VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FL-IRAQ

[5-8 TA’ MARZU 2021]

 

TALBA B’SUFFRAĠJU TAL-VITTMI TAL-GWERRA

 

Qrib Hosh al-Bieaa (pjazza tal-Knisja) f’Mosul

Il-Ħadd 7 ta’ Marzu 2021

 

 

TISLIMA QABEL IT-TALB

 

Għeżież ħuti, għeżież ħbieb!

 

Nirringrazzja lill-Arċisqof Najeeb Michaeel għall-kelmtejn tiegħu ta’ merħba u ninsab partikularment grat lejn Padre Raid Kallo u s-Sur Gutayba Aagha għax-xhieda qawwija tiegħu.

 

Grazzi ħafna, Padre Raid. Int irrakkontajtilna kif ħafna familji Nsara kellhom kontra qalbhom iħallu djarhom. It-tnaqqis traġiku tad-dixxipli ta’ Kristu, hawn u fil-Lvant Nofsani kollu, hu ħsara bla qies mhux biss għall-persuni u l-komunitajiet milquta, imma għall-istess soċjetajiet li jħallu warajhom. Fil-fatt, nisġa kulturali u reliġjuża hekk għanja ta’ diversitajiet tisfa mdgħajfa meta jintilef xi membru jew ieħor tagħha, tkun kemm tkun żgħira t-telfa. Bħalma naraw f’wieħed mit-twapet artistiċi tagħkom, tiċrita ta’ ħajta ċkejkna tista’ tagħmel ħsara lin-nisġa kollha. Int, Dun, tkellimt fuq l-esperjenza ta’ aħwa li tgħix mal-Musulmani, wara li rġajt lura Mosul. Int sibt min jilqgħek, sibt ir-rispett u l-kollaborazzjoni. Grazzi, Dun, li qsamt magħna dawn is-sinjali li l-Ispirtu qed iwarrad fid-deżert u li wrejtna li hu possibbli nittamaw fir-rikonċiljazzjoni u f’ħajja ġdida.

 

Sur Aagha, int fakkartna li l-identità vera ta’ din il-belt hi dik tal-konvivenza armonjuża bejn persuni ta’ oriġni u kulturi differenti. Għalhekk, nilqa’ bi pjaċir kbir l-istedina tiegħek lill-komunità Nisranija biex terġa’ lura Mosul u tieħu r-rwol vitali li hu tagħha fil-proċess ta’ fejqan u ta’ tiġdid.

 

Illum, nerfgħu lkoll leħinna fit-talb lil Alla li jista’ kollox għall-vittmi tal-gwerra u tal-kunflitti bl-armamenti. Hawn Mosul il-konsegwenzi traġiċi tal-gwerra u tal-ostilità huma evidenti biżżejjed. Kemm hi ħaġa kiefra li dan il-pajjiż, benniena ta’ ċiviltajiet, ġie milqut minn tempesta hekk diżumana, bi mkejjen antiki ta’ kult jisfaw meqruda u eluf fuq eluf ta’ persuni – Musulmani, Insara, il-Yazidi, li ġew meqruda b’tant kefrija mit-terroriżmu, u oħrajn – jiġu mġiegħla jaħabru jew jinqatlu!

 

Illum, minkejja kollox, nistqarru mill-ġdid il-konvinzjoni tagħna li l-fraternità hi aqwa mill-fratriċidju, li t-tama hi aqwa mill-mewt, li l-paċi hi aqwa mill-gwerra. Din il-konvinzjoni titkellem b’vuċi iżjed elokwenti minn dik tal-mibegħda u tal-vjolenza; u qatt ma tista’ tiġi fgata fid-demm imxerred minn dawk li jinqdew ħażin bl-isem ta’ Alla u jfittxu toroq ta’ qerda.

 


 

KELMTEJN INTRODUTTIVI MILL-PAPA

 

Qabel ma nitlob għall-vittmi kollha tal-gwerra f’din il-belt ta’ Mosul, fl-Iraq u fil-Lvant Nofsani kollu, nixtieq naqsam magħkom dawn il-ħsibijiet:

 

Jekk Alla hu Alla tal-ħajja – u hekk hu –, aħna ma nistgħux noqtlu lill-aħwa f’ismu.

Jekk Alla hu Alla tal-paċi – u hekk hu –, aħna ma nistgħux nagħmlu l-gwerra f’ismu.

Jekk Alla hu Alla tal-imħabba – u hekk hu –, aħna ma nistgħux nobogħdu lil ħutna.

 

Issa ejjew nitolbu flimkien għall-vittmi kollha tal-gwerra, biex Alla li jista’ kollox jagħtihom il-ħajja ta’ dejjem u sliem bla tarf, u jilqagħhom fit-tħaddina kollha mħabba tiegħu. U nitolbu wkoll għalina lkoll, biex, lil hemm mill-appartenenzi reliġjużi tagħna, nistgħu ngħixu fl-armonija u fil-paċi, għax nafu li f’għajnejn Alla aħna lkoll aħwa.

 


 

TALBA

 

O Alla l-Aktar Għoli, Sid taż-żmien u tal-istorja, int bl-imħabba ħlaqt id-dinja u ma tieqaf qatt issawwab il-barkiet tiegħek fuq il-ħlejjaq tiegħek. Int, bogħod mill-oċean tat-tbatija u tal-mewt, bogħod mit-tentazzjonijiet tal-vjolenza, tal-inġustizzja u tal-qligħ baxx, timxi ma’ wliedek bl-imħabba ħelwa ta’ Missier.

 

Imma aħna l-bnedmin, ingrati għad-doni tiegħek u mogħmija mit-tħassib tagħna u mill-ambizzjonijiet tagħna spiss marbuta ma’ din l-art, kemm-il darba nsejna l-pjanijiet tiegħek ta’ paċi u ta’ armonija. Ingħalaqna fina nfusna u fl-interessi partikulari tagħna u, indifferenti lejk u lejn l-oħrajn, imbarrajna l-bibien tal-paċi. U hekk reġa’ seħħ dak li l-profeta Ġona sema’ jingħad fuq Ninwè: il-ħażen tal-bnedmin tela’ sas-sema (ara Ġon 1:2). Lejn is-Sema ma rfajniex dirgħajn safja (ara 1 Tim 2:8), imma mill-art telgħet mill-ġdid il-karba tad-demm innoċenti (ara Ġen 4:10). Dawk li kienu jgħixu f’Ninwè, fir-rakkont ta’ Ġona, taw widen għal-leħen tal-profeta tiegħek u sabu s-salvazzjoni fil-konverżjoni. Aħna wkoll, Mulej, aħna u nafdawlek tant vittmi tal-mibegħda tal-bniedem kontra l-bniedem, nitolbu l-maħfra tiegħek u nittallbu l-grazzja tal-konverżjoni:

 

Kyrie eleison! Kyrie eleison! Kyrie eleison!

 

[ftit tas-skiet]

 

Mulej Alla tagħna, f’din il-belt hawn żewġ simboli li jixhdu għax-xewqa dejjiema tal-umanità li tersaq lejk: il-moskea Al-Nouri bil-minarett tagħha Al Hadba u l-knisja ta’ Sidtna Marija tal-arloġġ. Hu arloġġ li ilu fuq mitt sena jfakkar lil dawk li jgħaddu minn taħtu li l-ħajja hi qasira u ż-żmien prezzjuż. Għallimna nifhmu li int fdajtilna l-pjan tiegħek ta’ mħabba, ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni, biex inwettquh fiż-żmien, fil-medda qasira ta’ ħajjitna fuq din l-art. Urina li huwa biss jekk inqegħduh bla dewmien fil-prattika li nistgħu nibnu mill-ġdid din il-belt u dan il-pajjiż, u jistgħu jitfejqu l-qlub imċarrta mill-uġigħ. Għinna ma ngħaddux żmienna naqdu l-interessi egoistiċi tagħna, personali jew tal-grupp, imma fil-qadi tal-pjan ta’ mħabbtek. U meta niżgarraw it-triq, agħmel li nistgħu nagħtu widen għal-leħen tal-bnedmin veri ta’ Alla u nsewwu triqatna fil-ħin, biex ma nerġgħux nirvinaw ruħna bil-qerda u bil-mewt.

 

Nafdawlek lil dawk li ħajjithom fuq din l-art ġiet maħsuda qasir il-għomor mill-id vjolenti ta’ ħuthom, u nitolbuk ukoll għal dawk li għamlu d-deni lil ħuthom: ħa jsewwu triqathom, meta jħallu tmisshom il-qawwa tal-ħniena tiegħek.

 

Requiem æternam dona eis, Domine, et lux perpetua luceat eis.

 

Requiescant in pace. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard