Miraklu ieħor għal Newman

L-Arċisqof ta’ Birmingham Bernard Longley laqa’ bil-ferħ rapporti li l-Vatikan qed jinvestiga dak li possibbilment jista’ jkun it-tieni ‘miraklu’ li jista’ jwassal għall-kanonizzazzjoni tal-Kardinal John Henry Newman li hu diġá beatu.

L-Arċisqof Longley qal li hu “ta’ ferħ kbir” li wieħed ikun jaf li l-kawża qed tagħmel progress. Hu ħa l-okkażjoni biex ifakkar lill-Kattoliċi biex iġeddu t-talb tagħhom għall-kanonizzazzjoni tal-Beatu Dominic Barberi, il-patri li rċieva lil Newman fi ħdan il-fidi Kattolika mill-Knisja Anglikana.

“Il-Beatu John Henry Newman ħalla legat spiritwali tassew għani – ta’ min isemmi l-oratorji ta’ Birmingham u Oxford – u ta ukoll kontribut siewi u kbir lill-Knisja fuq livell nazzjonali u internazzjonali”, stqarr Longley. “Hu ta’ ferħ kbir li tarah miexi pass aktar fil-qrib għal dak il-mument meta jkun magħdud mal-qaddisin”.

Longley semma wkoll kif “matul dan il-Ġublew tal-Ħniena, hu jħossu ċert li l-Beatu John Henry Newman irid li aħna nkomplu nitolbu biex is-saċerdot passjonista u Beatu Dominic Barberi li laqa’ lil Newman fil-Knisja jkun ukoll ikkanonizzat.

Il-possibbiltá tat-tieni miraklu teħodna fl-arċidjoċesi ta’ Chicago fejn sar fejqan inspjegabbli ta’ omm żagħżugħa Amerikana li kienet mhedda minn life-threatening pregnancy. Tobba li trattaw magħha stqarrew li m’għandhom ebda spjegazzjoni għall-fejqan sħiħ u ta’ malajr ta’ din il-mara li hi gradwata fil-liġi.

Il-każ qed jiġi studjat mill-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin u jekk it-teologi u t-tobba tal-Vatikan jikkonkludu li dan jista’ jkun sinjal divin tal-qdusija ta’ Newman, il-Papa jkun jista’ jipproċedi biex jikkanonizza l-ewwel qaddis Ingliż sa mis-sena 1970 u l-ewwel qaddis mill-gżejjer Brittaniċi sa mill-1976.

Newman ġie bbeatifikat mill-Papa Benedittu XVI fis-sena 2010 wara li l-Vatikan approva l-ewwel miraklu. Dakinhar il-miraklu kien jirrigwardja lil Jack Sullivan, Amerikan li disa’ snin, li fieq minn kundizzjoni fix-xewqa ta’ daru u li kienet wasslitu biex jimxi mgħawweġ.

Il-Beatu Kardinal John Henry Newman jibqa’ persuna ta’ ispirazzjoni kbira għal ħafna nies minħabba l-fatt li, skont l-Isqof Philip Egan ta’ Portsmouth, it-tagħlim tiegħu jista’ anki jwassal biex jinħatar Duttur tal-Knisja.

L-Isqof Mark Davies ta’ Shrewsbury stqarr li “John Henry Newman hu diġá rikonoxxut għall-qdusija personali u t-tagħlim siewi tiegħu kemm mill-Kattoliċi kif ukoll l-Anglikani”.

Ta’ min jgħid li bħalissa wkoll il-Vatikan qed jistudja l-kawżi tal-Passjonista Fr Ignatius Spencer li hu qarib tal-Prinċpijiet William u Henry tal-Ingilterra min-naħa ta’ ommhom Lady Diana Spencer kif ukoll il-ħajja ta’ Swor Elizabeth Prout, Fundatriċi tal-Passjonisti u ta’ Swor Riccarda Beauchamp Hambrough, soru Briġittina li salvat ħafna Lhud min-Nażi fit-Tieni Gwerra Dinjija.

 

Kitba ta’ Dun Geoffrey G. Attard

Mil-Lehen is-Sewwa tal-14 ta' Frar 2016