Laikos

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU 
FL-OKKAŻJONI TAL-GĦOTI TAL-PREMJU
“È GIORNALISMO"

Is-Sibt, 26 ta’ Awwissu, 2023

Għeżież ħbieb, merħba!

Insellmilkom u rrodilkom ħajr għal dil-laqgħa u għall-għotja tal-Premju “è Giornalismo”.  Għandkom tkunu tafu li jien, sa minn qabel ma sirt Isqof ta’ Ruma, kont soltu nirrifjuta l-offerta tal-premjijiet.  Qatt ma rċevejthom għax ma ridtx.  U bqajt nagħmel l-istess anki meta sirt Papa.  Iżda hemm raġuni li mbuttatni biex naċċetta dan tagħkom, u hi l-urġenza ta’ komunikazzjoni kostruttiva, li tiffavorixxi kultura ta’ laqgħa u mhux ta’ kunflitt; kultura tal-paċi mhux tal-gwerra; kultura tal-ftuħ lejn l-ieħor u mhux il-preġudizzju.  Ilkoll kemm intom, intom illustri esponenti tal-ġurnaliżmu taljan.  Allura ippermettuli nafda magħkom tama u bis-sinċerità kollha nagħmlilkom talba għall-għajnuna.  Imma mhux se nitlobkom flus, tħabblux raskom!

It-tama hi din: li llum, fi żmien li fih kulħadd donnu jikkummenta fuq kollox anki mingħajr ma jagħti kas tal-fatti u spiss ukoll minn qabel ma jkunu informa ruħu, nerġgħu niskopru u nerġgħu nibdew nikkultivaw dejjem aktar il-prinċipju tar-realtà – ir-realtà hi superjuri għall-idea, dejjem -: ir-realtà tal-fatti, id-dinamiżmu tal-fatti; li qatt mhuma statiċi u dejjem jevolvu, lejn it-tajjeb jew lejn il-ħażin, biex ma nirriskjawx li s-soċjetà tal-informazzjoni tittrasforma ruħha f’soċjetà ta’ diżinformazzjoni.  Id-diżinformazzjoni hi waħda mid-dnubiet tal-ġurnaliżmu, li huma erba’: id-diżinformazzjoni, meta l-ġurnaliżmu ma jinfurmax jew jinforma ħażin; il-kalunnja (kultaant din tintuża wkoll); l-akkużi foloz, li huma differenti mill-kalunnja imma xorta waħda qerrieda; u r-raba’ hi l-koprofilja, jiġifieri l-imħabba lejn l-iskandlu, il-ħmieġ,.... l-iskandlu fih suq.  Id-diżinformazzjoni hi l-ewwel fost id-dnubiet, tal-iżbalji – biex ngħidu hekk – tal-ġurnaliżmu.

Biex dan isir, però hemm bżonn tixxerred kultura tal-laqgħa, kultura tad-djalogu, kultura li tisma’ lill-ieħor u r-raġunijiet tiegħu.  Il-kultura diġitali tagħtna possibiltajiet ġodda ta’ skambju, imma tirriskja wkoll li l-komunikazzjoni tibdilha fi slogan.  Le, il-komunikazzjoni dejjem hi sejra w ġejja.   Jiena ngħid, nisma’ u nwieġeb, imma djalogu dejjem.  Mhix slogan.  Tħassibni ħafna, dejjem, per eżempju, il-manipulazzjoni ta’ min ixerred fake news biex jaqdi l-interessi tiegħu, biex jinfluwenza l-opinjoni pubblika.  Jekk jogħġobkom, ma naqgħux fil-loġika tal-kontrappożizzjoni, ma nħallux il-lingwaġġi tal-mibgħeda jikkundizzjonawna.  Fiċ-ċirkostanza traġika li għaddejja minnha l-Ewropa, bil-gwerra fl-Ukrajna għadha għaddejja, aħna għandna sejħa biex nagħmlu qabża ta’ reponsabbiltà.  It-tama tiegħi hi li l-ilħna tal-paċi jingħataw widen u li jkun hemm impenn biex jintemm dan il-kunflitt kif ukoll biex jintemmu ħafna oħrajn, (li jingħata widen) lil min ma jċedix għal-loġika “ta’ Kajjin” tal-gwerra, imma jkompli jemmen, minkejja kollox, fil-loġika tal-paċi, fil-loġika tad-djalogu, fil-loġika tad-diplomazija.

U issa nasal għat-talba ta’ għajuna.  Propju f’daż-żmien li fih tpaċpiċ għandna kemm irridu imma ftit nisimgħu, u li fih hemm ir-riskju li s-sens tal-ġid komuni jiddgħajjef, il-Knisja kollha qabdet mixja biex issib mill-ġdid il-kelma flimkien.  Għandna bżonn insibu mill-ġdid il-kelma flimkien.  Nimxu flimkien.  Nagħmlu mistoqsijiet lilna nfusna flimkienFlimkien, nieħdu r-responsabbiltà ta’ dixxerniment komunitarju, li għalina huwa talb, kif kienu għamlu l-ewwel Appostli: hija s-sinodalità, li rriduha ssir drawwa ta’kuljum fl-espressjonijiet kollha tagħha.  Propju għal dan il-għan, ftit aktar minn xahar ieħor, isqfijiet u lajċi minn madwar id-dinja kollha se jinġabru f’Ruma għal Sinodu dwar is-sinodalità, jisimgħu lil xulxin flimkien, jiddixxernu flimkien, jitolbu flimkien.  Il-kelma flimkien hija importanti ħafna.  Ninsabu f’kultura ta’ esklużjoni, li hi speċi ta’ kapitaliżmu tal-komunikazzjoni.  Forsi t-talba komuni ta’ din l-eklużjoni hija: “Niżżik ħajr, Mulej, għax jien mhux bħal dak, m’inix...:”: u jkunu jeskludu lilhom infushom.  Għandna niżżu ħajr lill-Mulej għal tant affarijiet sbieħ!

Nifhem sewwa li donnha tidher ħaġa diffiċli tifhimha, awtoreferenzjali, wisq teknika, ftit li xejn interessanti għall-pubbliku in ġenerali, titkellem dwar “Sinodu dwar is-sinodalità”.  Iżda dak li ġara s-sena li għadha kif għaddiet, li se jkompli tul l-assemblea ta’ Ottubru li ġej u mbagħad fit-tieni sessjoni f’Ottubru tal-2024,  hu ħaġa verament importanti għall-Knisja.  Hija mixja li kien beda San Pawlu VI, fi tmiem il-Konċilju, meta kien waqqaf is-Segretarjat tas-Sinodu tal-Isqfijiet, għax kien intebaħ li fil-Knisja tal-punent is-sinodalità kienet nieqsa, filwaqt li fil-Knisja orjentali teżisti din id-dimensjoni.  U dil-mixja ta’ tant snin – 60 sena – qed tagħti frott kbir.  Jekk jogħġobkom ejjew nidraw nisimgħu lil xulxin, nitkellmu u ma naqtgħux ras xulxin minħabba kelma.  Smigħ, diskussjoni b’mod matur.  Din hi grazzja li lkoll neħtieġu biex nimxu ‘l quddiem.  U hi ħaġa li l-Knisja llum qed toffri lid-dinja, dinja li bosta drabi ftit li xejn għandha ħila tieħu deċiżjonijiet ukoll meta fin-nofs hemm l-istess sopravivenza tagħna.  Qed  nippruvaw nitgħallmu mod ġdid kif ngħixu r-relazzjonijiet, billi nisimgħu lil xulxin u nsegwu leħen l-Ispirtu s-Santu.  Ftaħna l-bibien tagħna, offrejna lil kulħadd il-possibbiltà li jieħu sehem, tajna kas tal-esiġenzi u s-suġġerimenti ta’ kulħadd.  Flimkien irridu nagħtu kontribut biex nibnu Knisja fejn kulħadd iħossu d-dar, fejn ħadd mhu mwarrab.  Dik il-kelma tant importanti tal-Evanġelju: ilkoll.  Ilkoll, ilkoll: mhemmx kattoliċi tal-ewwel kategorija, tat-tieni jew tat-tielet klassi, le.  Ilkoll flimkien.  Ilkoll.  Hi l-istedina tal-Mulej.

Għalhekk nażżarda nitlob l-għajnuna tagħkom, mgħallmin tal-ġurnaliżmu: għinuni

nirrakkonta dal-proċess għal dak li hu realment, billi ninsew il-loġika tas-slogan  u tar-rakkonti mħejjijin bil-lest.  Le, ir-realtà.  Xi ħadd kien jgħid: “L-unika verità hija r-realtà”.  Iva, ir-realtà.  Ikun ta’ vantaġġ għalina lkoll, u jien ċert li dan ukoll “è giornalismo” (huwa ġurnaliżmu)!

Għeżież ħbieb mill-ġdid intenni l-grazzi tiegħi għal dil-laqgħa, għal dak li tfisser b’riferiment għall-impenn komuni tagħna favur il-verità u l-paċi.  Nirrikmanda lilkom ilkoll lill-interċessjoni ta’ Marija u nirrikmandalkom: tinsewx titolbu għalija!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber