Laikos

 

Diskors tal-Qdusija tiegħu Papa Franġisku

 lill-membri tal-Kunsill Amministrattiv tal-Fondazzjoni

"POPULORUM PROGRESSIO"

Il-Ġimgħa, 16 ta’ Settembru  2022

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u merħba!

Nirringrazzja lil Mons. del Río għall-introduzzjoni tiegħu; insellem lil Mons. Cabrejos, President taċ-CELAM, u lil Sr. Alessandra Smerilli, Segretarija tad-Dikasteru għas-Servizz tal-Iżvilupp sħiħ tal-Bniedem; insellem lil kull wieħed u waħda minnkom.

Fis-26 ta’ Marzu, 1969, fit-tieni anniversarju tal-Enċiklika Populorum progressio, il-Qaddis Pawlu VI waqqaf Fond biex jgħin il-bdiewa foqra u jippromwovi riforma agrarja, ġustizzja soċjali u paċi fl-Amerika Latina, skont l-orjentamenti offruti mill-Isqfijiet ta’ dak il-kontinent.

Fl-1992, fil-ħames ċentinarju tal-bidu tal-evanġelizzazzjoni fil-kontinent Amerikan, meta kienet saret ir-IV Assemblea Ġenerali tal-Isqfijiet fl-Amerika Latina, il-Qaddis Ġwanni Pawlu II ried li jwaqqaf il-Fondazzjoni awtonoma “Populorum Progressio”, bl-għan li din tippromwovi l-iżvilupp sħiħ tal-komunitajiet tal-bdiewa l-aktar foqra fl-Amerika Latina. Kiteb hekk: «Dan għandu jkun ġest ta’ mħabba solidali li l-Knisja turi ma’ dawk abbandunati u li għandhom bżonn tal-akbar ħarsien, bħal popolazzjonijiet indiġeni, dawk ta’ razez imħallta u l-Afro-amerikani. […] Il-Fondazzjoni għandha tikkollabora ma’ dawk kollha li jagħrfu t-tbatija tal-popli fl-Amerika Latina u jixtiequ jagħtu sehemhom għall-iżvilupp sħiħ ta’ dawn il-popli, fil-waqt li tara x’jista jsir ħalli d-duttrina soċjali tal-Knisja tkun applikata b’mod ġust» (Chirografo istitutivo della Fondazione “Populorum Progressio”, 13 ta’ Frar 1992).

Nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn dawk kollha li matul dawn it-tletin sena ħadmu għal din il-Fondazzjoni, li issa ser tibdel il-forma tagħha, imma – nixtieq nisħaq - li ser tibqa’ żżomm il-missjoni tagħha u tkun opra ta’ karità tal-Papa.

Ħafna familji fl-Amerika Latina u fil-Karajbi jgħixu f’kundizzjonijiet li mhumiex umani. Kif jisħaq id-dokument konklużiv ta’ Aparecida, «dawk imwarrbin mhux biss huma “sfruttati”, imma qishom ma jeżistux”, huma skart”» (n. 65). L-Assemblea ekkleżjali tal-Kontinent li għadu fi stat ta’ żvilupp, kienet opportunità biex nisimgħu l-karba tal-foqra, u s-Sinodu tal-Amażonja qarribna lejn ir-realtà tal-esklużjoni li jgħixu fiha l-komunitajiet indiġeni u dawk ta’ dixxendenza Afrikana. L-erba’ ħolmiet li xtaqt naqsam mal-Amażonja jgħoddu għall-kontiment kollu u għal kollha kemm hi l-umanità. Jeħtieġ li «quddiem id-diversi modi ta’ eliminazzjoni u twarrib tal-oħrajn fi żmienna, ikollna l-ħila li nirreaġixxu b’ħolma ġdida ta’ fraternità u ta’ ħbiberija soċjali li ma tillimitax ruħha għall-kliem biss» (Enc. Fratelli tutti, 6).

Fil-waqt li nagħmlu l-mixja sinodali, jeħtieġ nikbru bħala Knisja  “sammaritana” li toffri serħan, u tieħu l-impenn li titbaxxa biex tmiss il-pjagi fil-ġisem ta’ Kristu li qed ibati fil-poplu tiegħu (ara Esort. ap. Evangelii gaudium, 24). Hu ried li jsir ħaġa waħda ma’ dawk l-aktar foqra u mwarrba u joffrilna l-preżenza ħanina tiegħu fihom (ara  Mt 25,31-46).

Nittamaw li dawn l-inizjattivi ta’ solidarjetà juru li l-bidla tista’ sseħħ, li r-realtà mhijiex imfixkla. U nittamaw li jekk isiru bil-għaqal u b’koerenza, dawn jistgħu jimmotivaw lil ħafna.

Ir-riforma li qed nagħmlu fil-Kurja Rumana u li sabet l-espressjoni tagħha fil-Praedicate Evangelium, qed tpoġġi quddiemna sensiela ta’ bidliet li huma meħtieġa. Fost dawn hemm dik li tikkonċerna l-Fondazzjoni Populorum progressio, li issa ilha ġa 30 sena u qdiet il-kawża tal-foqra fil-Kontinent, skont ir-rieda ta’ San Pawlu VI, u  ikkonfermata minn San Ġwanni Pawlu II. Dan juri l-ħtieġa ta’ rabta aktar b’saħħitha mal-Knejjes lokali biex il-prgrammi ta’ żvilupp integrali fil-komunitajiet indiġeni u afro-dixxendenti, li huma minsija u mgħaddsa fil-miżerja u degradazzjoni, jistgħu jkunu aktar effikaċi.

Il-foqra m’għandhomx ikunu dawk li nagħmlu għalihom opri ta’ benefiċenza. Għandhom ikunu parti attiva mid-dixxerniment dwar il-ħtiġiet l-aktar urġenti. «M’għandniex bżonnu proġett tal-ftit indirizzat lejn il-ftit, inkella xi minoranza mdawla jew xhieda illi taħtaf taħt idejha sentiment kollettiv» (Evangelii gaudium, 239). Importanti ninħelsu minn mentalitajiet paternalistiċi li jkomplu jkabbru l-qasma bejn dawk imsejħa biex jiffurmaw familja waħda.

Fil-messaġġ tiegħu għall-għaxar anniversarju tal-Fondazzjoni, Ġwanni Pawl II ġa kien saħaq li «ta’ min jinnota li l-Knejjes partikulari tal-Amerika Latina wkoll jagħtu sehemhom fil-finanzjament tal-proġetti. Barra minn hekk, karatteristika tal-ħidma tal-Fondazzjoni hi, li l-persuni responsabbli biex ikunu approvati l-proġetti u jiddeċidu kif jitqassmu l-fondi, huma mill-istess postijiet fejn ikunu ser isiru l-proġetti» (14 ta’ Ġunju 2002).

Kien minħabba dawn ir-raġunijet, flimkien max-xewqa li din l-għajnuna għall-iżvilupp tibqa’ espressjoni tal-karità tal-Papa, bla ma jkollha ċ-ċentru tagħha fil-Kurja Rumana, u tkun ukoll skont il-linja ta’ simplifikazzjoni, li jien fdajt f’idejn iċ-CELAM il-ħidma biex tgħin fl-analiżi tal-proġetti u fit-twettiq tagħhom. Id-Dikasterui għas-Servizz tal-Iżvilupp Sħiħ tal-Bniedem jibqa’ jżomm ir-reponsabbiltà tal-amministrazzjoni tal-fond biex jaqdi din il-missjoni.  

Kif qal  Benedittu XVI fl-14 ta’ Ġunju 2007. meta kellem lil dawk li ħadu sehem fil-laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv tal-Fondazzjoni  “Populorum Progressio”, «din l-opra li twaqqfet 15-il sena ilu, għandha tkompli ssegwi l-prinċipji li jimmarkaw l-impenn tagħha favur id-dinjità ta’ kull bniedem u l-ġlieda kontra l-faqar».

Mill-ġdid nuri l-apprezzament tiegħi bi gratitudni lejn dawk kollha li taw is-servizz tagħhom f’din il-Fondazzjoni . U nixtieq ukoll nesprimi rikonoxxenza lejn dawk il-gruppi internazzjonalii kollha li kkollaboraw, fil-waqt li  nħeġġiġhom biex ikomplu jagħtu dan l-impenn.

Fil-Viżitazzjoni, il-Verġni Marija turi ruħha lilna bħala dik attenta u malajr lesta li taqdi. Bl-għożża u t-tenerezza tagħha ta’ omm, hi tqanqalna nkunu qrib dawk l-aktar foqra u minsija, li Alla żgur ma jinsiehomx.

Għeżież ħuti, nirringrazzjakom tal-impenn tagħkom.Inberikkom minn qalbi u nkun magħkom bit-talb tiegħi. U intom ukoll, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.


Miġjub mit-Taljan għall-Maltin minn Vivienne Attard