Laikos

 

ITTRA APPOSTOLIKA F’GĦAMLA TA’ “MOTU PROPRJU”

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

ANTIQUUM MINISTERIUM

 

GĦAT-TWAQQIF TAL-MINISTERU TA’ KATEKISTA

 

1. Il-ministeru ta’ Katekista fil-Knisja hu antik ħafna. Hu ħsieb komuni bejn it-teologi li l-ewwel eżempji diġà nsibuhom fil-kitbiet tat-Testment il-Ġdid. Is-servizz tat-tagħlim għandu l-ewwel żerriegħa tiegħu fl-“għalliema” li l-Appostlu jsemmi meta jikteb lill-komunità ta’ Korintu: “Lil xi wħud Alla qegħedhom fil-Knisja fl-ewwel post bħala appostli, it-tieni bħala profeti, it-tielet bħala għalliema. Imbagħad id-don tal-mirakli, imbagħad id-don tal-fejqan, l-għajnuna, it-treġija, u d-don ta’ ilsna diversi. Jaqaw ilkoll appostli? Ilkoll profeti? Ilkoll għalliema? Ilkoll bid-don tal-mirakli? Ilkoll għandhom id-don tal-fejqan? Ilkoll jitkellmu bl-ilsna? Ilkoll ifissru? Intom ħabirku għal doni ogħla” (1 Kor 12:28-31).

 

L-istess Luqa jiftaħ il-Vanġelu tiegħu b’din l-istqarrija: “Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidu nett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa, biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kulma tgħallimt” (Lq 1:3-4). L-evanġelista donnu jaf tajjeb li bil-kitbiet tiegħu qed iforni għamla speċifika ta’ tagħlim li jista’ jagħti bażi soda u b’saħħitha lil dawk li diġà rċivew il-Magħmudija. L-Appostlu Pawlu mill-ġdid jerġa’ lura fuq l-argument meta lill-Galatin jirrakkomandalhom: “Dak li qiegħed jitgħallem id-duttrina għandu jaqsam ġidu ma’ min jgħallmu” (Gal 6:6). Kif nistgħu ninnotaw, it-test iżid dettall fundamentali: il-komunjoni tal-ħajja bħala karatteristika tal-frott tal-vera katekeżi li wieħed jirċievi.

 

2. Sa mill-bidu tagħha l-komunità Nisranija rat għamla mifruxa ta’ ministerjalità li saret konkreta fis-servizz mogħti minn irġiel u nisa li, ubbidjenti għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, iddedikaw ħajjithom għall-bini tal-Knisja. Il-kariżmi li l-Ispirtu qatt ma waqaf isawwab fuq l-imgħammdin, sabu f’xi waqtiet bixra viżibbli u tanġibbli ta’ servizz dirett lill-komunità Nisranija fil-kotra ta’ espressjonijiet tagħha, hekk li dan tqies bħala djakonija li l-komunità ma tistax tgħaddi mingħajrha. L-Appostlu Pawlu jinterpreta dan b’mod awtorevoli meta jgħid: “Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu; hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd. Lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd: lil wieħed kliem l-għerf, mill-istess Spirtu; lil ieħor il-kelma tas-sapjenza mill-istess Spirtu; lil ieħor il-fidi mill-istess Spirtu; lil ieħor id-don tal-fejqan mill-istess Spirtu; lil ieħor is-setgħa tal-mirakli; lil ieħor id-don tal-profezija; lil ieħor id-don tal-għażla tal-ispirti; lil ieħor diversi ilsna; lil ieħor it-tifsir tal-ilsna. Dan kollu jaħdmu l-istess Spirtu wieħed, li jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu” (1 Kor 12:4-11).

 

Għalhekk, fi ħdan it-tradizzjoni kariżmatika kbira tat-Testment il-Ġdid, nistgħu nilmħu l-preżenza attiva tal-imgħammdin li ħaddmu l-ministeru li bih għaddew f’xejra iktar organika, permanenti u marbuta mad-diversi ċirkustanzi tal-ħajja, it-tagħlim tal-Appostli u tal-Evanġelisti (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum, 8). Il-Knisja riedet tagħraf dan is-servizz bħala espressjoni konkreta tal-kariżma personali li għenet mhux ftit fit-tħaddim tal-missjoni tagħha tal-evanġelizzazzjoni. Il-ħarsa lejn il-ħajja tal-komunitajiet Insara bikrija li ħabirku biex ixerrdu u jiżviluppaw il-Vanġelu, tħeġġeġ anki llum lill-Knisja biex tifhem liema jistgħu jkunu l-espressjonijiet ġodda li bihom tista’ tkompli tibqa’ fidila lejn il-Kelma tal-Mulej biex twassal il-Vanġelu tiegħu lil kull ħlejqa.

 

3. L-istorja kollha tal-evanġelizzazzjoni f’dawn iż-żewġ millennji turi b’mod ċar xi frott ħalliet il-missjoni tal-katekisti. Isqfijiet, saċerdoti u djakni, flimkien ma’ tant irġiel u nisa ta’ ħajja kkonsagrata, iddedikaw ħajjithom għat-tagħlim tal-katekiżmu biex il-fidi twieżen b’mod validu l-ħajja personali ta’ kull bniedem. Barra minn hekk, xi wħud ġemgħu madwarhom aħwa oħra li fil-qsim tal-istess kariżma waqqfu Ordnijiet reliġjiżi mogħtija għalkollox għall-katekeżi.

 

Ma nistgħux ninsew l-għadd bla tarf ta’ lajċi li ħadu sehem dirett fit-tixrid tal-Vanġelu permezz tat-tagħlim tal-katekiżmu. Irġiel u nisa mqanqla minn fidi kbira u xhieda awtentiċi ta’ qdusija li, f’xi każi, kienu wkoll fundaturi ta’ Knejjes, u waslu saħansitra biex taw ħajjithom. Fi żmienna wkoll, tant katekisti kapaċi u ddedikati jmexxu komunitajiet sħaħ f’diversi reġjuni u jiżvolġu missjoni insostitwibbli fit-trasmissjoni u fl-approfondiment tal-fidi. Il-ġemgħa kbira ta’ beati, qaddisin u martri katekisti mmarkat il-missjoni tal-Knisja li jixirqilha l-għarfien tagħna għax hi għajn għammiela mhux biss għall-katekeżi, imma għall-istorja kollha tal-ispiritwalità Nisranija.

 

4. Ibda mill-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, il-Knisja ħasset b’għarfien imġedded l-importanza tal-impenn tal-lajkat fil-ħidma tal-evanġelizzazzjoni. Il-Padri Konċiljari saħqu iktar minn darba kemm hu meħtieġ għall-“plantatio Ecclesiæ” u l-iżvilupp tal-komunità Nisranija s-sehem dirett tal-fidili lajċi fid-diversi xejriet li fihom jistgħu jesprimu l-kariżma tagħhom. “Jixirqilha wkoll tifħir dik il-ġemgħa ta’ katekisti rġiel u nisa li qed tiswa ta’ ġid kbir għall-ħidma missjunarja. Mimlijin bi spirtu appostoliku l-katekisti qegħdin, b’sagrifiċċji kbar, jagħtu għajnuna liema bħalha u għalkollox meħtieġa għat-tixrid tal-fidi u tal-Knisja. Fi żmienna, meta l-għadd tal-kleru mhux biżżejjed biex ilaħħaq mal-evanġelizzazzjoni ta’ daqshekk nies u biex jeżerċita l-ministeru pastorali, ix-xogħol tal-katekisti jsir importanti ħafna” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet Ad gentes, 17).

 

Flimkien mat-tagħlim għani tal-Konċilju rridu nsemmu l-interess kontinwu tal-Papiet, tas-Sinodu tal-Isqfijiet, tal-Konferenzi Episkopali u tar-Ragħajja b’mod individwali li matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin wettqu tiġdid notevoli fil-katekeżi. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, l-Eżortazzjoni appostolika Catechesi tradendæ, id-Direttorju kateketiku ġenerali, id-Direttorju ġenerali għall-katekeżi, id-Direttorju għall-katekeżi mxandar dan l-aħħar, flimkien ma’ tant Katekiżmi nazzjonali, reġjonali u djoċesani huma espressjoni tal-valur ċentrali tal-ħidma kateketika li tqiegħed fl-ewwel post it-tagħlim u l-formazzjoni permanenti ta’ dawk li jemmnu.

 

5. Mingħajr ma nnaqqsu xejn mill-missjoni proprja tal-Isqof li hu l-ewwel Katekista fid-Djoċesi tiegħu flimkien mal-presbiterju li miegħu jaqsam fl-istess kura pastorali, u mir-responsabbiltà partikulari tal-ġenituri fil-formazzjoni Nisranija ta’ wliedhom (ara CIC kan. 774 §2; CCEO kan. 618), irridu nagħrfu l-preżenza tal-lajċi li grazzi għall-magħmudija tagħhom iħossuhom imsejħa jikkollaboraw fis-servizz tal-katekeżi (ara CIC kan. 225; CCEO kann. 401 u 406). Din il-preżenza ssir iżjed urġenti fi żminijietna bl-għarfien imġedded tal-evanġelizzazzjoni fid-dinja kontemporanja (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 163-168), u bl-impożizzjoni ta’ kultura globalizzata (ara Ittra enċiklika Fratelli tutti, 100, 138), li titlob laqgħa awtentika mal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, mingħajr ma ninsew l-esiġenza ta’ metodoloġiji u strumenti kreattivi li jagħmlu t-tħabbira tal-Vanġelu koerenti għat-trasformazzjoni missjunarja li qabdet il-Knisja. Fedeltà għall-imgħoddi u responsabbiltà għall-preżent huma l-kundizzjonijiet indispensabbli biex il-Knisja tista’ twettaq il-missjoni tagħha fid-dinja.

 

Biex nistgħu nqanqlu mill-ġdid il-ħeġġa personali ta’ kull imgħammed u nagħtu ħajja ġdida lill-għarfien li kulħadd hu msejjaħ iwettaq il-missjoni tiegħu fil-komunità, hemm bżonn nagħtu widen għal-leħen tal-Ispirtu li qatt ma jonqos mill-preżenza għammiela tiegħu (ara CIC kan. 774 §1; CCEO kan. 617). L-Ispirtu jsejjaħ illum ukoll irġiel u nisa biex jibdew mexjin u jmorru jiltaqgħu ma’ tant persuni li qed jistennew biex jiltaqgħu mal-ġmiel, mat-tjieba u mal-verità tal-fidi Nisranija. Hu dmir tar-Ragħajja li jwieżnu din il-mixja u jagħnu l-ħajja tal-komunità Nisranija bl-għarfien ta’ ministeri lajkali li jistgħu jikkontribwixxu għall-bidla tas-soċjetà permezz tat-“ tixrid tal-valuri Nsara fid-dinja soċjali, politika u ekonomika” (Evangelii gaudium, 102).

 

6. L-appostolat lajkali għandu valur li bla dubju ta’ xejn hu sekulari. Dan jitlob li l-lajċi “jfittxu s-saltna ta’ Alla billi jħaddmu l-ħwejjeġ temporali u jindirizzawhom skont ir-rieda ta’ Alla” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 31). Il-ħajja tagħhom ta’ kuljum hi minsuġa minn rabtiet u relazzjonijiet fil-familja u fis-soċjetà li jgħinuhom jifhmu kemm “huma msejħin b’mod partikolari biex jagħmlu l-Knisja preżenti u attiva f’dawk il-postijiet u f’dawk iċ-ċirkustanzi fejn hi ma tistax tkun il-melħ tal-art jekk mhux permezz tagħhom” (Lumen gentium, 33). Imma tajjeb niftakru li barra dak l-appostolat “il-lajċi jistgħu jkunu wkoll imsejħin b’modi differenti biex jgħinu aktar fil-qrib fl-appostolat tal-Ġerarkija, kif kienu jagħmlu dawk l-irġiel u nisa li kienu jgħinu lill-appostlu Pawlu fit-tixrid tal-Evanġelju u li ħadmu ħafna għall-Mulej” (Lumen gentium, 33).

 

Imma l-funzjoni partikulari li jagħmel il-Katekista hi waħda speċifika fost servizzi oħra ta’ qadi preżenti fil-komunità Nisranija. Fil-fatt, il-Katekista hu msejjaħ qabelxejn biex jesprimi l-kompetenza tiegħu fis-servizz pastorali tat-trasmissjoni tal-fidi li tiżviluppa fid-diversi tappi tagħha: mit-tħabbira tal-bidu li tintroduċi għall-kerygma, għat-tagħlim li jagħti għarfien tal-ħajja ġdida fi Kristu u jħejji b’mod partikulari għas-sagramenti tal-inizjazzjoni Nisranija, sal-formazzjoni permanenti li tagħti lil kull imgħammed li jkun dejjem lest “jagħti tweġiba lil kull min jitolbu l-għala tat-tama li għandu” (ara 1 Piet 3:15). Il-Katekista hu fl-istess waqt xhud tal-fidi, għalliem u mistagogu, akkumpanjatur u pedagogu li jgħallem f’isem il-Knisja. Identità li tista’ biss tiżviluppa b’koerenza u responsabbiltà permezz tat-talb, l-istudju u s-sehem dirett fil-ħajja tal-komunità (ara Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida, Direttorju għall-katekeżi, 113).

 

7. B’viżjoni fil-bogħod, San Pawlu VI ħareġ l-Ittra appostolika Ministeria quædam bil-fehma mhux biss li jadatta għall-mument storiku mibdul il-ministeru tal-Lettur u tal-Akkolitu (ara Ittra appostolika Spiritus Domini), imma anki li jħeġġeġ il-Konferenzi Episkopali biex jippromovu ministeri oħra, fosthom dak tal-Katekista: “Barra dawn l-uffiċċji komuni tal-Knisja Latina, xejn ma jżomm il-Konferenzi Episkopali milli jitolbu oħrajn lis-Sede Appostolika, jekk, għal diversi motivi, jiġġudikaw it-twaqqif tagħhom bħala meħtieġ jew utli ħafna għa dak ir-reġjun. Ta’ din ix-xejra huma, ngħidu aħna, l-uffiċċji ta’ Ostjarju, ta’ Eżorċista u ta’ Katekista”. L-istess stedina qawwija rġajna rajnieha fl-Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi meta, hija u titlobna nagħrfu naqraw l-esiġenzi attwali tal-komunità Nisranija f’kontinwità fidila mal-oriġni, sejħet biex insibu xejriet ġodda ministerjali għal tiġdid pastorali: “Dawn il-ministeri, li jistgħu jidhru ġodda imma li huma marbutin ħafna mal-esperjenzi ħajja tal-istorja tal-Knisja – pereżempju għandna dak ta’ katekista… huma prezzjużi għat-‘tħawwil’, għall-ħajja, għall-iżvilupp tal-Knisja u għall-qawwa tagħha biex tilħaq lil dawk ta’ madwarha u lil dawk bogħod minnha” (San Pawlu VI, Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi, 73).

 

Għalhekk, ma nistgħux niċħdu li “kiber l-għarfien dwar l-identità u l-missjoni tal-lajċi fil-Knisja. Għandna ħafna lajċi, anki jekk mhux biżżejjed, b’sens komunitarju b’saħħtu u fedeltà kbira lejn l-impenn fil-karità, fil-katekeżi, fiċ-ċelebrazzjoni tal-fidi” (Evangelii gaudium, 102). B’konsegwenza ta’ dan, l-għoti ta’ ministeru lajkali bħal dak ta’ Katekista jagħfas iktar fuq l-impenn missjunarju tipiku ta’ kull imgħammed li, imma, jiżvolġi f’għamla għalkollox sekulari mingħajr ma jaqa’ f’xi espressjoni ta’ klerikalizzazzjoni.

 

8. Dan il-ministeru għandu valur vokazzjonali qawwi li jitlob id-dixxerniment dovut min-naħa tal-Isqof u jidher fir-Rit tal-Istituzzjoni. Fil-fatt, dan hu servizz stabbli mogħti lill-Knisja lokali skont l-esiġenzi pastorali individwati mill-Ordinarju tal-post, imma mwettaq b’mod lajkali kif mitlub mill-istess natura tal-ministeru. Tajjeb li għall-ministeru istitwit ta’ Katekista jiġu msejħa rġiel u nisa ta’ fidi profonda u maturità umana, li jkollhom sehem attiv fil-ħajja tal-komunità Nisranija, li jkunu kapaċi jilqgħu, juru ġenerożità u jgħixu ħajja ta’ komunjoni fraterna, li jirċievu l-formazzjoni biblika, teoloġika, pastorali u pedagoġika li hemm bżonn biex ikunu komunikaturi attenti tal-verità tal-fidi, u li jkunu diġà mmaturaw minn qabel esperjenza ta’ katekeżi (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet Christus Dominus, 14; CIC kan. 231 §1; CCEO kan. 409 §1). Hu mitlub minnhom li jkunu kollaboraturi fidili tal-presbiteri u tad-djakni, disponibbli biex jeżerċitaw il-ministeru fejn ikun meħtieġ, u mqanqla tassew minn ħeġġa appostolika.

 

Għalhekk, wara li ħsibt fuq kull aspett, bis-saħħa tal-awtorità appostolika

inwaqqaf

il-ministeru lajkali ta’ Katekista.

 

Il-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti fi żmien qasir se tipprovdi biex tippubblika r-Rit tal-Istituzzjoni tal-ministeru lajkali ta’ Katekista.

 

9. Għalhekk, nistieden lill-Konferenzi Episkopali biex iġibu fis-seħħ il-ministeru ta’ Katekista, jistabbilixxu l-iter formattiv meħtieġ u l-kriterji normattivi biex wieħed jista’ jiġi ammess għalih, u jsibu l-għamliet l-aktar koerenti għas-servizz li dawn il-persuni se jiġu msejħa jwettqu f’konformità ma’ dak li tesprimi din l-Ittra appostolika.

 

10. Is-Sinodi tal-Knejjes Orjentali jew l-Assemblej tal-Ġerarki jistgħu jaddottaw dak li hu stabbilit hawn għall-Knejjes sui juris, skont in-normi tad-dritt partikulari tagħhom.

 

11. Ir-Ragħajja m’għandhomx jieqfu jagħmlu tagħhom l-eżortazzjoni tal-Padri Konċiljari meta jfakkru: “Jafu li huma ma ġewx istitwiti minn Kristu biex jerfgħu weħidhom il-piż kollu tal-missjoni li l-Knisja għandha li ssalva d-dinja; iżda jafu li d-dmir għoli tagħhom huwa li jirgħu l-fidili u li jagħrfu s-servizz u l-kariżmi tagħhom b’mod li kulħadd, skont ma jista’, jikkopera għall-ġid komuni” (Lumen gentium, 30). Id-dixxerniment tad-doni li l-Ispirtu s-Santu qatt ma jibqa’ lura milli jagħti lill-Knisja tiegħu jkun għalihom l-għajnuna meħtieġa biex jagħmel effettiv il-ministeru ta’ Katekista ħalli l-komunitajiet tagħhom jistgħu jkomplu jikbru.

 

Dak li hu stabbilit minn din l-Ittra appostolika f’għamla ta’ “Motu proprju”, nordna li jiġi fis-seħħ b’mod sħiħ u stabbli, minkejja kull ħaġa kuntrarja, imqar jekk ikun jixirqilha tissemma b’mod speċjali, u jiġi ppromulgat permezz tal-pubblikazzjoni fuq L’Osservatore Romano, u jidħol fis-seħħ fl-istess jum, u għalhekk ippubblikat fil-kummentarju uffiċjali tal-Acta Apostolicæ Sedis.

 

Mogħtija Ruma, f’San Ġwann Lateran, nhar l-10 ta’ Mejju tas-sena 2021, Tifkira liturġika ta’ San Ġwann ta’ Avila, presbiteru u duttur tal-Knisja, id-disa’ waħda tal-pontifikat tiegħi.

 

Franġisku

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard