VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FL-IRAQ

[5-8 TA’ MARZU 2021]

LAQGĦA INTERRELIĠJUŻA

 

Pjanura ta’ Ur

Is-Sibt 6 ta’  Marzu 2021

 

TALBA TA’ WLIED ABRAHAM

 

O Alla li tista’ kollox, Ħallieq tagħna li tħobb lill-familja tal-bnedmin u dak kollu li għamlu jdejk, aħna, ulied Abraham fil-Ġudaiżmu, il-Kristjaneżmu u l-Iżlam, flimkien ma’ dawk kollha li jemmnu u l-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, irroddulek ħajr li tajtna bħala missier komuni fil-fidi lil Abraham, iben insinji ta’ din l-art nobbli u għażiża.

 

Irroddulek ħajr għall-eżempju tiegħu ta’ raġel ta’ fidi li obdiek sal-aħħar, u ħalla l-familja tiegħu, it-tribù tiegħu u art twelidu biex jimxi lejn art li ma kienx jaf.

 

Irroddulek ħajr ukoll għall-eżempju ta’ kuraġġ, ta’ determinazzjoni u ta’ qawwa, ta’ ġenerożità u ta’ ospitalità li tana dan il-missier wieħed tagħna fil-fidi.

 

Irroddulek ħajr, b’mod partikulari, għall-fidi erojka tiegħu, li wrieha meta kien lest li jissagrifika lil ibnu biex jobdi l-amar tiegħek. Nafu li kienet prova iebsa ħafna, imma li minnha xorta waħda ħareġ rebbieħ, għax wera fiduċja għamja fik, int li int ħanin u tiftħilna dejjem possibbiltajiet ġodda biex nibdew mill-ġdid.

 

Irroddulek ħajr għax, meta berikt lil missierna Abraham, int għamilt minnu barka għall-popli kollha.

 

Nitolbuk, Alla ta’ missierna Abraham u Alla tagħna, tagħtina fidi qawwija, ħabrieka fit-tajjeb, fidi li tiftħilna qlubna għalik u għal ħutna kollha; u tama li ma tintefiex, kapaċi li f’kollox tilmaħ il-fedeltà tal-wegħdiet tiegħek.

 

Agħmel minn kull wieħed u waħda minna xhieda tal-għożża kollha mħabba tiegħek għal kulħadd, b’mod partikulari għar-rifuġjati u dawk li kellhom jaħarbu, ir-romol u l-iltiema, il-foqra u l-morda.

 

Iftħilna qlubna għall-maħfra lil xulxin u agħmel minna strumenti ta’ rikonċiljazzjoni, bennejja ta’ soċjetà iżjed ġusta u fraterna.

 

Ilqa’ fl-għamara tiegħek tas-sliem u tad-dawl lill-mejtin kollha, b’mod partikulari l-vittmi tal-vjolenza u tal-gwerer.

 

Dawwal lill-awtoritajiet ċivili ħa jfittxu u jsibu l-persuni maħtufa, u biex jipproteġu b’mod speċjali lin-nisa u lit-tfal.

 

Għinna biex ngħożżu l-pjaneta, dar komuni li, fit-tjieba u l-ġenerożità tiegħek, inti tajt lilna lkoll.

 

Saħħina dirgħajna aħna u nibnu mill-ġdid dan il-pajjiż, u agħtina l-qawwa meħtieġa biex ngħinu lil dawk li kellhom iħallu djarhom u artijiethom ħalli jerġgħu jidħlu lura fihom mingħajr biża’ u b’dinjità, u biex jibdew ħajja ġdida, serena u ta’ ġid. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard