Il-Kitbiet Ewlenin tal-Kardinal John Henry Newman

Matul il-ħajja twila tiegħu ta’ madwar disgħin sena, il-Kardinal John Henry Newman kiteb ammont kbir ta’ omeliji jew prietki, faxxikli u anke kotba. Dawn ivarjaw minn poeżija għal proża għal kitba apoloġetika u anke awtobijografija kif ukoll xi novelli magħrufa. Fil-qosor, ngħidu xi ħaġa dwar ix-xogħolijiet prinċipali tiegħu . Żewġ innijiet tiegħu Lead Kindly Light u Praise to the Holiest in the Heights jitkantaw fil-knejjes Kattoliċi u Anglikani. Kiteb ukoll diversi talbiet sbieħ Marjani u anke oħrajn.

The Arians of the Fourth Century (1833). Dan huwa ktieb li fih Newman jitratta l-kontrversja u l-ereżija Arjana tal-ewwel sekli.

Lyra Apostolica (1836). Din hija ġabra ta’ poeżiji.

An Essay on the Development of Christian Doctrine (1845). Din hija waħda mill-iktar kitbiet magħrufa tal-Kardinal Newman. Newman jinqeda bl-idea tal-iżvilupp tad-duttrina Kattolika sabiex jiddefendi l-Knisja mill-Anglikani u mill-Protestanti li kienu jqisu ċertu tagħlim Kattoliku bħala innovazzjoni.

Loss and Gain (1948). Dan huwa rumanz filosofiku li jippreżenta l-kultura tal-Univesita’ ta’ Oxford fl-era Vittorjana u l-konverżjoni ta’ student żagħżugħ għall-fidi Kattolika.

The Idea of A University (1852). Matul is-sena 1852, Newman ta diversi lectures dwar x’inhu l-iskop ta’ universita’. Dawn ġabarahom f’dan il-ktieb.

Callista (1855). Dan huwa l-isem ta’ rumanz tal-Kardinal Newman li jitratta tifla sabiħa Griega ta’ fidi pagana li tgħix fil-belt ta’ Sicca Veneria fil-provinċja Rumana ta’ Veneria fl-Afrika ta’ fuq u li matul iż-żmien tagħha fl-art il-ġdida, issir Nisranija u tmut martri għall-fidi.

On Consulting the Faithful in Matters of Doctrine (1859). Dan l-esej kien ippubblikat għall-ewwel darba fil-ġurnal ‘The Rambler’ u kien il-kawża ta’ kontroversja kbira kemm f’Ruma kif ukoll fl-Ingilterra. Fih, Newman ried juri li anke l-Kattoliċi Ingliżi huma kapaċi jżommu konverżazzjoni intelletwali fil-qasam tal-fidi

Apologia Pro Vita Sua (1864). Dan il-ktieb huwa difiża awtobijografika minn Newman fir-rigward tal-opinjonijiet reliġjużi tiegħu. Kitbu bi tweġiba għal Charles Kingsley tal-Komunjoni Anglikana wara li Newman innifsu rriżenja mill-uffiċju tiegħu ta’ vigarju Anglikan ta’ St Mary’s f’Oxford.

The Dream of Gerontius (1866) hija poema twila li fiha Newman ilaqqgħana ma’ raġel xwejjaħ bl-isem ta’ Ġeronzju li jmut u r-ruħ tiegħu tibda l-vjaġġ spiritwali lejn Alla, imma qabel xejn, r-ruħ tfittex li tagħmel lilha nfisha denja għal din id-dehra tal-viżjoni beatifika. Il-mużiċista Edward Elgar akkumpanja bil-mużika tiegħu.
Plain Sermons (1868) hija ġabra tal-omeliji tiegħu matul is-snin.

Grammar of Assent (1870). Dan huwa esej akkademiku dwar il-filosofija tal-fidi. Newman jistqarr mal-ħbieb tiegħu li ħa għoxrin sena biex kitbu kollu.

Letter to the Duke of Norfolk (1875). Dan il-ktieb, Newman kitbu bħala tweġiba għall-polemika Protestanta-Kattolika li kienet il-frott tal-Konċilju Vatikan l-Ewwel. Newman jikkummenta dwar l-inġustizzja li ħoloq il-Prim Ministru William Ewart Gladstone meta qal li l-Kattoliċi m’għandhomx ‘liberta’ mentali’ għax huma ilsiera tal-papat. Newman jiddedika l-ktieb lid-Duka ta’ Norfolk li huwa l-aktar aristokratiku Kattoliku magħruf fis-saltna kollha.

Miġbura minn Fr Geoffrey Attard