Laikos

 

ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-KATTOLIĊI TAL-ART IMQADDSA

 

Għeżież ħuti,

 

Ilni mhux ftit naħseb fuqkom u ta’ kuljum nitlob għalikom. Imma issa, lejlet dan l-Għid, li għalikom fih tant mill-Passjoni u ftit għadu fih mill-Qawmien, ħassejt il-ħtieġa li niktbilkom biex ngħidilkom li qed inġorrkom f’qalbi. Ninsab qrib tagħkom ilkoll, fid-diversi riti tagħkom, għeżież fidili Kattoliċi mxerrda mat-territorju kollu tal-Art Imqaddsa: b’mod partikulari f’dawk li, f’dawn il-mumenti, qed ibatu l-iżjed minħabba t-traġedja assurda tal-gwerra, fit-tfal li qed jiġu mċaħħda mill-futur tagħhom, f’dawk li qed jibku u jbatu, f’dawk li qed iħossuhom imħawda u mitlufa.

 

L-Għid, il-qalba tal-fidi tagħna, għandu tifsira bil-wisq ikbar għalikom li qed tiċċelebrawh fl-Imkejjen li fihom il-Mulej għex, miet u rxoxta: mhux biss l-istorja, imma lanqas il-ġeografija tas-salvazzjoni ma kienet teżisti mingħajr l-Art li intom ilkom sekli sħaħ tgħixu fiha, fejn tixtiequ tibqgħu u fejn hi ħaġa sewwa li tistgħu tibqgħu. Grazzi tax-xhieda tal-fidi tagħkom, grazzi tal-imħabba li hemm bejnietkom, grazzi għax tafu tittamaw kontra kull tama.

 

Nixtieq li kull wieħed u waħda minnkom iħoss l-imħabba paterna tiegħi, li taf bit-tbatijiet u t-taħbit tagħkom, b’mod partikulari dawk li ġarrabtu f’dawn l-aħħar xhur. Flimkien mal-imħabba tiegħi, ħa tħossu dik tal-Kattoliċi kollha tad-dinja! Il-Mulej Ġesù, il-Ħajja tagħna, bħal Samaritan it-Tajjeb isawwab fuq il-ġrieħi tal-ġisem tagħkom u tar-ruħ tagħkom iż-żejt tal-faraġ u l-inbid tat-tama.

 

Jiena u naħseb fikom, nerġa’ niftakar fil-pellegrinaġġ li għamilt fostkom għaxar snin ilu; u nagħmel tiegħi l-kelmiet li San Pawlu VI, l-ewwel Suċċessur ta’ Pietru pellegrin fl-Art Imqaddsa, lissen ħamsin sena ilu lil dawk kollha li jemmnu: “Il-kontinwazzjoni tal-istat ta’ tensjoni fil-Lvant Nofsani, mingħajr ebda passi konklużivi lejn il-paċi, hija periklu gravi u kostanti, li qed jhedded mhux biss it-trankwillità u s-sigurtà ta’ dawk il-popli – u l-paċi tad-dinja kollha – imma anki ċerti valuri li huma għalkollox ċari, għal diversi raġunijiet, għal parti kbira mill-umanità” (Eżortazzjoni appostolika Nobis in animo).

 

Għeżież ħuti, il-komunità Nisranija fl-Art Imqaddsa mhux biss kienet, matul is-sekli, ħarriesa tal-Imkejjen tas-salvazzjoni, imma kontinwament tat xhieda, permezz tat-tbatijiet tagħha, tal-misteru tal-Passjoni tal-Mulej. U bil-ħila tagħha li terġa’ tqum fuq saqajha u timxi ’l quddiem, ħabbret u tissokta tħabbar li l-Mislub qam mill-mewt, li bis-sinjali tal-Passjoni deher lid-dixxipli u tela’ s-Sema, u ħa għand il-Missier l-umanità tagħna mifnija imma mifdija. F’dawn iż-żminijiet mudlama, fejn donnu d-dlam tal-Ġimgħa l-Kbira qed jgħatti l-Art tagħkom u wisq partijiet mid-dinja mbiċċra mill-bluha bla siwi tal-gwerra, li hi dejjem u għal kulħadd telfa mdemmija, intom imsiebaħ mixgħula billejl; intom żerriegħa tat-tajjeb f’art imċarrta mill-ġlied.

 

Għalikom u magħkom jiena nitlob: “Mulej, int li int is-sliem tagħna (ara Efes 2:14-22), int li sejjaħt hienja lil dawk li jġibu l-paċi (ara Mt 5:9), eħles il-qalb tal-bniedem mill-mibegħda, mill-vjolenza u mill-vendetta. Aħna lejk inħarsu u warajk nimxu, int li taħfer, li int ta’ qalb ħelwa u umli (ara Mt 11:29). Agħmel li ħadd ma jisirqilna minn qalbna t-tama li nerġgħu nqumu u nirxuxtaw miegħek, agħmel li ma negħjewx naffermaw id-dinjità ta’ kull bniedem, mingħajr distinzjoni ta’ reliġjon, ta’ grupp etniku jew ta’ nazzjonalità, ibda minn dawk l-iżjed dgħajfa: tan-nisa, tal-anzjani, taċ-ċkejknin u tal-foqra”.

 

Ħuti, irrid ngħidilkom: m’intomx waħidkom u mhux se nħallukom waħidkom, imma se nibqgħu solidali magħkom permezz tat-talb u l-karità ħabrieka, bit-tama li ma ndumux ma nkunu nistgħu nerġgħu lura għandkom bħala pellegrini, biex inħarsu f’għajnejkom u ngħannqukom, biex naqsmu flimkien il-ħobż tal-fraternità u nikkontemplaw dak ix-xrar ta’ tama, miżrugħ fin-niket u mkabbar bis-sabar.

 

Naf li r-Ragħajja tagħkom, ir-reliġjużi rġiel u nisa huma qrib tagħkom: irroddilhom ħajr mill-qalb għal dak li għamlu u qed ikomplu jagħmlu. Fil-forġa tat-tbatija ħa jikber u jiddi d-deheb tal-għaqda, anki ma’ ħutna tal-Konfessjonijiet Insara l-oħra, li lejhom ukoll nixtieq nuri l-qrubija spiritwali tiegħi u nesprimi l-inkuraġġiment tiegħi. Lil kulħadd inġorr fit-talb tiegħi.

 

Inberikkom u nitlob fuqkom il-ħarsien tal-Verġni Mqaddsa Marija, bint Artkom. Inġedded l-istedina lill-Insara kollha tad-dinja biex jurukom is-sostenn konkret tagħhom u jitolbu bla ma jaqtgħu, biex il-poplu kollu tal-għażiża Art tagħkom ikun sa fl-aħħar fil-paċi.

 

Ħukom, 

 

Ruma, San Ġwann Lateran, il-Ġimgħa Mqaddsa 2024

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard