Laikos

 

IL-PAPA FRANĠISKU

Ad theologiam promovendam

ITTRA APPOSTOLIKA F’FORMA TA’ «MOTU PROPRIO»

LI BIHA JIĠU APPROVATI

STATUTI ĠODDA TAL-

AKKADEMJA PONTIFIĊJA TAT-TEOLOĠIJA

San Pietru, Ruma,

L-Erbgħa 1 ta’ Novembru 2023.

 

 

1. Biex jippromwovi t-teoloġija fil-ġejjieni, wieħed ma jistax jillimita ruħu li jerġa’ jipproponi b’mod astratt formuli u skemi mill-passat. Imsejħa biex tinterpreta l-preżent b’mod profetiku u biex issib itinerarji ġodda għall-futur, fid-dawl tar-Rivelazzjoni, it-teoloġija se jkollha tiffaċċja trasformazzjonijiet kulturali profondi, konxja li: «Dik li qed nesperjenzaw mhijiex sempliċiment epoka ta’ bidliet, imma hija bidla ta’ epoka” (Diskors lill-Kurja Rumana tal-21 ta’ Diċembru 2013).

2. L-Akkademja Pontifiċja tat-Teoloġija, imwaqqfa fil-bidu tas-seklu 18 taħt il-patroċinju ta’ Klement XI il-Predeċessur tiegħu, u minnu istitwita kanonikament bid-dokument Inscrutabili nhar it-23 t’April 1718, fil-kors tal-eżistenza tagħha dejjem inkarnat l-esiġenza li tpoġġi t-teoloġija għas-servizz tal-Knisja u tad-dinja, timmodifika l-istruttura tagħha meta jkun meħtieġ u tespandi l-iskopijiet tagħha: minn post inizjali ta’ taħriġ teoloġiku tal-ekkleżjastiċi f’kuntest li fih istituzzjonijiet oħra kienu neqsin u inadegwati għal dan il-għan, għal grupp ta’ studjużi msejħa biex jinvestigaw u jidħlu f’temi teoloġiċi ta’ rilevanza partikolari. L-aġġornament tal-Istatuti, mixtieq mill-Predeċessuri tiegħi, immarka u ppromwova dan il-proċess: wieħed hawn jiftakar fl-Istatuti approvati minn Girgor XVI fis-26 ta’ Awwissu 1838 u dawk approvati minn San Ġwanni Pawlu II bl-Ittra Appostolika Inter munera Academiarum fit-28 ta’ Jannar 1999.

3. Wara kważi ħames deċennji, wasal iż-żmien li nirrevedu dawn in-normi, biex isiru aktar adattati għall-missjoni li żmienna jimponi fuq it-teoloġija. Knisja sinodali, missjunarja u “li toħroġ” tista’ tikkorrispondi biss ma’ teoloġija “li toħroġ”. Kif ktibt fl-Ittra lill-Gran Kanċillier tal-Università Kattolika tal-Arġentina, jien u nindirizza lill-professuri u lill-istudenti tat-teoloġija: «Tikkuntawx ruħkom b’teoloġija ‘da tavolino’. Ħallu l-post tar-riflessjoni tagħkom ikunu l-fruntieri. […] Anki t-teoloġi tajbin, bħal rgħajja tajbin, għandhom ir-riħa tal-poplu u tat-triq u, bir-riflessjoni tagħhom, iferrgħu ż-żejt u l-inbid fuq il-feriti tal-bnedmin.” B’danakollu l-ftuħ għad-dinja, għall-bniedem fil-konkretezza tas-sitwazzjoni eżistenzjali tiegħu, bil-problemi tiegħu, bil-ġrieħi tiegħu, bl-isfidi tiegħu, bil-potenzjal tiegħu, ma jistax jirriduċi ruħu għal attitudni "tattika", u jadatta b’mod estrinsiku kontenuti issa kristallizzati għal sitwazzjonijiet ġodda, iżda jrid iħeġġeġ lit-teoloġija biex taħseb mill-ġdid epistemoloġikament u metodoloġikament, kif indikat fil-Proemju tal-Kostituzzjoni Appostolika Veritatis Gaudium.

4. Ir-riflessjoni teoloġika hija għalhekk imsejħa għal bidla, għal bidla fil-paradigma, għal “rivoluzzjoni kulturali kuraġġuża” (Enċiklika Laudato Sì, 114) li timpenjaha, l-ewwel nett, li tkun teoloġija fundamentalment kuntestwali, kapaċi li taqra u tinterpreta l-Evanġelju fil-kundizzjonijiet li fihom jgħixu l-irġiel u n-nisa ta’ kuljum, f’ambjenti ġeografiċi, soċjali u kulturali differenti u li jkollhom bħala arketip l-Inkarnazzjoni tal-Logos etern, id-dħul tiegħu fil-kultura, fil-viżjoni tad-dinja, fit-tradizzjoni reliġjuża ta’ poplu. Nibdew minn hawn, it-teoloġija tista’ tiżviluppa biss f’kultura ta’ djalogu u inkontru bejn tradizzjonijiet differenti u għarfien differenti, bejn konfessjonijiet Insara differenti u reliġjonijiet differenti, bi djalogu miftuħ ma’ kulħadd, kemm ma’ dawk li jemmnu kif ukoll dawk li ma jemmnux. Il-ħtieġa tad-djalogu hija fil-fatt intrinsika għall-bniedem u għall-ħolqien kollu u huwa l-kompitu partikolari tat-teoloġija li tiskopri «l-impronta Trinitarja li tagħmel il-kożmos li ngħixu fih “nisġa ta’ relazzjonijiet” li fiha “hija xi ħaġa ta’ kull ħlejqa ħajja li tersaq lejn xi ħaġa oħra”” (Kostituzzjoni Appostolika Veritatis Gaudium, Proemju, 4a).

5. Din id-dimensjoni relazzjonali tikkonnota u tiddefinixxi, mil-lat epistemiku, l-istatus tat-teoloġija, li hija mmexxija biex ma tingħalaqx fl-awtoreferenzjalità, li twassal għall-iżolament u l-insinifikanza, imma biex tipperċepixxi ruħha bħala waħda mdaħħla f’xibka ta’ relazzjonijiet, qabelxejn ma’ dixxiplini oħra u ma’ għarfien ieħor. Huwa l-approċċ tat-transdixxiplinarjetà, jiġifieri l-interdixxiplinarjetà fis-sens qawwi, distinta mill-multidixxiplinarjetà, mifhuma bħala interdixxiplinarjetà fis-sens dgħajjef. Din tal-aħħar ċertament tiffavorixxi komprensjoni aħjar tal-oġġett ta’ studju billi tikkunsidrah minn ħafna punti, li madankollu jibqgħu kumplimentari u separati. It-transdixxiplinarjetà għandha minflok titqies “bħala t-tqegħid u l-fermentazzjoni ta’ kull għarfien fl-ispazju ta’ Dawl u Ħajja offrut mill-Għerf li joħroġ mir-Rivelazzjoni ta’ Alla” (Kostituzzjoni Appostolika Veritatis Gaudium, Proemju, 4c). Dan iwassal għall-ħidma iebsa għat-teoloġija li tkun kapaċi tagħmel użu minn kategoriji ġodda żviluppati minn għarfien ieħor, li jippenetraw u jikkomunikaw il-veritajiet tal-fidi u jittrażmettu t-tagħlim ta’ Ġesù fil-lingwaġġi tal-lum, b’oriġinalità u b’għarfien kritiku.

6. Id-djalogu ma’ għarfien ieħor jippresupponi evidentement djalogu fi ħdan il-komunità ekkleżjali u l-kuxjenza tad-dimensjoni essenzjali sinodali u  komunjonali ta’ kif issir it-teoloġija: it-teologu ma jistax ma jesperjenzax il-fraternità u l-komunjoni b’mod dirett, għas-servizz tal-evanġelizzazzjoni u biex imiss il-qalb ta’ kulħadd. Kif għedt lit-teoloġi fid-Diskors lill-Membri tal-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali, fl-24 ta’ Novembru 2022: «Is-sinodalità ekkleżjali għalhekk timpenja lit-teoloġi biex jagħmlu t-teoloġija f’forma sinodali, billi tippromwovi fosthom il-ħila li jisimgħu, jiddjalogaw, jiddixxernu u jintegraw il-multipliċità u l-varjetà ta’ talbiet u kontribuzzjonijiet”. Huwa għalhekk importanti li jkun hemm postijiet, inklużi dawk istituzzjonali, fejn wieħed jgħix u jesperjenza l-kolleġjalità u l-fraternità teoloġika.

7. Fl-aħħarnett, l-attenzjoni meħtieġa għall-istatus xjentifiku tat-teoloġija m’għandhiex taħbi d-dimensjoni tal-għerf tagħha, kif diġà ddikjara b’mod ċar San Tumas ta’ Akwinu (ara Summa theologiae I, q. 1, a. 6). Għalhekk il-Beatu Antonio Rosmini qies it-teoloġija bħala espressjoni sublimi ta’ “karità intellettwali”, filwaqt li talab li r-raġuni kritika ta’ kull għarfien tkun orjentata lejn l-Idea tal-Għerf. Issa l-Idea tal-Għerf iżżomm il-Verità u l-Karità flimkien internament f’“ċirku solidu”, għax huwa impossibbli li tkun taf il-verità mingħajr ma tipprattika l-karità: “għax waħda qiegħda fl-oħra u ebda waħda mit-tnejn ma teżisti mingħajr l-oħra. Għalhekk min għandu din il-Verità għandu magħha l-Karità li twettaqha, u min għandu din il-Karità għandu l-Verità mwettqa” (ara Degli studi dell’Autore, nn.100-111). Ir-raġuni xjentifika trid twessa’ l-konfini tagħha fid-direzzjoni tal-għerf, biex ma tiddiżumanizzax u tfaqqar lilha nnifisha. B’dan il-mod, it-teoloġija tista’ tikkontribwixxi għad-dibattitu attwali tal-“ħsieb mill-ġdid”, turi ruħha bħala għarfien kritiku veru in kwantu għarfien tal-għerf, mhux astratt u ideoloġiku, imma spiritwali, żviluppat fuq l-irkupptejn, mimli adorazzjoni u talb; għarfien li hu traxxendenti u fl-istess ħin attent għall-vuċi tan-nies, għalhekk teoloġija “popolari”, li tħares bi ħniena lejn il-pjagi miftuħa tal-umanità u tal-ħolqien u fi ħdan il-ġrajjiet tal-istorja tal-bniedem, li għaliha tipprofetizza t-tama ta’ twettiq aħħari.

8. Dan huwa t-“timbru” pastorali li trid tieħu t-teoloġija kollha kemm hi, u mhux f’qasam partikolari wieħed biss: mingħajr ma topponi t-teorija u l-prattika, ir-riflessjoni teoloġika hija mħeġġa tiżviluppa b’metodu induttiv, li jibda mill-kuntesti differenti u sitwazzjonijiet konkreti li fihom jinsabu n-nies, tħalli lilha nnifisha tiġi sfidata bis-serjetà mir-realtà, biex issir dixxerniment tas-“sinjali taż-żminijiet” fit-tħabbira tal-ġrajja salvifika ta’ Alla-agape, komunikat f’Ġesù Kristu. Għalhekk, qabel kollox, għandha tingħata prijorità lill-għarfien tas-sens komun tan-nies li fil-fatt huwa post teoloġiku li fih jgħixu ħafna xbihat ta’ Alla, li spiss ma jikkorrispondux mal-wiċċ Nisrani ta’ Alla, li jħobb biss u dejjem. It-teoloġija tpoġġi lilha nnifisha għas-servizz tal-evanġelizzazzjoni tal-Knisja u t-trażmissjoni tal-fidi, biex il-fidi ssir kultura, jiġifieri l-ethos għaqli tal-poplu ta’ Alla, proposta ta’ sbuħija umana u umanizzanti għal kulħadd.

9. Quddiem din il-missjoni mġedda tat-teoloġija, l-Akkademja Pontifiċja tat-Teoloġija hija msejħa biex tiżviluppa, b’attenzjoni kontinwa għan-natura xjentifika tar-riflessjoni teoloġika, djalogu transdixxiplinarju ma’ għarfien xjentifiku, filosofiku, umanistiku u artistiku ieħor, ma’ dawk li jemmnu u dawk li ma jemmnux, ma’ rġiel u nisa ta’ denominazzjonijiet Insara differenti u reliġjonijiet differenti. Dan jista’ jseħħ billi tinħoloq komunità akkademika għall-qsim tal-fidi u l-istudju, li tinseġ xibka ta’ relazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet oħra ta’ taħriġ, edukattivi u kulturali u li tkun taf tippenetra, b’oriġinalità u bispirtu ta’ immaġinazzjoni, fil-postijiet eżistenzjali tal-elaborazzjoni tal-għarfien, tal-professjonijiet u tal-komunitajiet Insara.

10. Bis-saħħa tal-Istatuti l-ġodda, l-Akkademja Pontifiċja tat-Teoloġija tkun tista’ ssegwi b’mod aktar faċli l-għanijiet li jeħtieġ iż-żmien preżenti. Filwaqt li nilqa' b'mod favorevoli l-voti li ġew indirizzati lili biex napprova dawn in-normi ġodda, u filwaqt li nappoġġjahom, nixtieq li dan il-post stmat ta' studji jikber fil-kwalità u għalhekk napprova, bis-saħħa ta' din l-Ittra Appostolika, u b’mod perpetwu, l-Istatuti tal-Akkademja Pontifiċja tat-Teoloġija, leġittimament elaborati u riveduti mill-ġdid u nagħtihom is-saħħa tal-approvazzjoni Appostolika.

Dak kollu li jiena ddekretajt f’din l-Ittra Appostolika motu proprio data, nordna li jkollu valur stabbli u dejjiemi, minkejja kull ħaġa kuntrarja.

Mogħtija f’Ruma, f’San Pietru, fl-1 ta’ Novembru tas-sena 2023, Solennità tal-Qaddisin Kollha, il-ħdax-il sena tal-Pontifikat.

 

maqluba mit-Taljan għall-Malti minn Robert Aloisio