msejħin nilqgħu mill-ġdid il-pjan tal-bidu u kollu mħabba li fassal Alla għall-ħolqien bħala wirt komuni, ikla tal-festa li għandna naqsmu ma’ ħutna kollha fi spirtu ta’ aħwa li jgħixu flimkien; mhux f’kompetizzjoni li tifred, imma f’komunjoni ferrieħa, fejn inwieżnu u nħarsu wieħed lill-ieħor. Il-Ġublew huwa żmien biex nagħtu l-libertà lill-maħqurin u lil dawk kollha li huma miżmuma fil-ktajjen tal-bosta xejriet ta’ jasar modern, fosthom it-traffikar tal-persuni u x-xogħol tat-tfal taħt l-età.

 

Fuq kollox, hemm bżonn nerġgħu lura biex nagħtu widen lill-art, li l-Iskrittura turihielna bħala adamah, il-post li minnu ħareġ il-bniedem, Adam. Illum il-leħen tal-ħolqien qed isejħilna, allarmat, biex nerġgħu lura għall-post tagħna fl-ordni naturali, biex niftakru li aħna parti, u mhux sidien, tax-xibka tal-ħajja li hi kollha rabta waħda. It-tifrik tal-bijodiversità, iż-żieda qawwija tad-diżastri klimatiċi, l-impatt diżugwali tal-pandemija ta’ bħalissa fuq l-iktar foqra u dgħajfa, dawn huma qniepen tal-allarm quddiem il-kilba sfrenata tal-konsum.

 

B’mod partikulari matul dan iż-Żmien tal-Ħolqien, nisimgħu l-qalb tħabbat tal-ħolqien. Fil-fatt dan ra d-dawl biex juri u jikkomunika l-glorja ta’ Alla, biex jgħinna nsibu l-ġmiel tiegħu fis-Sid ta’ kollox u nerġgħu lura għandu (ara San Bonaventura, In II Sent., I,2,2, q. 1, concl; Brevil., II, 5.11). Għalhekk, l-art li minnha ħriġna hija post ta’ talb u ta’ meditazzjoni: “Inqajmu mill-ġdid fina s-sens estetiku u kontemplattiv li Alla qiegħed fina” (Eżortazzjoni appostolika Querida Amazonia, 56). Il-ħila li nistagħġbu u li nikkontemplaw hija xi ħaġa li nistgħu nitgħallmuha speċjalment mill-aħwa indiġeni, li jgħixu f’armonija mal-art u mal-bosta għamliet ta’ ħajja tagħha.

 

3. Żmien biex nistrieħu

Fl-għerf tiegħu, Alla żamm il-jum tas-Sibt biex l-art u dawk li jgħixu fuqha setgħu jistrieħu u jiġġeddu. Madankollu, illum l-istili ta’ ħajja tagħna qed jimbuttaw lill-pjaneta fix-xifer u iżjed minn kemm tiflaħ. Id-domanda kontinwa għat-tkabbir u ċ-ċiklu bla waqfien tal-produzzjoni u tal-konsumi qed jifnu lill-ambjent. Il-foresti qed jiżżarmaw, il-ħamrija qed tgħosfor, l-għelieqi qed jgħibu, l-art deżerta dejjem tikber, l-ibħra qed jitniġġsu u t-tempesti qed jiħraxu: il-ħolqien qed jokrob bl-uġigħ!

 

Matul il-Ġublew, il-Poplu ta’ Alla kien mistieden jistrieħ mix-xogħol tas-soltu, biex, grazzi għat-tnaqqis fil-konsum tas-soltu, iħalli l-art tiġġedded u d-dinja titranġa. Illum hemm bżonn insibu stili ġusti u sostenibbli ta’ ħajja, li jroddu lill-Art il-mistrieħ li jixirqilha, toroq ta’ nutriment biżżejjed għal kulħadd, mingħajr ma jeqirdu l-ekosistemi li jżommuna ħajja.

 

Il-pandemija ta’ bħalissa b’xi mod wasslitna biex nerġgħu niskopru stili ta’ ħajja iżjed sempliċi u sostenibbli. F’ċertu sens, il-kriżi tatna l-possibbiltà li niżviluppaw modi ġodda ta’ kif ngħixu. Stajna naraw kif l-Art jirnexxielha tirkupra dak li tilfet jekk inħalluha tistrieħ: l-arja saret iżjed nadifa, l-ilmijiet iżjed ċari, l-ispeċi tal-annimali reġgħu lura f’bosta postijiet li minnhom kienu għebu. Il-pandemija ġabitna f’salib it-toroq. Jeħtieġ nużaw dan il-mument deċiżiv biex intemmu attivitajiet u finalitajiet superfluwi u qerrieda, u nikkultivaw valuri, rabtiet u proġetti li jġibu l-ħajja. Jeħtieġ ngħarblu d-drawwiet tagħna fl-użu tal-enerġija, fil-konsum, fit-trasport u fl-ikel. Jeħtieġ inqaċċtu mill-ekonomiji tagħna aspetti li mhumiex essenzjali u jagħmlu l-ħsara, u nagħtu l-ħajja lil modi ta’ kummerċ, produzzjoni u trasport tal-ġid li jħallu iktar frott.

 

4. Żmien biex insewwu

Il-Ġublew hu żmien biex insewwu l-armonija li kien hemm fil-bidu tal-ħolqien u biex infejqu r-relazzjonijiet umani li jinsabu f’riskju.

 

Jistedinna noħolqu mill-ġdid relazzjonijiet soċjali ġusti, u rroddu lil kulħadd il-libertà tiegħu u l-ġid tiegħu, naħfru d-djun li l-oħrajn għandhom magħna. Għalhekk ma rridux ninsew l-istorja ta’ sfruttament tan-Nofsinhar tal-pjaneta, li pprovokat dejn ekoloġiku enormi, dovut prinċipalment lill-abbuż tar-riżorsi u lill-użu eċċessiv tal-ispazju ambjentali komuni biex fih jinxteħet l-iskart. Wasal iż-żmien ta’ ġustizzja riparattiva. F’dan ir-rigward, inġedded is-sejħa tiegħi biex inħassru d-djun tal-pajjiżi l-iżjed dgħajfa fid-dawl tal-impatt serju tal-kriżijiet sanitarji, soċjali u ekonomiċi li se jkollhom jaffrontaw wara l-Covid-19. Hemm bżonn niżguraw li l-inċentivi biex nerġgħu nqumu fuq saqajna, li qed jiġu elaborati u mwettqa fuq livell dinji, reġjonali u nazzjonali, ikunu effettivament effikaċi, b’politika, liġijiet u investimenti kkonċentrati fuq il-ġid komuni u bil-garanzija li l-għanijiet soċjali u ambjentali globali jiġu milħuqa.

 

Daqshekk ieħor hu meħtieġ li nfejqu l-art. Hu ta’ importanza mill-akbar li jerġa’ jintlaħaq il-bilanċ klimatiku, ladarba ninsabu f’nofs emerġenza. Iż-żmien qed jaħarbilna minn idejna, kif ifakkruna wliedna u ż-żgħażagħ tagħna. Irridu nagħmlu kulma hu possibbli biex ma nħallux iż-żieda fit-temperatura medja globali taqbeż il-1.5ºC, kif stipulat mill-Ftehim ta’ Pariġi fuq il-Klima: jekk naqbżu dan, ikun katastorfiku, fuq kollox għall-ifqar komunitajiet mad-dinja kollha. F’dan il-mument kritiku hemm bżonn nippromovu solidarjetà intra-ġenerazzjonali u inter-ġenerazzjonali. Bi tħejjija għas-Summit importanti fuq il-Klima fi Glasgow, fir-Renju Unit (COP 26), nistieden lil kull pajjiż biex jaddotta miri nazzjonali iktar ambizzjużi biex inaqqas il-livell ta’ tinġis.

 

It-tisħiħ tal-bijodiversità hu daqstant ieħor kruċjali fil-kuntest tal-għajbien ta’ speċi minn fuq wiċċ l-art u tal-qerda bla preċedent ta’ ekosistemi sħaħ. Hemm bżonn nissapportjaw l-appell tal-Ġnus Magħquda biex inħarsu t-30% tal-Art bħala ħabitat protett sa l-2030, biex inżommu baxx il-livell allarmanti ta’ bijodiversità li qed tintilef. Insejjaħ lill-Komunità internazzjonali biex tikkollabora ħalli niggarantixxu li s-Summit fuq il-Bijodiversità (COP 15) ta’ Kunming, fiċ-Ċina, ikun punt ta’ bidla lejn it-twaqqif mill-ġdid tal-Art bħala dar fejn il-ħajja hi kotrana, skont ir-rieda tal-Ħallieq.

 

Aħna fid-dmir li nsewwu skont il-ġustizzja, u niżguraw li dawk li għexu fuq art partikulari għal ġenerazzjonijiet sħaħ jistgħu jiskbu mill-ġdid l-użu sħiħ tagħha. Hemm bżonn inħarsu l-komunitajiet indiġeni minn kumpaniji, b’mod partikulari multinazzjonali, li, permezz tal-estrazzjoni qerrieda ta’ fossili kombustibbli, minerali, injam u prodotti agroindustrijali, qed “jagħmlu f’pajjiżi inqas żviluppati dak li ma jistgħux jagħmlu fil-pajjiżi fejn ikabbru l-kapital tagħhom” (LS, 51). Din l-imġiba żbaljata azjendali tirrappreżenta “tip ġdid ta’ kolonjaliżmu” (San Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-Akkademja Pontifiċja tax-Xjenzi Soċjali, 27 ta’ April 2001, ikkwotat fi Querida Amazonia, 14), li tal-mistħija kif jisfrutta komunitajiet u pajjiżi iżjed foqra fit-tiftix iddisprat tiegħu għal żvilupp ekonomiku. Hemm bżonn insaħħu l-liġijiet nazzjonali u internazzjonali, biex jirregolaw l-attivitajiet tal-kumpaniji ta’ estrazzjoni u jiggarantixxu li dawk kollha li sofrew ħsara jkollhom aċċess għall-ġustizzja.

 

5. Żmien biex nifirħu

Fit-tradizzjoni biblika, il-Ġublew jirrappreżenta ġrajja ta’ hena, imnedija mill-ħoss tad-daqq ta’ tromba li jidwi mal-art kollha. Nafu li l-karba tal-Art u tal-foqra saret, fl-aħħar snin, saħansitra iktar qawwija. Fl-istess waqt, aħna xhieda ta’ kif l-Ispirtu s-Santu qed inebbaħ kullimkien individwi u komunitajiet biex jingħaqdu ħalli jibnu mill-ġdid id-dar komuni u jiddefendu lill-iżjed vulnerabbli. Qed nassistu għaċ-ċaqliq gradwali ta’ mases kbar ta’ nies, li mill-iktar livelli baxxi u mill-periferiji qed iħabirku b’qalb kbira għall-ħarsien tal-art u tal-foqra. Jimliena bil-ferħ naraw tant żgħażagħ u komunitajiet, b’mod partikulari indiġeni, fuq quddiem nett fit-tweġiba għall-kriżi ekoloġika. Qed isejħu għal Ġublew tal-Art u għal bidu ġdid, għax jafu li “l-affarijiet jistgħu jinbidlu” (LS, 13).

 

Għandna għax nifirħu wkoll meta naraw kif is-Sena speċjali tal-anniversarju tal-Laudato si’ qed tnebbaħ għadd ta’ inizjattivi fuq livell lokali u globali b’risq l-għożża u l-ħarsien tad-dar komuni u tal-foqra. Din is-sena għandha twassal għal pjanijiet ta’ ħidma b’viżjoni fit-tul, biex naslu ħalli nipprattikaw ekoloġija integrali fil-familji, fil-parroċċi, fid-djoċesijiet, fl-Ordnijiet reliġjużi, fl-iskejjel, fl-universitajiet, fl-assistenza fil-qasam tas-saħħa, fl-intrapriżi, fl-azjendi agrikoli u f’ħafna oqsma oħra.

 

Nifirħu wkoll li l-komunitajiet ta’ dawk li jemmnu qed jaqblu flimkien kif jagħtu ħajja lil dinja iżjed ġusta, paċifika u sostenibbli. Hi raġuni ta’ ferħ partikulari li ż-Żmien tal-Ħolqien qed isir inizjattiva tassew ekumenika. Ħa nkomplu nikbru fl-għarfien li lkoll kemm aħna qed ngħixu f’dar komuni bħala membri tal-istess familja!

 

Nifirħu għax, fi mħabbtu, il-Ħallieq iwieżen l-isforzi ċkejkna tagħna għall-ġid tal-Art. Din ukoll hija d-dar ta’ Alla, fejn il-Verb tiegħu “sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1:14), il-post li t-tiswib tal-Ispirtu s-Santu kontinwament iġedded.

 

“Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art” (ara Salm 104:30).

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 1 ta’ Settembru 2020

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard