DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI FIT-II LAQGĦA INTERNAZZJONALI

GĦAR-RETTURI U L-OPERATURI TAS-SANTWARJI

Awla Pawlu VI

Is-Sibt 11 ta’ Novembru 2023

 

Għeżież ħbieb, l-għodwa t-tajba!

 

Nilqagħkom fl-okkażjoni tat-tieni Laqgħa Internazzjonali tagħkom, għax tafu tajjeb kemm għandi attenzjoni għall-ħajja tas-Santwarji. Nirringrazzja lill-E.T. Mons. Fisichella għal din l-inizjattiva u għall-impenn tad-Dikasteru fil-pastorali tas-Santwarji. Huma mkejjen speċjali, fejn il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla jmur iħaffef biex jitlob, biex isib faraġ u biex iħares b’fiduċja ikbar lejn il-futur.

 

Jiġi fis-Santwarju, qabelxejn, biex jitlob. Min-naħa tagħna jeħtieġ naraw li nibqgħu dejjem attenti li s-Santwarji tagħna jkunu tabilħaqq imkejjen ipprivileġġjati ta’ talb. Naf b’liema għożża tiġi ċċelebrata fihom l-Ewkaristija mqaddsa u x’impenn isir għas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Nirrakkomandalkom li, fl-għażla tas-saċerdoti għall-Qrar, isir dixxerniment tajjeb, biex ma jiġrix li dawk li jersqu lejn il-konfessjonarju miġbuda mill-ħniena tal-Missier isibu xkiel biex jgħixu rikonċiljazzjoni sħiħa. Is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni jfisser li naħfru, dejjem, naħfru. Ma jistax jiġri, speċjalment fis-Santwarji, li huma jsibu x-xkiel, għax fihom il-ħniena ta’ Alla titlob li tiġi espressa b’mod l-aktar kotran, minħabba fin-natura stess tagħhom. Ġustament hekk iħarsu lejhom il-fidili: bħala mkejjen speċjali li fihom jiltaqgħu mal-grazzja ta’ Alla. Naħfru dejjem kif jaħfer il-Missier. Naħfru.

 

Fl-istorja ta’ kull Santwarju faċli mmissu b’idejna l-fidi tal-poplu fidil tagħna, li tinżamm ħajja u tisseddaq bit-talb, qabelxejn ir-Rużarju, li jgħinna nitolbu permezz tal-meditazzjoni tal-misteri tal-ħajja ta’ Ġesù u tal-Verġni Marija. Li nidħlu spiritwalment f’dawk il-misteri, inħossuna parti ħajja min dak li jsawwar l-istorja tas-salvazzjoni tagħna, hu impenn ħelu, li jagħti togħma ta’ Vanġelu lill-ħajja ta’ kuljum.

 

Importanti li fis-Santwarji niddedikaw attenzjoni partikulari għall-adorazzjoni. Aħna tlifna xi ftit is-sens tal-adorazzjoni, hemm bżonn nerġgħu nirkuprawh. Forsi ta’ min josserva li l-ambjent u l-atmosfera tal-knejjes tagħna mhux dejjem jistednuk tinġabar u tagħti qima. Li ngħinu lill-pellegrini jagħmlu l-esperjenza tas-skiet kontemplattiv – u dan mhux faċli – tas-skiet tal-adorazzjoni, ifisser ngħinuhom isammru ħarsithom fuq l-essenzjal tal-fidi. L-adorazzjoni mhix xi ħarba bogħod mill-ħajja; pjuttost hija l-ispazju biex nagħtu sens lil kollox, biex nirċievu d-don tal-imħabba ta’ Alla u nistgħu nagħtu xhieda tiegħu fl-imħabba fraterna. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: “U jiena, imdorri nitlob bl-adorazzjoni?”. Importanti li nwieġbu.

 

Immorru fis-Santwarji wkoll biex nirċievu l-faraġ. Il-misteru tal-faraġ. Kemm persuni jiġu fihom għax fl-ispirtu u fil-ġisem tagħhom qed iġorru piż, piena, preokkupazzjoni! Il-marda ta’ persuna maħbuba, it-telfa ta’ membru tal-familja, tant sitwazzjonijiet tal-ħajja huma spiss kawżi ta’ solitudni u ta’ niket, li jitqiegħdu fuq l-altar u jistennew tweġiba. Il-faraġ mhuwiex xi idea astratta, u mhuwiex magħmul qabelxejn minn kliem, imma minn qrubija kollha ħniena u ħlewwa, li tifhem l-uġigħ u t-tbatija. Dan huwa l-istil ta’ Alla: qrib, ħanin u ħelu. Hekk hu l-Mulej. Li nfarrġu jfisser nagħmlu tanġibbli l-ħniena ta’ Alla; għalhekk is-servizz tal-faraġ ma jistax jonqos fis-Santwarji tagħna. Dawk kollha li jieħdu ħsieb tas-Santwarju għandhom jagħmlu tagħhom il-kelmiet tal-Appostlu: “Hu jfarraġna fil-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm” (2 Kor 1:4). Darba, darbtejn, tliet darbiet, erbgħa f’żewġ linji l-kelma faraġ jew ifarraġ: huwa mimli dan it-test ta’ Pawlu. Nista’ nkun sinjal effikaċi ta’ faraġ skont kemm inkun doqt jien l-ewwel il-faraġ mit-tbatija salvifika ta’ Ġesù u fih sibt kenn. Tinsewx. Fl-istorja tagħna, kull wieħed minna, ikollu mumenti ibsin, koroh, li fihom il-Mulej farraġna. Tinsewhx dan. Meta niftakru fl-esperjenza tagħna tal-faraġ, dan jgħinna nfarrġu lill-oħrajn. U din l-esperjenza tgħaddi mill-maternità ta’ Marija, il-“Konsolata” per eċċellenza. Jalla s-Santwarji tagħna jkunu mimlija bil-faraġ u l-ħniena!

 

Fl-aħħar nett, immorru fis-Santwarju biex inħarsu lejn il-futur b’fiduċja ikbar. Il-pellegrin għandu bżonn tat-tama. Ifittixha fl-istess ġest tal-pellegrinaġġ: jimxi huwa u jfittex destinazzjoni żgura x’jilħaq. Jixxennaq għat-tama fit-talb tiegħu, għax jaf li hi biss fidi sempliċi u umli li tista’ tikseb il-grazzja li għandu bżonn. Għalhekk hu importanti li, lura d-dar, iħossu mismugħ u mimli bis-serenità għax hu qiegħed f’Alla l-fiduċja tiegħu. Fis-Santwarji tagħna għandna nkunu attenti ħafna biex nilqgħu – nitlobkom, tinsewhx dan: nilqgħu tajjeb il-pellegrini –, u sewwa li hu hekk. Fl-istess waqt, irridu nittrattaw b’daqstant ieħor kura pastorali l-mument li fih il-pellegrini jħallu s-Santwarju biex jerġgħu lura għall-ħajja tagħhom ta’ kuljum: ħa jirċievu kliem u sinjali ta’ tama, biex hekk il-pellegrinaġġ li għamlu jilħaq it-tifsira sħiħa tiegħu.

 

Xtaqt li s-sena d-dieħla, bi tħejjija għall-Ġublew tal-2025, tkun kollha kemm hi ddedikata lit-talb. Ma jdumux ma jiġu ppubblikati Sussidji, li jistgħu jgħinu biex niskopru mill-ġdid iċ-ċentralità tat-talb. Nirrakkomandahom: joffru qari tajjeb, li jħeġġiġna nitolbu b’sempliċità u skont il-qalb ta’ Kristu. Inġeddu ta’ kuljum il-ferħ u l-impenn li nkunu bnedmin ta’ talb. It-talb mill-qalb, mhux bħall-pappagalli. Le. Mill-qalb. Jalla l-kliem li jitlissen ikun ħiereġ mill-qalb. Intom, fis-Santwarji, dan tagħmluh bl-ispiritwalità tipika li tikkaratterizzahom.

 

Mis-Santwarji kollha ħa titla’ għanja ta’ radd il-ħajr lill-Mulej għall-għeġubijiet li jwettaq anki llum. U nitolbu l-interċessjoni tal-Omm ta’ Alla biex, f’dan iż-żmien hekk ta’ tiġrib, tant ħutna li qed ibatu jistgħu jerġgħu jsibu l-paċi u t-tama.

 

Jiena nseħibkom bil-Barka tiegħi. U nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex fis-Santwarji tagħkom tiftakru titolbu għalija wkoll. Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard