Laikos

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LILL-KURJA TA’ RUMA GĦALL-AWGURI TAL-MILIED

Aula della Benedizione
Il-Ħamis, 21 ta’ Diċembru, 2023

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-ewwel irrid irrodd ħajr lill-Kardinal Re għall-kliem li ndirizzali; u wkoll għall-enerġija: disgħin sena b’din l-enerġija!  Avanti, kuraġġ!  Grazzi.

Il-Misteru tal-Milied iqajjem l-istagħġib fi qlubna – il-kelma/muftiħ - ta’ aħbar mhux mistennija: Alla jiġi, Alla jinsab fostna u d-dawl tiegħu ċarrat id-dlam tad-dinja darba għal dejjem.  Għandna bżonn nisimgħu u nilqgħu din l-aħbar, dejjem, speċjalment fi żmien li b’djieqa tal-qalb, għadu mċappas bil-vjolenza tal-gwerer, bir-riskji epokali li aħna esposti għalihom minħabba t-tibdil fil-klima, mill-faqar, mit-tbatija, mill-ġuħ – hawn il-ġuħ fid-dinja! – u minn ġrieħi oħra li jgħammru l-istorja tagħna.  Hu ta’ faraġ niskopru li f’dawn “l-imkejjen” ta’ dulur kif ukoll fl-ispazji kollha tad-dgħufija umana tagħna, Alla jidher f’dil-benniena, il-maxtura li llum Hu jagħżel biex jitwieled fiha biex iġib lil kulħadd l-imħabba tal-Missier; u jagħmel dan bl-istil ta’ Alla: qrubija ħniena, tenerezza.

Għeżież għandna bżonn nisimgħu l-aħbar ta’ Alla li ġej, li niddixxernu s-sinjali tal-preżenza tiegħu u li niddeċiedu li niddedikaw ruħna għall-Kelmtu billi nimxu warajh.  Smigħ, dixxerniment, mixi: tlett verbi għall-mixja tal-fidi tagħna u għas-servizz li nagħtu fil-Kurja.  Nixtieq intihomlkom permezz ta’ xi persunaġġi ewlenin tal-Milied Imqaddes.

Qabel xejn, Marija tfakkarna fis-smigħ.  It-tfajla ta’ Nazaret, li tħaddan f’dirgħajha lil Dak li ġie biex iħaddan id-dinja, hi l-Verġni tas-smigħ għax tat widen għat-tħabbira tal-Anġlu u fetħet qalbha għall-proġett ta’ Alla.  Hi tfakkarna li l-ewwel u l-akbar kmandament hu “Isma’ Iżrael” (Dewt 6,4), għaliex qabel kull preċett, aktar importanti r-relazzjoni ma’ Alla, li nilqgħu d-don ta’ mħabbtu li ġie biex jiltaqa’ magħna.  Infatti s-smigħ hu l-verb bibliku li mhux marbut biss mas-sensi imma jimplika wkoll is-sehem tal-qalb u għalhekk il-ħajja nfisha.  San Benedittu hekk jibda r-Regola tiegħu: “Isma’ b’attenzjoni, ibni” (Regola, Prologu, 1).  Li nisimgħu mill-qalb hu xi ħaġa aktar milli nisimgħu il-messaġġ bil-widnejn jew li ngħaddu l-informazzjoni lil xulxin; hu smigħ interjuri bil-ħila li jinterċetta l-ħtiġijiet tal-ieħor, ta’ relazzjoni li tistedinna mmorru ‘l hinn mill-iskemi u biex negħlbu l-preġudizzji li kultant nagħlqu fihom, qieshom f’kaxxi, il-ħajja ta’ min ikun maġenbna.  Is-smigħ dejjem hu bidu ta’ mixja.  Il-Mulej jitlob dan is-smigħ mill-qalb mill-poplu tiegħu, relazzjoni miegħu li hu Alla ħaj.

Dan hu s-smigħ tal-Verġni Marija,l i tirċievi t-tħabbira tal-Anġlu bil-ftuħ, ftuħ totali, u propju minħabba f’hekk ma taħbix t-tħassib u l-mistoqsijiet li jitqanqlu fiha; imma tinvolvi ruħha bid-disponibbiltà fir-relazzjoni ma’ Alla li għażliha, u tilqa’ l-proġett tiegħu.  Hemm djalogu u hemm l-ubbidjenza.  Marija tifhem li hi destinatarja ta’ don inestimabbli u, “għarkupptejha”, jiġifieri bl-umiltà u l-istagħġib, tisma’.  Is-smigħ għarkupptejna hu l-aħjar mod biex nisimgħu bis-serjetà, għax ifisser li ma ninsabux quddiem l-ieħor fil-pożizzjoni ta’ min jaħseb li diġà jaf kollox, li diġà interpreta kollox qabel ma’ sama’, ta’ min iħares  minn fuq għal isfel, imma għal kuntrarju, hu miftuħ għall-misteru tal-ieħor, lest biex bl-umiltà jirċievi dak li jrid itina.  Nifakru li hemm okkażjoni waħda li nistgħu nħarsu lejn persuna minn fuq għal isfel: hu biss biex ngħinuha tqum.  Hi l-unika okkażjoni li fiha jiswa’ tħares lejn persuna minn fuq għal isfel.

Xi drabi, fil-komunikazzjoni ta’ bejnietna wkoll, nirriskjaw li nkunu nixbħu lill-lupu ħattaf: mill-ewwel irridu niddivoraw kliem l-ieħor bla ma nisimgħuh verament, u minnufih nimlewh bl-impressjonijiet tagħna u l-ġudizzji tagħna.  Minflok, biex nisimgħu lil xulxin hemm bżonn tas-silenzju interjuri, imma wkoll ta’ spazju ta’ silenzju bejn is-smigħ u t-tweġiba.  Mhux table-tennis.  L-ewwel nisimgħu, imbagħad fis-silenzju nilqgħu, nirriflettu, ninterpretaw u biss wara, li nkunu nistgħu nagħtu tweġiba.  Dan kollu nitgħallmuh bit-talb, għax dan iwessa’ l-qalb, iniżżilna minn fuq il-pedistall tal-egoċentriżmu tagħna, jedukana biex nisimgħu lill-ieħor u jiġġenera fina s-silenzju tal-kontemplazzjoni.  Nitgħallmu l-komtemplazzjoni permezz tat-talb billi ninżlu għarkupptejna quddiem il-Mulej, imma mhux b’riġlejna biss, iżda għarkupptejna b’qalbna wkoll!  Fix-xogħol tagħna, fil-Kurja wkoll, “hemm bżonn nimploraw kuljum, nitolbu l-grazzja tiegħu biex jiftħilna qalbna kiesħa u biex jheżżeż qalbna bierda u superfiċjali.  Huwa urġenti li nsibu mill-ġdid spirtu kontemplattiv li jippermettielna li ta’ kuljum insiru depożitarji tat-tajjeb li jumanizza, li jgħinna nimxu lejn ħajja ġdida.  Lill-oħrajn ma nistgħu ngħaddulhom xejn aħjar minn hekk” (Il-Ferħ tal-Vanġelu, 264).

Ħuti, fil-Kurja wkoll hemm bżonn nitgħallmu l-arti tas-smigħ.  Qabel id-dmirijiet tagħna ta’ kuljum u tal-attivitajiet tagħna, fuq kollox skont l-irwol li għandna, hemm bżonn niskopru mill-ġdid il-valur tar-relazzjonijiet, u nfittxu li nneżżgħulhom il-formaliżmi, nanimawhom bi spirtu evanġeliku billi, qabel kollox nisimgħu lil xulxin sewwa.  B’qalbna għarkupptejha.  Nisimgħu lil xulxin aħjar, mingħajr preġudizzji, miftuħin u bis-sinċerità; b’qalbna għarkupptejha.  Nisimgħu lil xulxin u nippruvaw nifhmu sewwa dak li jgħid ħuna, nagħrfu ħtiġijietu u b’xi mod ħajtu nfisha, li hemm moħbija wara kliemu, bla ma niġġudikaw.  Kif b’dehen iwissina San Injazju: “kull nisrani tajjeb għandu jkun aktar lest biex jinterpreta tajjeb xi ħaġa li jkun sema' mingħand ieħor milli biex jikkundannaha. Jekk ma jistax jinterpretaha tajjeb, għandu jfittex biex jara dak li jkun qalha kif jifhimha. Jekk tassew jifhimha ħażin, jikkorreġih bl-imħabba. U jekk dan ma jkunx biżżejjed, għandu jfittex kull mezz xieraq biex l-ieħor isir jifhimha sew, u hekk ma jkunx fl-iżball” (Eżerċizzi Spiritwali, 22). Hi kollħa ħidma biex lill-ieħor nifhmuh sewwa.  U ntenni: li tisma’ hu differenti milli tagħti widen.  Aħna w nimxu fit-toroq ta’ blietna nistgħu nisimgħu tgeġwiġija ta’ ilħna u bosta ħsejjes, madankollu fil-biċċa l-kbira ma nagħtuhomx widen, ma nagħmluhomx tagħna u ma jibqgħux fina.  Ħaġa, sempliċiment tisma’, ħaġ’oħra tagħti widen, li jfisser ukoll “tilqa’ ġewwa fik” (tinterjorizza).

Meta nisimgħu lil xulxin inkunu qed ngħixu d-dixxerniment bħala mod ta’ kif naġixxu.  U hawn nistgħu nsemmu lil Ġwanni l-Battista.  L-ewwel il-Madonna li tisma’, issa Ġwanni li jiddixxerni.  Aħna nafu l-kobor ta’ dal-profeta, l-awsterità u l-qawwa tal-predikazzjoni tiegħu.  Madankollu, meta jasal Ġesù u jibda l-ministeru tiegħu, Ġwanni jinħakem minn kriżi drammatika tal-fidi; hu kien ħabbar il-wasla imminenti tal-Mulej bħala dik ta’ Alla omnipotenti, li fl-aħħar kellu jiġġudika lill-midinbin u jitfa’ kull siġra li ma tagħmilx frott fin-nar u jaħraq it-tiben b’nar li ma jintefiex (cfr Mt 3,10-12).  Iżda din l-idea tal-Messija titfarrak għal kollox quddiem il-ġesti, il-kliem u l-istil ta’ Ġesù, quddiem il-kumpassjoni u l-ħniena li Hu juża ma’ kulħadd.  Allura l-Battista jħoss li kellu jagħmel dixxerniment biex jara b’għajnejn ġodda.  Infatti l-Evanġelju jgħidilna: “Ġwanni, li kien fil-ħabs sama' bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu u qallu: "Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?" (Mt 11,2-3).  Insomma, Ġesù ma kienx dak li kien qed jistenna hu, għalhekk il-Prekursur ukoll ikollu jikkonverti għan-novità tas-Saltna, ikollu l-umiltà u l-kuraġġ li jagħmel dixxerniment.

Din hi r-raġuni li d-dixxerniment hu importanti għalina lkoll, din l-arti tal-ħajja spiritwali li tneżżgħana mil-pretensjoni li diġà nafu kollox, mir-riskju li biżżejjed napplikaw ir-regoli, mit-tentazzjoni li fil-Kurja wkoll nibqgħu għaddejjin billi noqgħodu nirrepetu sempliċiment l-istess skemi, bla ma nqisu li l-Misteru t’Alla dejjem jissuperana u li l-ħajja tal-persuni u r-realtà li mdawrin biha se jibqgħu dejjem superjuri għall-ideat u t-teoriji.  Il-ħajja hi superjuri għall-ideat, dejjem.  Hemm bżonn inħaddmu d-dixxerniment spiritwali, li ngħarrxu biex infittxu x’hini r-rieda t’Alla, li nistaqsu, ninterrogaw dak li tgħidilna qalbna, biex inkunu nistgħu nivvalutaw id-deċiżjonijiet li jkollna nieħdu u l-għażliet li rridu nagħmlu.  Il-Kardinal Martini kien kiteb: “Id-dixxerniment hu ħaġa ferm differenti mill-iskruplu metikoluz ta’ min jgħix il-monotonija legalistika jew bil-pretensjoni tal-perfezzjoniżmu.  Hu l-impuls ta’ mħabba li jagħraf jiddistingwi bejn dak li hu tajjeb u dak li hu aħjar, bejn dak li hu utli fih innifsu u dak li hu utli issa, bejn dak li ġeneralment jista’ jmur tajjeb u dak li, minflok, hemm bżonn li jitmexxa ‘l quddiem”.  U jżid: “In-nuqqas ta’ tensjoni biex wieħed jiddixxerni dak li hu aħjar, spiss iġib monotonija fil-ħajja pastorali, ripetittiva: ikunu multiplikati l-azzjonijiet reliġjużi u jittennew ġesti tradizzjonali bla ma nkunu konxji sew tas-sens tagħhom (L-Evanġelju ta’ Marija, Milan 2008, 21).  Id-dixxerniment għandu jgħinna wkoll fix-xogħol tal-Kurja, biex inkunu doċli għall-Ispirtu s-Santu, biex nagħrfu nagħżlu l-orjentamenti u nieħdu deċiżjonijiet mhux a bażi ta’ kriterji mondani jew billi sempliċiment napplikaw ir-regolamenti, imma skont l-Evanġelju.

Is-smigħ: Marija.  Id-dixxerniment: il-Battista.  U issa t-tielet kelma: mixi.  U ħsiebna jdur naturlament lejn il-Maġi.  Huma jfakkruna fl-importanza tal-mixi.  Il-ferħ tal-Evanġelju, meta nilqgħuh verament, inissel fina l-moviment tas-sekwela, u jipprovoka fina eżodu sħiħ minna nfusna waqt li jmexxina lejn il-laqgħa mal-Mulej u lejn il-milja tal-ħajja.  L-eżodu minna nfusna: atteġġjament tal-ħajja spiritwali tagħna li għandna nibqgħu neżaminawh bla nieqfu.  Il-fidi nisranija – niftakruha din – ma tridx tikkonferma s-sigurtajiet tagħna, takkomodana f’ċertezzi reliġjużi ħfief, tirregalalna tweġibiet lesti għall-problemi kumplikati tal-ħajja.  Bil-maqlub, meta Alla jsejjaħ, dejjem iqanqal sens ta’ mixja, kif sar ma’ Abram, ma’ Mosè, mal-profeti u mad-dixxipli kollha tal-Mulej.  Hu jibgħatna fi vjaġġ, joħroġna mill-comfort zones tagħna, idaħħlilna dubju dwar dak li nkunu ksibna u propju b’hekk, jeħlisna, jittrasformana, idawwal l-għajnejn ta’ qlubna biex jgħinna nifhmu għal liema tama sejħilna (cfr Ef 1,18).  Kif jafferma Michel de Certeau. “il-mistiku hu dak jew dik li ma jistgħux iwaqqfu l-mixja.  (...) Ix-xewqa toħloq eċċess.  Tesaġera, tgħaddi u titlef ir-rotta.  Tibagħtek aktar ‘il bogħod, ximkien ieħor” (Fabula Mistica. XVI-XVII secolo, Milan 2008, 353).

Fis-servizz tal-Kurja wkoll importanti li nibqgħu għaddejjin f’mixja, ma nieqfu qatt infittxu u nidħlu aktar fil-fond tal-verità, ngħelbu t-tentazzjoni li nibqgħu imwaħħlin u nduru fil-labirint tal-għeluq u l-biżgħat tagħna.  Il-biżgħat, ir-riġidita, ir-ripetizzjoni tal-iskemi jiġġeneraw statiċità, li donnha ttina l-vantaġġ li ma toħolqilniex problemi – quieta non movere  -, nibqgħu nduru fil-vojt fil-labirinti tagħna, u nippenalizzaw is-servizz li aħna msejħin nagħtu lill-Knisja u lid-dinja kollha.  U nibqgħu nishru kontra l-fissazzjoni tal-ideoloġija, li spiss, bil-libsa tal-intenzjonijiet tajba, tifridna mir-realtà u ma tħalliniex nimxu.  Minflok, aħna msejħin biex nibdew il-vjaġġ u nimxu kif għamlu l-Maġi li mxew wara d-Dawl li dejjem irid iwassalna aktar ‘l hinn u li ximindaqqiet iġagħalna nfittxu mogħdijiet mhux esplorati u nterrqu toroq ġodda.  U ma ninsewx li l-vjaġġ tal-Maġi – bħal kull mixja li tirrakkuntalna l-Bibbja - jidba dejjem “minn fuq”, b’sejħa mill-Mulej, b’sinjal li jiġi mis-sema, jew għaliex Alla nnifsu jsir il-gwida tagħna li jdawwal il-passi ta’ wliedu.  Għalhekk, meta s-servizz li nagħtu jirriskja li jaqa’ fil-monotonija, li jidħol f’labirint, fir-riġidità jew fil-medjokrità, meta nsibu ruħna mħabblin fix-xbieki tal-burokrazija u ta’ “basta nirranġaw”, niftakru li għandna nħarsu ‘l fuq, nibdew mill-ġdid minn Alla, inħallu Kelmtu ddaħħalna f’riskju, biex insibu dejjem il-kuraġġ li nibdew mill-ġdid. U ma ninsewx li mill-labirint noħorġu biss “min-naħa ta’ fuq”

Biex nimxu għandna bżonn il-kuraġġ, ħalli mmorru aktar ‘l hinn.  Hi kwistjoni ta’ mħabba.  Biex inħobbu jeħtieġ inkunu kuraġġużi.  Nixtieq infakkar riflessjoni ta’ saċerdot żelanti dwar dan l-argument, li tista’ tkun ta’ għajnuna għalina wkoll fix-xogħol tagħna fil-Kurja.  Hu jgħid li hi iebsa biex terġa’ tkebbes il-ħatab taħt l-irmied tal-Knisja.  Il-parti t-tqila llum hi dik li nittrażmettu mill-ġdid il-passjoni li min ilu li tilifha.  Wara sittin sena mill-Konċilju, għandna niddiskutu dwar il-qasma bejn ‘il-progressisti” u “konservattivi”, imma d-differenza mhix dik: id-differenza ċentrali hi bejn “min għandu n-namra” u “min moħħu fid-drawwa”.  Din hi d-differenza.  Jista’ jimxi biss dak li jħobb.  Ħuti, grazzi tal-ħidma tagħkom u għad-dedikazzjoni tagħkom.  Fix-xogħol tagħna ejjew nikkultivaw is-smigħ tal-qalb u b’hekk inkunu ta’ servizz għall-Mulej waqt li nitgħallmu nilqgħu llil xulxin, nisimgħu lil xulxin; inħaddmu d-dixxerniment, biex inkunu Knisja li tfittex li tinterpreta s-sinjali tal-istorja bid-dawl tal-Evanġelju, tfittex soluzzjonijiet li jittrażmettu l-imħabba tal-Missier; u nibqgħu mexjin dejjem bl-umiltà u l-istagħġib biex ma jollniex il-prużunzjoni li nħossu li wasalna u biex fina ma tintefiex ix-xewqa ta’ Alla.  U grazzi ħafna lilkom, l-aktar għall-ħidma li twettqu fis-skiet.  Ma ninsewx: nisimgħu, niddixxernu, nimxu.  Marija, il-Battista u l-Maġi.

Il-Mulej Ġesù, Verb Inkarnat, itina l-grazzja tad-don tal-ferħ fis-servizz umli u ġeneruz.  U jekk jogħġobkom, nirrikmandalkom, ma nitilfux is-sens tal-umoriżmu, li hu saħħa!

Awguri għal Milied Qaddis lill-għeżież tagħkom ukoll!  U, quddiem il-presepju, għidu talba għalija.  Grazzi ħafna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber