Il-Papa Franġisku lis-Saċerdoti

 

"Jum wieħed aħna għedna “iva” li twieldet u kibret fi ħdan komunità nisranija grazzi għal dawk il-qaddisin «tal-bieb ta’ ħdejna."

 

ITTRA TAL-PAPA FRANĠISKU LIS-SAĊERDOTI


FL-OKKAŻJONI TAL-160 ANNIVERSARJU MILL-MEWT TA’


SAN ĠWANN MARIJA VIANNEY, L-KURAT T’ARS


Lil ħuti presbiteri.


Għeżież ħuti,


Niftakru il-160 anniversarju mill-mewt tal-qaddis Kurat t’Ars, propost minn Piju XI bħala l-patrun tal-kappillani tad-dinja[1]. Fil-festa tiegħu nixtieq niktbilkom din l-ittra, mhux biss lill-kappillani imma lilkom ilkoll, aħwa presbiteri, li mingħajr storbju “titilqu kollox” sabiex timpenjaw ruħkom fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet tagħkom. Lilkom li, bħall-Kurat t’Ars, taħdmu "fit-trunċiera", iġġorru fuq spallejkom il-piż tal-jum u s-sħana (ara Mt 20, 12) u, esposti għal sitwazzjonijiet bla għadd, “tagħmlu wiċċkom” ta’ kuljum mingħajr ma tieħdu wisq importanza, sabiex il-Poplu t’Alla jkun ikkurat u akkumpanjat. Indur lejn kull wieħed minnkom li, f’ħafna okkażjonijiet, b’mod inosservat u b’sagrifiċċju, fl-għeja, fil-mard jew fin-niket, taqdu l-missjoni bħala servizz lejn Alla u lejn il-poplu tiegħu u, minkejja d-diffikultajiet kollha tal-mixja, tiktbu l-isbaħ paġni tal-ħajja saċerdotali.


Xi żmien ilu qsamt mal-isqfijiet Taljani l-inkwiet li, f’numru mhux żgħir ta’ reġjuni, il-qassisin tagħna iħossuhom ridikolizzati u “ħatja” minħabba atti kriminali li m’għamlux huma, u kont qed ngħidilhom li dawn għandhom bżonn li jsibu fl-isqof tagħhom il-figura ta’ ħuhom il-kbir u tal-missier li tinkoraġġihom f’dawn iż-żminijiet diffiċli, tistimulhom u żżommhom matul il-mixja[2].


Bħala ħukom il-kbir u missier anke jien nixtieq inkun viċin, l-ewwel nett biex nirringrazzjakom f’isem il-Poplu qaddis t’Alla għal dak kollu li jirċievi mingħandkom u, min-naħa tiegħi, ninkoraġġikom sabiex iġġeddu dawk il-kelmiet li l-Mulej lissen b’tant ħlewwa fil-jum tal-ordinazzjoni tagħna u li jikkostitwixxu l-għajn tal-ferħ tagħna: «Ma nsejħilkomx aktar qaddejja ... sejjaħtilkom ħbieb» (Ġw 15,15)[3].


UĠIGĦ

«Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi» (Eż 3,7).
 

F’dan l-aħħar żmien stajna nisimgħu aktar ċar l-għajta, ta’ spiss silenzjuża u mġiegħla għas-silenzju, ta’ ħutna, vittmi ta’ abbuż ta’ poter, ta’ kuxxjenza u sesswali min-naħa ta’ ministri ordnati. Bla dubju, huwa żmien ta’ uġigħ fil-ħajja tal-vittmi li sofrew forom diversi ta’ abbuż; anke għall-familji tagħhom u għall-Poplu kollu t’Alla.


Kif tafu ninsabu impenjati bis-saħħa sabiex nattwaw riformi meħtieġa biex nagħtu imbuttatura, mill-qiegħ, għal kultura bbażata fuq il-kura pastorali b’tali mod li l-kultura tal-abbuż ma jirnexxiliex issib spazju biex tiżviluppa u, wisq anqas, biex tinfirex. Mhijiex biċċa xogħol faċli u, fl-immedjat, titlob l-impenn ta’ kulħadd. Jekk fil-passat l-ommissjoni setgħet tinbidel f’xi forma ta’ risposta, illum irridu li l-konverżjoni, t-trasparenza, is-sinċerità u s-solidarjetà mal-vittmi jsiru l-mod ta’ kif aħna nagħmlu l-istorja u sabiex jgħinuna nkunu aktar attenti quddiem it-tbatijiet kollha umani[4].


Dan l-uġigħ mhuwiex xejn anqas indifferenti għall-presbiteri. Dan stajt ninnutah fid-diversi żjarat pastorali kemm fid-djoċesi tiegħi kif ukoll f’oħrajn, fejn kelli l-opportunità li jkolli laqgħat u taħdidiet personali mas-saċerdoti. Ħafna minnhom urewni l-għadab tagħhom għal dak illi ġara, u anke speċi ta’ impotenza, għaliex apparti «l-għeja tal-impenn tagħhom għexu il-ħsara pprovokata mis-suspett u l-inċertezza li f’xi wħud jew f’ħafna setgħu daħħlu id-dubju, il-biża u n-nuqqas ta’ fiduċja[5]. Huma ħafna l-ittri ta’ saċerdoti li jaqsmu dan is-sentiment. Min-naħa l-oħra, huwa ta’ konsolazzjoni li ssib rgħajja li, meta jaraw u jagħrfu t-tbatijiet tal-vittmi u tal-Poplu t’Alla, jieħdu azzjoni, u jfittxu kliem u toroq ta’ tama.


Mingħajr ma ninnegaw jew ma nirrikonoxxux il-ħsara li kkawżaw xi wħud minn ħutna, ikun inġust jekk ma nagħrfux tant saċerdoti li, b’mod kostanti u integru, joffru dak kollu li huma u li għandhom għall-ġid tal-oħrajn (ara 2 Kor 12,15) u jwasslu ‘l quddiem paternità spiritwali li taf tibki ma’ dawk li jibku; huma bla għadd is-saċerdoti li jagħmlu mill-ħajja tagħhom opra ta’ ħniena f’reġjuni u sitwazzjonijiet li ta’ spiss ma jilqgħukx, jinsabu l-bogħod jew abbandunati anke b’riskju għal ħajjithom stess. Nagħraf u nirringrazzjakom għall-eżempju kuraġġuż u kostanti tagħkom li, fil-mumenti ta’ turbolenza, mistħija u tbatija, jurina kif intom tibqgħu tingħataw bil-ferħ għall-Vanġelu[6].


Ninsab konvint li, fil-qies li aħna nkunu fidili lejn ir-rieda t’Alla, iż-żminijiet ta’ purifikazzjoni ekkleżjali li qegħdin ngħixu ser jagħmluna aktar kuntenti u sempliċi u, fil-futur mhux wisq imbiegħed, ser jagħtu ħafna frott. «Ma naqtgħux qalbna! Il-Mulej qiegħed jippurfika lill-Għarusa tiegħu u qiegħed jikkonvertina kollha lejh. Qiegħed iwassalna nesperimentaw il-prova sabiex nifhmu li mingħajru aħna trab. Qiegħed isalvana mill-ipokrezija, mill-ispiritwalità tal-apparenzi. Huwa qiegħed jonfoħ l-Ispirtu tiegħu sabiex jagħti mill-ġdid is-sbuħija lill-Għarusa tiegħu, maqbuda fil-fatt f’att adulteru. Jgħinna jekk illum naqbdu kapitlu 16 ta’ Isaija. Din hija l-istorja tal-Knisja. Din hija l-istorja tiegħi, jista’ jgħid kull wieħed minna. U fl-aħħar, iżda permezz tal-mistħija tiegħek, int ser tkompli tkun ragħaj. L-indiema umli tagħna, li tibqa’ fis-skiet bejn id-dmugħ quddiem il-mostrosità tad-dnub u l-kobor bla qies tal-maħfra ta’ Alla, din, din l-indiema umli hija l-bidu tal-qdusija tagħna»[7].


GRATITUDNI
«Ma nixba' qatt niżżi ħajr minħabba fikom» (Efes 1,16).


Il-vokazzjoni, aktar milli għażla tagħna, hija risposta għal sejħa gratwita tal-Mulej. Huwa sabiħ li mmorru lura f’kontinwità mal-kitbiet evanġeliċi li juruna lil Ġesù jitlob, jagħżel u jsejjaħ «sabiex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jippritkaw » (Mk 3,14).


Nixiteq infakkar hawn għalliem kbir tal-ħajja saċerdotali mill-pajjiż fejn twelidt jien, patri Lucio Gera, li, meta kien jitkellem ma’ grupp ta’ saċerdoti fi żmien ta’ ħafna diffikultajiet fl-Amerka Latina, kien jgħidilhom: “dejjem, iżda wisq aktar fid-diffikultajiet, irridu mmorru lura għal dawk il-mumenti ta’ dawl li fihom esperimentajna is-sejħa tal-Mulej sabiex nikkonsagraw ħajjitna kollha għas-servizz tiegħu”. Dan hu dak li nħobb insejjaħ “il-memorja dewteronomika tal-vokazzjoni” li tagħtina ċ-ċans immorru lura “għal dak il-punt jiddi li fih il-Grazzja t’Alla missitni fil-bidu tal-mixja. U minn dik ix-xrara li nista’ nixgħel in-nar għal-lum, għal kull ġurnata, u nwassal is-sħana u d-dawl lil ħuti. Minn dik ix-xrara jixgħel ferħ umli, ferħ li ma joffendix it-tbatija u d-disperazzjoni, ferħ tajjeb u ġentili»[8].


Jum wieħed aħna għedna “iva” li twieldet u kibret fi ħdan komunità nisranija grazzi għal dawk il-qaddisin «tal-bieb ta’ ħdejna»[9] li wrewna b’fidi sempliċi kemm kien jiswa’ li nagħtu kollox għall-Mulej u għas-Saltna tiegħu. “Iva” li l-implikazzjonijiet tagħha kellhom u għad ikollhom traxxendenza li wieħed lanqas biss jissuspetta, u li ħafna drabi m’aħniex ser inkunu kapaċi nimmaġinaw il-ġid kollu li kienet u għadha kapaċi toħloq. Kemm hu sabiħ meta saċerdot anzjan ikun imdawwar u jmorru jżuruh dawk iż-żgħar – issa adulti – li fil-bidu kien għammed u, bi gratitudni, jiġu jippreżentawlu l-familja tagħhom! Hemmhekk skoprejna li aħna ġejna midluka sabiex nidilku, u d-dilka t’Alla ma tiddeludi qatt u twassalni ngħid mal-Appostlu: «Ma nixba' qatt niżżi ħajr minħabba fikom» (Ef 1,16) u għall-ġid kollu li għamiltu.


Fil-mumenti ta’ diffikultà, ta’ fraġilità, kif ukoll f’dawk ta’ dgħufija fejn jitilgħu fil-wiċċ il-limitazzjonijiet tagħna, meta l-agħar mit-tentazzjonijiet kollha tkun dik li tibqa titħassar lilek innifsek[10] li twasslek għal wiċċ miksur, għal ġudizzju ħażin u għal qsim ta’ qalb, f’dawk il-mumenti huwa importanti – anzi nasal ngħid kruċjali – mhux biss li ma nitilfux il-memorja sħiħa ta’ gratitudni għall-mogħdija tal-Mulej fil-ħajja tagħna, il-memorja tal-ħarsa kollha ħniena tiegħu li stedinna sabiex nirriksjaw ħajjitna għalih u għall-Poplu tiegħu, imma li jkollna wkoll il-kuraġġ li npoġġuha fil-prattika u flimkien mas-salmista jirnexxielna niktbu l-kant ta’ tifħir proprju tagħna għax «għal dejjem hi l-ħniena tiegħu» (ara S 135).


Il-gratitudni hija dejjem “arma qawwija”. Huwa biss jekk aħna nkunu kapaċi nikkontemplaw u nirringrazzjaw għall-ġesti kollha ta’ mħabba, ġenerożità, solidarjetà u fiduċja, kif ukoll ta’ maħfra, paċenzja, sopportazzjoni u kompassjoni li rċevejna aħna, li nkunu nistgħu inħallu li l-Ispirtu jagħtina b’rigal dik l-arja friska li kapaċi ġġedded (u mhux traqqaq) il-ħajja u l-missjoni tagħna. Ejjew inħallu li, bħal Pietru fl-għodwa tas-“sajda mirakoluża”, l-għarfien tal-ġid kollu li rċeveja jerġa jqajjem fina l-kapaċità li nistagħġbu u nirringrazzjaw, sabiex iwassalna ngħidu: «Mulej, tbiegħed minni, għaliex jiena raġel midneb!» (Lq 5,8) u, għal darb’oħra, nisimgħu minn fomm il-Mulej is-sejħa tiegħu: «Tibżax; minn issa ‘l quddiem tkun sajjied tal-bnedmin" (Lq 5,10); għax «għal dejjem hi l-ħniena tiegħu».


Ħuti, grazzi għall-fedeltà tagħkom fl-impenji li dħaltu għalihom. F’soċjetà u f’kultura li bidlet “dak li jgħaddi” f’valur, tabilħaqq ifisser ħafna li hemm persuni li jirriskjaw u jfittxu li jieħdu fuqhom impenji li jitolbu minnhom il-ħajja sħiħa. Fil-qofol qegħdin ngħidu li aħna nibqgħu nemmnu f’Alla li qatt ma kiser il-patt tiegħu, anke meta aħna ksirnih għadd ta’ drabi li ma jingħaddux. Dan iwassalna sabiex niċċelebraw il-fedeltà ta’ Alla li ma jieqafx jafdana, jemmen fina u jistrieħ fuqna minkejja l-limitazzjonijiet u d-dnubiet tagħna, u jistedinna sabiex aħna nagħmlu l-istess. Konxji li aħna nġorru teżor f’ġarar tal-fuħħar (ara 2 Kor 4,7), nafu li l-qawwa tal-Mulej tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħufija (ara 2 Kor 12,9), ma jieqafx isostnina u jsejħilna, waqt li jagħtina għal mitt darba aktar (ara Mk 10, 29-30) għax «għal dejjem hi l-ħniena tiegħu».


Grazzi għall-ferħ li bih għaraftu tagħtu ħajjitkom b’don, u b’hekk urejtu qalb li matul is-snin iġġieldet u tqabdet sabiex ma ssirx magħluqa u qarsa iżda biex, minflok, kuljum tikber aktar permezz tal-imħabba t’Alla u tal-poplu tiegħu; qalb li, bħall-inbid it-tajjeb, iż-żmien ma wasslux biex jiqras, iżda tah kwalità dejjem itjeb; għax «għal dejjem hi l-ħniena tiegħu».


Grazzi għal kemm tippruvaw issaħħu r-rabtiet ta’ fraternità u ta’ ħbiberija fil-presbiterju u mal-isqof tagħkom, filwaqt li ssostnu lil xulxin, tieħdu ħsieb lil dak li hu marid, tfittxu lil min inqata’ għalih waħdu, tinkoraġġixxu u titgħallmu mill-għaqal tal-anzjan, taqsmu l-ġid, tafu tidħku u tibku flimkien...: kemm huma meħtieġa dawn l-ispazji! U saħansitra meta bqajtu kostanti u perseveranti meta kellkom titgħabbew b’xi missjoni iebsa jew timbuttaw wieħed minn ħutkom biex jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu; għax «għal dejjem hi l-ħniena tiegħu».
Grazzi tax-xhieda ta’ perseveranza u ta’ “reżistenza” (hypomoné) fl-impenn pastorali, li ħafna drabi, imbuttati mill-parresia tar-ragħaj[11], twassalna sabiex nitqabdu mal-Mulej fit-talb, bħal Mosè fl-interċessjoni kuraġġuża u anke riskjuża għall-poplu (ara Num 14,13-19; Eż 32,30-32; Dewt 9,18-21); għax «għal dejjem hi l-ħniena tiegħu».


Grazzi għaliex ta’ kuljum tiċċelebraw l-Ewkaristija u tirgħu bil-ħniena fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni, mingħajr strettezza lanqas laxkezza, meta titgħabbew bin-nies u takkumpanjawhom fil-mixja tal-konverżjoni lejn il-ħajja ġdida li l-Mulej jagħti lilna lkoll. Nafu li peremezz tat-tarġiet tal-ħniena nistgħu ninżlu sal-punt l-aktar baxx tal-kundizzjoni umana – fraġilità u dnub inklużi – u nitilgħu sal-punt l-aktar għoli tal-perfezzjoni divina:«Kunu ħanina bħalma ħanin hu Missierkom»[12]. U b’hekk inkunu «kapaċi nsaħħnu l-qlub tal-bnedmin, li nimxu magħhom fil-lejl tagħhom, li nagħrfu niddjalogaw u anke li ninżlu fil-lejl tagħhom, fid-dlam tagħhom mingħajr ma nintilfu»[13]; għax «għal dejjem hi l-ħniena tiegħu».


Grazzi talli tidilku u tħabbru lil kulħadd, b’żelu, il-Vanġelu ta’ Ġesu Kristu “f’waqtu u barra minn waqtu” (ara 2 Tim 4,2), filwaqt li tħarsu fil-fond tal-qalb tal-komunità tagħkom «sabiex tfittxu hemm fejn ix-xewqa għal Alla hija ħajja u taqbad, u hemm fejn dan id-djalogu, li kien wieħed ta’ mħabba, safa fgat jew ma setax jagħti frott»[14]; għax «għal dejjem hi l-ħniena tiegħu».


Grazzi għal dawk id-drabi meta, għax ħallejtu li tkun mċaqalqa minn ġewwa, ilqajtu lil dawk li waqgħu, dewwejtu l-feriti tagħhom, offrejtulhom sħana għall-qalbhom, urejtuhom sensittività u kompassjoni bħas-Samaritan tal-parabbola (ara Lq 10, 25-37). Xejn ma hu daqshekk urġenti daqs dawn l-affarijiet: li tkun qrib, viċinanza, li tkun viċin il-laħam ta’ ħuk li qed ibati. Kemm jagħmel ġid l-eżempju ta’ saċerdot li jersaq u mhux jitbiegħed mill-feriti ta’ ħutu![15]. Rifless tal-qalb ta’ ragħaj li tgħallem it-tjubija spiritwali li jħossu mwaħħad mal-poplu tiegħu[16]; li ma jinsiex li huwa stess ħareġ minnu u li jekk jaqdih biss ikun jista’ jsib u jispjega l-identità tiegħu bl-aktar mod pur u sħiħ, li tagħtih iċ-ċans biex jiżviluppa stil ta’ ħajja sobrija u sempliċi, mingħajr ma jaċċetta privileġġi li m’għandhomx it-togħma tal-Vanġelu: għax «għal dejjem hi l-ħniena tiegħu».
Niżżuħajr ukoll għall-qdusija tal-Poplu fidil t’Alla li aħna mistiedna nirgħu u permezz ta’ liema l-Mulej jirgħa u jieħu ħsieb tagħna wkoll, permezz tad-don li nkunu nistgħu nikkontemplaw dan il-poplu «fil-ġenituri li jrabbu lil uliedhom b’tant imħabba, fl-irġiel u n-nisa li jaħdmu biex jaqilgħu x’jieklu, fil-morda, fir-reliġjużi nisa anzjani li jibqgħu jitbissmu. F’din il-perseveranza li jibqgħu mexjin ‘il quddiem jum wara jum nara l-qdusija tal-Knisja militanti»[17]. Irroddu ħajr għal kull wieħed u waħda minnhom u nħallu li x-xhieda tagħhom tkun għalina ta’ salvataġġ u kuraġġ; għax «għal dejjem hi l-ħniena tiegħu».


KURAĠĠ
«Ix-xewqa tiegħi hi li tħossukom qalbkom qawwija» (ara Kol 2,2).


It-tieni xewqa kbira tiegħi, filwaqt li nagħmel eku tal-kliem ta’ San Pawl, hija li nakkumpanjakom sabiex inġeddu l-kuraġġ saċedotali tagħna, frott fuq kollox tal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħna. Quddiem esperjenzi ta’ tbatija, kollha kemm aħna għandna bżonn ta’ konsolazzjoni u inkoraġġiment. Il-missjoni li ġejna msejħin għaliha ma timplikax li aħma mmuni mit-tbatija, mill-uġigħ u saħansitra mill-inkomprensjoni[18]; għall-kuntrarju, titlob minna li naffrontawhom u neħduhom fuqna sabiex inħallu li l-Mulej jittrasformhom u jibdilna aktar fiH. «Finalment, in-nuqqas ta’ għarfien sinċier tal-limitazzjonijiet tagħna li jiġi li mit-taqbid u mit-talb, huwa dak li jwaqqaf milli l-grazzja tkun tista’ taħdem bl-aħjar mod fina, għaliex ma jħallilhiex spazju biex tqanqal dak it-tajjeb possibli li jintegra ruħu f’mixja sinċiera u reali li twassal biex wieħed jikber»[19].
“Test” tajjeb sabiex inkunu nafu fejn tinsab il-qalb ta’ ragħaj tagħna huwa li nistaqsu lilna nfusna kif qegħdin naffaċċjaw l-uġigħ. Ħafna drabi jista’ jiġri li nġibu ruħna bħal-Levita jew is-saċerdot tal-parabbola li jdawru wiċċhom in-naħa l-oħra u jinjoraw lir-raġel li jinsab mixħut fl-art (ara Lq 10, 31-32). Oħrajn jersqu b’mod ħażin, u jsibu refuġju billi jintelletwalizzaw f’postijijiet komuni: “il-ħajja hi hekk”, “m’hemmx x’tagħmel”, u b’hekk jagħtu lok għal fataliżmu u għall-qtigħ ta’ qalb; jew inkella jersqu b’ħarsa ta’ preferenzi selettivi u b’hekk joħolqu biss iżolament u esklużjoni. «Bħall-profeta Ġona, dejjem inġorru moħbija ġewwa fina t-tentazzjoni li naħarbu f’post sigur li jista’ jkollu bosta ismijiet: individwaliżmu, spiritwaliżmu, għeluq f’dinjiet żgħar... [20], liema postijiet huma l-bogħod milli jċaqalquna minn ġewwa u minflok jispiċċaw ibegħduna mill-pjagi veri, minn dawk tal-oħrajn u, għalhekk, mill-pjagi ta’ Ġesù[21].


Fuq l-istess nota, nixtieq nagħmel emfasi fuq atteġġament sottili u perikoluż ieħor li, kif kien iħobb jgħid Bernanos, huwa «l-aktar droga prezzjuża tax-xitan»[22] u l-aktar wieħed li jagħmel ħsara lilna li rridu naqdu lill-Mulej għaliex jiżra il-qtigħ ta’ qalb, inħossuna orfni u jwassal għad-disperazzjoni[23]. Delużi mir-realtà, mill-Knisja jew minna nfusna, nistgħu ngħixu t-tentazzjoni li niggranfaw ma’ dwejjaq ħelu, li l-padres tal-Orjent kienu jsejħulu accidia. Il-Kardinal Tomáš Špidlík kien jgħid: «Jekk jirbaħna d-dwejjaq għal kif inhi l-ħajja, miħabba l-kumpanija tal-oħrajn, għall-fatt li ninsabu waħedna, allura dejjem hemm xi nuqqas ta’ fidi fil-Provvidenza t’Alla u fl-opri tiegħu. Id-dwejjaq jipparaliżża l-kuraġġ biex inkomplu fix-xogħol, fit-talb, jagħmilna antipatki għal min jgħix madwarna. Il-kittieba monastiċi, li jiddedikaw deskrizzjoni twila għal dan il-vizzju, isejħulu l-agħar għadu tal-ħajja spiritwali»[24].


Kollha kemm aħna nafu b’dak id-dwejjaq li jwassal għall-vizzju u li gradwalment imexxik għan-naturalizazzjoni tal-ħażen u tal-inġustizzja b’dak it-tlissin dgħajjef minn taħt l-ilsien “dejjem hekk sar”. Dan hu dwejjaq li jagħmel sterili kull tentattiv ta’ trasformazzjoni u konverżjoni, u minflok ixerred riżentiment u ostilità. «Din mhijiex għażla ta’ ħajja dinjituża u mimlija, din mhijiex ix-xewqa t’Alla għalina, din mhijiex il-ħajja fl-Ispirtu li tnixxi mill-qalb ta’ Kristu mqajjem mill-mewt» u li għaliha aħna ġejna msejħa[25]. Ħuti, meta dak id-dwejjaq ħelu jhedded li jieħu pussess mill-ħajja tagħna jew mill-komunità tagħna, mingħajr ma nibżgħu jew ninkwetaw, iżda b’determinazzjoni, nitolbu u nistaqsu lill-Ispirtu biex jitlob sabiex «jiġi sabiex iqajjimna mill-ġdid!, ħalli jagħti skoss tajjeb lill-passività tagħna, u jeħlisna mit-telqa! Ejjew nisfidaw il-mod ta’ kif dejjem nagħmlu l-affarijiet, niftħu sewwa għajnejna u widnejna, u fuq kollox qalbna, sabiex inħallu li dak li jiġri madwarna u l-għajta tal-Kelma ħajja u effikaċi tal-Mulej imqajjem mill-mewt, iċaqilquna»[26].


Ippermettuli nerġa nirrepetiha, kollha kemm aħna għandna bżonn tal-konsolazzjoni u l-qawwa ta’ Alla u tal-aħwa fi żminijiet diffiċli. Għalina lkoll iservu dawk il-kelmiet mill-qalb ta’ San Pawl lill-komunitajiet tiegħu: «Għalhekk nitlobkom: tħallux it-tbatijiet li jien għaddej minnhom minħabba fikom jaqtgħulkom qalbkom» (Efes 3,13); «Ix-xewqa tiegħi hi li tħossukom qalbkom qawwija» (ara Kol 2,2), sabiex b’hekk inkunu nistgħu inwettqu l-missjoni li l-Mulej jagħtina ta’ kuljum: li nitrażmettu « ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu » (Lq 2,10). Iżda, appuntu, mhux bħala teorija jew għarfien intelletwali jew morali ta’ dak li suppost ikun, imma bħala bnedmin li mgħaddsa fit-tbatija ġew trasformati u trasfigurati mill-Mulej, u bħal Ġob jaslu jistqarru: «Fuqek jien b'widnejja smajt; imma issa b'għajnejja rajtek» (42,5). Mingħajr din l-esperjenza fundamentali, l-isforzi kollha tagħna ser iwassluna fit-triq tal-frustrazzjoni u d-diżillużjoni.


Matul il-ħajja tagħna, stajna nikkontemplaw kif «ma’ Ġesù Kristu dejjem jitwieled u jerġa jitwieled mill-ġdid il-ferħ»[27]. Anke jekk hemm diversi tapep f’din l-esperjenza, nafu li lil hinn mill-fraġilità tagħna u mid-dnubiet tagħna, Alla «jippermettilna li nerfgħu rasna biex nibdew mill-ġdid, b’tenerezza li ma tiddeludina qatt u li dejjem tista’ troddilna lura l-ferħ»[28]. Dak il-ferħ ma jitwelidx mill-isforzi volontarji jew intelletwali tagħna iżda mill-fiduċja filli nkunu nafu li l-kliem ta’ Ġesù lil Pietru jibqgħu attwali: fil-mument li fih tkun “mgħoddi mill-għarbiel”, tinsiex li Jiena stess «tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa» (Lq 22,32). Il-Mulej huwa l-ewwel li jitlob u jiġġieled għalik u għalija. U jistedinna sabiex nidħlu kompletament fit-talba tiegħu. Jista’ jkun hemm ukoll mumenti fejn ikollna ngħoddsu «fit-talba tal-Ġetsemani, l-aktar talba umana u drammatika ta’ Ġesù (...). Hemm supplika, dwejjaq, dieqa, kważi diżorjentament (Mk 14, 33)»[29].


Aħna nafu li mhuwiex faċli toqgħod quddiem il-Mulej u tħalli l-ħarsa tiegħu tifli l-ħajja tagħna, tfejjaq lill-qalbna feruta u taħslilna saqajna mill-affarijiet kollha tad-dinja li jeħlu magħhom matul it-triq u li jwaqqfuna milli nimxu. Huwa fit-talb li aħna nesperimentaw il-prekarjetà imbierka tagħna li tfakkarna li aħna dixxipli fil-bżonn tal-għajnuna tal-Mulej, u teħlisna mit-tendenza prometeika «ta’ dawk li definittivament jafdaw biss fuq il-qawwa tagħhom u jħossuhom superjuri fuq l-oħrajn għaliex isegwu ċerti normi preċiżi»[30].


Ħuti, Ġesù aktar minn kullħadd jaf l-isforzi u r-riżultati, kif ukoll il-fallimenti u n-nuqqas ta’ suċċess. Huwa l-ewwel wieħed li jgħidilna: «Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta' qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom» (Mt 11, 28-29).


F’talba bħal din nafu li ma ninsabu qatt waħedna. It-talba tar-ragħaj hija talba li tħaddan fiha kemm lill-Ispirtu «li jgħajjat: Abbà, Missier!» (Gal 4, 6), kif ukoll lill-poplu li ġie fdat lilu. Il-missjoni u l-identità tagħna jieħdu dawl minn din ir-rabta doppja.


It-talba tar-ragħaj titrejjaq u titwettaq fil-qalb tal-Poplu t’Alla. Fiha ġġorr il-marki tal-pjagi u tal-ferħ tal-poplu tiegħu li fis-silenzju jippreżenta quddiem il-Mulej sabiex jiġu midluka bid-don tal-Ispirtu s-Santu. Hija t-tama tar-ragħaj li jafda u jissielet sabiex il-Mulej ikun jista’ jfejjaq il-fraġilità tagħna, dik personali u dik tal-komunitajiet tagħna. Iżda ejjew ma nitilfux minn quddiem għajnejna il-fatt li huwa proprju fit-talba tal-Poplu t’Alla li l-qalb tar-ragħaj titlaħħam u ssib il-post tagħha. Dan iwassalna sabiex inkunu ħielsa milli nfittxu jew irridu risposti faċli, ta’ malajr jew prefabbrikati, filwaqt li nħallu lill-Mulej li jkun Hu (u mhux ir-rirċetti u l-prioritajiet tagħna) li jurina mogħdija ta’ tama. Ma nitilfux minn quddiem għajnejna il-fatt li, fil-mumenti l-aktar diffiċli tal-komunità tal-bidu, kif naqraw fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli, it-talb sar l-akbar protagonist.


Ħuti, ejjew nagħrfu l-fraġilità tagħna, iva; iżda ejjew inħallu lil Ġesu jittrasformaha u jimbuttana ‘l quddiem lejn il-missjoni. Ejjew ma nitilfux il-ferħ li nħossuna “nagħaġ”, li nafu li Hu l-Mulej u r-Ragħaj tagħna.


Sabiex inżommu qalbna mimlija bil-kuraġġ huwa neċessarju li ma nittraskurawx dawn iż-żewġ rabtiet li jsawru l-identità tagħna: l-ewwel, ma’ Ġesù. Kuldarba li ninħallu minn Ġesù jew nittraskuraw ir-relazzjoni tagħna miegħu, ftit ftit l-impenn tagħna jinxef u l-fanali tagħna jispiċċaw mingħajr iż-żejt li kapaċi jdawwal il-ħajja (ara Mt 25,1-13): «Ibqgħu fija, u jiena nibqa' fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija… għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn» (Ġw 15,4-5). F’dan is-sens, nixtieq inħeġġiġkom sabiex ma tittraskurawx l-akkumpanjament spiritwali, li tfittxu li jkollkom ħukom ma min tistgħu titkellmu, tikkonfrontaw, tiddiskutu u tiddixxernu b’fiduċja sħiħa u trasparenza il-mixja tagħkom; ħukom għaqli li miegħu tistgħu tagħmlu l-esperjenza ta’ dixxipli. Fittxuh, sibuh u gawdu l-ferħ f’li tħallu lil min jieħu ħsiebkom, jakkumpanjakom u jagħtikom parir. Din hija għajnuna insostitwibbli sabiex tkun tista’ tgħix il-ministeru fir-rieda tal-Missier (ara Lhud 10,9) u tħalli l-qalbek tħabbat «bl-istess sentimenti ta’ Kristu Ġesù» (Fil 2,5). Kemm jagħmlulna tajjeb il-kliem ta’ Koħèlet: «Tnejn min-nies aħjar minn wieħed waħdu … Jekk jaqa' wieħed, l-ieħor jista' jqajjmu, imma miskin hu min hu waħdu, għax m'għandux min iqajjmu»(4,9-10).


It-tieni rabta li ssawwarna: kabbru u sostnu ir-relazzjoni mal-poplu tagħkom. Tiżolawx ruħkom mill-poplu tagħkom u mill-presbiterji jew mill-komunitajiet tagħkom. Wisq anqas m’għandkom tissakkru fi gruppi magħluqa u elitisti. Dan, fl-aħħarnet, joħnoq u jivvelena l-ispirtu. Ministru kuraġġuż huwa ministru li dejjem ħiereġ; u li “tkun dejjem ħiereġ” iwassalna sabiex nimxu «xi drabi quddiem, xi drabi fin-nofs u xi drabi fuq wara: quddiem, sabiex immexxu l-komunità; fin-nofs sabiex nagħmlulha l-qalb u nsostnuha; fuq wara, biex inżommuha magħquda ħalli ħadd ma jibqa wisq, wisq lura, biex inżommuha magħquda u għal raġuni oħra: għaliex il-poplu “ixomm”! Ixomm biex jiskopri mogħdijiet ġodda għall-mixja, għandu is-“sensus fidei” [ara Lumen Gentium, 12]. X’hemm isbaħ minn dan?»[31]. Ġesù nnifsu huwa l-mudell ta’ din l-għażla evanġelizzatriċi li ddaħħalna fil-qalb tal-poplu. Kemm jagħmlilna ġid li narawh viċin ta’ kulħadd! L-għotja ta’ Ġesù fuq is-salib ma hi xejn ħlief il-qofol ta’ dan l-istil ta’ evanġelizzazzjoni li mmarka l-eżistenza tiegħu kollha kemm hi.
Ħuti, it-tbatija ta’ tant vittmi, it-tbatija tal-Poplu t’Alla, bħat-tbatija tagħna wkoll, ma tistax tinħela. Huwa Ġesù nnifsu li jġorr dan il-piż kollu fuq is-salib u jistedinna nġeddu l-missjoni tagħna sabiex inkunu aktar qrib ta’ dawk li qed ibatu, sabiex inkunu, mingħajr mistħija, qrib tal-miżerji umani u, għaliex le, ngħixuhom bħala l-miżerji tagħna sabiex nagħmluhom ewkaristija[32]. Iż-żmien tagħna, mmarkat minn feriti qodma u ġodda, jitlob minna li nkunu bennejja ta’ relazzjoni u komunjoni, miftuħa, b’fiduċja u fi stennija tan-novità li s-Saltna t’Alla trid tqajjem illum. Saltna ta’ midinbin maħfura, mistiedna li jixhdu l-kompassjoni dejjem ħajja u attiva tal-Mulej; «għax għal dejjem hi l-ħniena tiegħu».


TIFĦIR
«Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej» (Lq 1,46).


Huwa mpossibli li wieħed jitkellem fuq gratitudni u nkoraġġiment mingħajr ma jikkontempla lil Marija. Hi, mara b’qalbha minfuda (ara Lq 2, 35) tgħallimna t-tifħir li kapaċi jiftaħ il-ħarsa lejn il-futur u jagħti lura t-tama lill-preżent. Ħajjitha kollha kienet miġbura fil-kant tagħha ta’ tifħir (ara Lq 1, 46-55), li anke aħna mistiedna nkantaw bħala wegħda tal-milja li għad nilħqu.


Kuldarba li mmur f’Santwarju Marjan, inħobb “inġib il-ħin billi nħares lejn u nħalli li l-Omm tħares lejja, filwaqt li nitlob il-fiduċja tat-tifel, tal-fqir u tas-sempliċi li jaf li hemm tinsab ommu u li fil-ġuf tagħha jista’ jitlob post fejn joqgħod. U jiena u nħares lejha, bħall-Indian Juan Diego nisma’ mill-ġdid: «X’għandek, iben tiegħi, l-iżgħar fost kollha? X’inhu jnikket il-qalb tiegħek? Forsi miniex qiegħda hawn jien, jien li għandi l-unur li nkun ommok?»[33].


Li tħares lejn Marija jerġa jwasslek «biex temmen fil-qawwa rivoluzzjonarja tat-tenerezza u l-imħabba. Fiha naraw li l-umiltà u l-ħlewwa mhumiex virtujiet tad-dgħajfa iżda tal-qawwija, li m’għandhomx bżonn jittrattaw lill-oħrajn ħażin biex iħossuhom importanti»[34].


Jekk xi darba il-ħarsa tiegħek tibda tibbies, jew tħoss li l-qawwa seduċenti tal-apatija jew li titħassar lilek innifsek trid trabbi l-għeruq u tieħu pussess ta’ qalbek; jekk il-pjaċir li nħossuna parti ħajja u integra tal-Poplu t’Alla tibda ttina fastidju u nħossuna mbuttati sabiex nieħdu atteġġament elitist... tibża xejn milli tikkontempla lil Marija u intona il-kant tagħha ta’ tifħir.


Jekk xi darba nħossuna ttentati biex niżolaw ruħna u ningħalqu fina nfusna u fil-proġetti tagħna sabiex nipproteġu lilna nfusna mit-triqat kollha trab tal-istorja, jew jekk it-tgergir, il-protesti, il-kritika jew l-ironija jieħdu pussess tal-mod kif inġibu ruħna li ma jħallulna l-ebda xewqa li nikkumbattu, li nistennew u li nħobbu... ejjew inħarsu lejn Marija sabiex hi tippurifikalna għajnejna minn kull “tibna” li tista’ twaqqafna milli nkunu attenti u mqajjmin sabiex nikkontemplaw u niċċelebraw lil Kristu li jgħix f’nofs il-Poplu tiegħu. U jekk naraw li mhux jirnexxielna nimxu dritt, li qed inbatu biex inżommu l-proposti ta’ konverżjoni tagħna, induru lejHa kif kien jitkarrab, kważi b’kompliċità, dak il-kappillan kbir, u wkoll poeta, tad-djoċesi tiegħi fejn kont qabel: «Illejla, Sinjura, il-wegħda tiegħi hi sinċiera. Iżda, għal dak li jista’ jinqala’, tinsiex tħalli ċ-ċavetta barra»[35]. Marija «hija l-ħabiba dejjem attenta sabiex ma jonqosx l-inbid fil-ħajja tagħna. Hija hi dik li għandha qalba minfuda mis-sejf, li tifhem it-tbatijiet kollha. Bħala omm ta’ kulħadd, hi sinjal ta’ tama għall-popli li jsofru t-tbatijiet tal-ħlas sakemm tinbet il-ġustizzja... Bħala omm vera, timxi magħna, tissieħeb fil-kumbattiment magħna, u xxerred bla waqfien il-qrubija tal-imħabba ta’ Alla»[36].


Ħuti, għal darb’oħra, «ma nixba' qatt niżżi ħajr minħabba fikom» (Efes 1,16) għall-impenn u l-missjoni tagħkom fiċ-ċertezza li «Alla jneħħi l-ġebliet l-aktar iebsa, li magħhom jiġġarfu t-tamiet u l-aspettativi: il-mewt, id-dnub, il-biżà, l-affarijiet tad-dinja. L-istorja umana ma tieqafx quddiem ġebla ta’ qabar, għaliex illum tiskopri “il-ġebla ħajja” (ara1 Pt 2,4): Ġesù mqajjem mill-mewt. Aħna bħala Knisja mwaqqfin fuqu, u anke meta naqtgħu qalbna, meta nkunu ttentati li niġġudikaw kollox fid-dawl tal-fallimenti tagħna, Huwa jiġi sabiex jagħmel kollox ġdid»[37].


Ejjew inħallu li l-gratitudni tkun dik li tqajjem it-tifħir u li tagħmlilna kuraġġ għal darb’oħra għall-missjoni tagħna li nidilku lil ħutna fit-tama. Jalla nkunu rġiel li jagħtu xhieda bil-ħajja tagħhom tal-kompassjoni u l-ħniena li Ġesù biss jista’ jagħtina.


Il-Mulej Ġesù jberikkom u l-Verġni Mqaddsa tħariskom. U, jekk jogħġobkom, nitlobkom biex ma tinsewx titolbu għalija.


Ħukhom,
Franġisku

Ruma, San Giovanni Laterano, 4 t’Awwissu 2019.
Tifkira liturġika ta’ San Ġwann Marija Vianney, il-Kurat t’Ars.
________________________________________

[1] Cfr Lett. ap. Anno Iubilari (23 aprile 1929): AAS 21 (1929), 312-313.
[2] Discorso alla Conferenza Episcopale Italiana (20 maggio 2019). La paternità spirituale che spinge il Vescovo a non lasciare orfani i suoi presbiteri si può riscontrare non solo nella capacità di avere le porte aperte per tutti i suoi preti, ma nell’andare a cercarli per prendersi cura di loro e accompagnarli.
[3] Cfr SAN GIOVANNI XXIII, Lett. enc. Sacerdotii nostri primordia nel I centenario del piissimo transito del santo Curato d’Ars (1 agosto 1959): AAS 51 (1959), 548.
[4] Cfr Lettera al Popolo di Dio (20 agosto 2018).
[5] Incontro con i Sacerdoti, Religiosi e Religiose, Consacrati e Seminaristi, Santiago del Cile (16 gennaio 2018).
[6] Cfr Lettera al Popolo di Dio che è in cammino in Cile (31 maggio 2018).
[7] Incontro con il Clero di Roma (7 marzo 2019).
[8] Omelia Veglia Pasquale nella Notte Santa (19 aprile 2014).
[9] Esort. ap. Gaudete et exsultate, 7.
[10] Cfr JORGE MARIO BERGOGLIO, Lettere della tribolazione, Milano, 2019, p. 18.
[11] Cfr Discorso ai Parroci di Roma (6 marzo 2014).
[12] Ritiro spirituale ai Sacerdoti, Prima Meditazione (2 giugno 2016).
[13] ANTONIO SPADARO, Intervista a Papa Francesco: “La Civiltà Cattolica” 3918 (19 settembre 2013), p. 462.
[14] Esort. ap. Evangelii gaudium, 137.
[15] Cfr Discorso ai Parroci di Roma (6 marzo 2014).
[16] Cfr Esort. ap. Evangelii gaudium, 268.
[17] Esort. ap. Gaudete et exsultate, 7.
[18] Cfr Lett. ap. Misericordia et misera, 13.
[19] Esort. ap. Gaudete et exsultate, 50.
[20] Ibid., 134.
[21] Cfr JORGE MARIO BERGOGLIO, Reflexiones en esperanza, Città del Vaticano, 2013, p. 14.
[22] Journal d’un curé de campagne, Paris, 1974, p. 135; cfr Esort. ap. Evangelii gaudium, 83.
[23] Cfr BARSANUFIO, Epistolario, in: VITO CUTRO – MICHAŁ TADEUSZ SZWEMIN, Bisogno di Paternità, Varsavia, 2018, p. 124.
[24] L’arte di purificare il cuore, Roma, 1999, p. 47.
[25] Esort. ap. Evangelii gaudium, 2.
[26] Esort. ap. Gaudete et exsultate, 137.
[27] Esort. ap. Evangelii gaudium, 1.
[28] Ibid., 3.
[29] JORGE MARIO BERGOGLIO, Reflexiones en esperanza, Città del Vaticano, 2013, p. 26.
[30] Esort. ap. Evangelii gaudium, 94.
[31] Incontro con il Clero, Persone di Vita Consacrata e Membri di Consigli Pastorali, Assisi (4 ottobre 2013).
[32] Cfr Esort. ap. Evangelii gaudium, 268-270.
[33] Cfr Nican Mopohua, 107, 118, 119.
[34] Esort. ap. Evangelii gaudium, 288.
[35] Cfr AMELIO LUIS CALORI, Aula Fúlgida, Buenos Aires, 1946.
[36] Esort. ap. Evangelii gaudium, 286.
[37] Omelia Veglia Pasquale nella Notte Santa (20 aprile 2019).

 

Miġjub mit-Taljan għall-Mlati minn John Muscat