Il-Kardinal Newman dwar sehem il-lajċi fil-Knisja

Silta minn diskors li Fr Fabio Attard SDB kien għamel f'Jum il-Lajċi fis-16 ta' Frar 2006 (klikkja ...)

Meta reġgħet ġiet mwaqqfa l-Knisja Kattolika fl-Ingilterra, f’nofs is-seklu 19, Newman mill-ewwel intebah li l-futur tal-Knisja hemmhekk kien se jiddependi minn lajkat preparat fis-sens sħiħ tal-kelma. Mhux il-waqt hawn li nidħol fil-kitbiet tiegħu ta’ natura teoloġika li għadhom validi sal-lum. Nixtieq biss nirreferi għal waħda mill-priedka tiegħu, ta’ l-1851, fejn jgħid dawn il-kelmiet:

" ... dak li nixtieq nara fil-Kattoliċi huwa d-don li jkunu kapaċi jixhdu għar-reliġjon tagħhom – nixtieq nara lajċi, li m’humiex arroganti, ma jgħaġġlux biex jitkellmu, ma jkunux polemikużi, iżda persuni li jafu r-reliġjon tagħhom, li jidħlu fiha, li sempliċement jafu fejn huma, li jafu x’jemmnu u x’għandhom iwarrbu, li jafu tant tajjeb l-fidi tagħhom, illi lesti jagħtu raġun għaliha, li huma midħla ta’ l-istorja b’mod li jistgħu jiddefenduha. Nixtieq lajkat intelliġenti, mgħallem tajjeb – nixtieqkom tkabbru l-għerf tagħkom, tikkultivaw ir-raġuni, tkunu attenti biex tagħrfu verità minn oħra, li taraw l-affarijiet kif inhuma, li tifhmu r-relazzjoni li tgħaddi bejn il-fidi u rraġuni, liema hi l-bażi tal-fidi Kattolika u l-pinċipji tagħha… Żgur li ma tkunux Kattoliċi ta’ nofs kedda kemm-il darba taċċettaw li jkollkom sens qawwi u ħaj ta’ Alla, u ma tinsew qatt li għandkom ruħ li trid tagħti kont lil Alla u li xieraq li nsalvawha."

U jkompli jżid ma’ din il-viżjoni tiegħu, s-sens ta’ sfida billi jirreferi għall-istorja:

"... f’kull żmien, kienu l-lajċi l-qis ta’ l-ispirtu Kattoliku; kienu huma li salvaw lill-Knisja fl-Irlanda, tlett sekli ilu, u kienu huma li tradew il-Knisja fl-Ingilterra. Jeħtieġ li tkunu kapaċi tesprimu dak li tħossu u dak li temmnu, kif ukoll li tibqgħu tħossuh u tkomplu temmnuh… Tindunaw li m’hemmx raġuni għalfejn għandu jonqoskom il-kuraġġ jew tħossukom urtati jekk tiltaqgħu ma’ sfidi f’din it-triq, jekk jgħajrukom, jekk ma tiġux emmnuti, jekk tkunu trattati b’mod inġust. Intom dejjem tistgħu taqgħu fuqkom infuskom; tkun kalmi u paċenzjużi. L-injoranza hija l-għerq ta’ dak kollu li jibqa żgħir u ma jikbirx; il-persuna li lesta taċċetta li fil-ħajja se jkun hemm konflitti morali, li tirrifjuta l-falsità, li tagħraf l-Preżenza ta’ Mħallef, minnha nnifisha ssir persuna filosofika, kapaċi taċċetta s-sofferenza, u tkun persuna ta’ qalb nobbli."

Dan id-diskors memorabbli ta’ Newman f’perijodu meta l-Knisja fl-Ingilterra kienet qegħda terġa ssib saqajha wara sekli ta’ soppressjoni u persekuzzjoni, huwa diskors li anke għalina llum jesprimi żewġ dimensjonijiet li jitolbu lil xulxin.

Għall-ewwel dimensjoni, li tikkonsisti fil-ħtieġa ta’ l-esperjenza mistika, u li semmejt flewwel parti, Newman jwessa d-diskors għat-tieni ħtieġa, dik ta’ formazzjoni personali fuq livell ta’ ħsieb u preparazzjoni iktar sħiħa. Għalih, però, ma jeżistux żewġ naħat separati, lispiritwali u l-uman, il-qalb u l-moħħ, iżda hemm għaqda u sintesi bejn it-tnejn. Il-persuna tassew nisranija hija waħda, u għax hija persuna li fil-ħajja tagħha akkwistat sens qawwi ta’ unità, minn din l-għaqda toħroġ xhieda koerenti. Fil-fatt huwa l-istess Newman li jisħaq il-konvinzjoni tiegħu ta’ sintesi interjuri li min-naħa tagħha ssir kundizzjoni għal sintesi esterjuri: “saħħaħ il-livell tar-reliġjon fil-qalb tiegħek, u malajr tinduna li tkun qawwejt l-ispirtu tar-reliġjon fid-dinja.”