Il-ĦOLMA TA’ ĠERONZJU

The Dream of Gerontius

Tal-Kardinal John Henry Newman

Miġuba għall-Malti minn Fr Geoffrey George Attard

 

Ġesu’ Marija, l-mewt issa qed toqrob

u intom qed issejħu, smajtkom jiena,

intbaħt mhux għax in-nifs naqasni sewwa

jew għax il-kesħa daħlet sew, bla sliema,

Ġesu’ jkollok ħniena! Marija itlob għalija

dan il-ħass t’issa, qatt qabel ma ħassejtu;

kun miegħi Mulej f’dan il-mument aħħari,

għax ġismi minn dit-triq ma nafx l’għaddejtu.

Ġo fija qed inħoss bħal abbandun -

Maħbub l-erwieħ, għajnejja jħarsu lejk

waqt li inħoss li mhux sa nibqa’ nkun

u sa nintemm biex nintelaq f’idejk.

Ħbiebi għeżież itolbu isa, għalija,

għax fuq il-bieb qed nisma’ it-taħbit

u dan li ġie, bil-biża’ u bit-twerwir

qed jimla ‘l qalbi b’diqa u tregħid.

Il-mewt, o ħbieb, qed tħabbat issa sew

u bħal qiegħed inħoss li ma jien xejn

jekk naqa’ lura, l-vojt jiblagħni fih

u ngħib bħal min intemm jew qatt ma kien.

Mulej, maħbub, kun tiegħi kenn u tmun

la titlaqnix, għalkemm jeħtieġ ninħall

jeħtieġ li fit-taħsir naqa’, nsir xejn

nintilef fid-dagħbien ta’ qiegħ l-abiss

li minnu ġejt u miegħu għandi d-dejn;

dan hu li qed iseħħ fija tassew

ja biża’ kbir! Itolbu mela ħbieb

għax għandi bżonn u ma nistax

għalija nitlob, fija l-kuraġġ dieb.

 

ASSISTENTI

Kyrie eleison, Christe eleison, Kyrie eleison

Verġni Mbierka, itlob għalih,

Anġli mqaddsa, itolbu għalih,

Kori tal-ġusti, itolbu għalih,

Imqaddes Abraham, itlob għalih.

San Ġwann Battista, San Ġużepp itolbu għalih

San Pietru, San Pawl, Sant’Andrija, San Ġwann

Appostli kollha, Evanġelisti kollha, itolbu għalih.

Dixxipli mqaddsa tal-Mulej itolbu għalih

Innoċenti kollha itolbu għalih

Martri kollha, konfessuri kollha, itolbu għalih

Eremiti mqaddsa, verġni mqaddsa.

 

GERONZJU

Fuq tiegħek qum ja ruħ, uri qlubitek

u għalkemm taf il-qosor tal-jiem tiegħek

fuq l-art, tħejja sabiex tiltaqa’ m’Alla

il-Ħallieq, is-Sid illi dal-waqt sa tħaddan miegħek.

 

Fil-waqt li sa tinfixel w anke tbati

għal tul ta’ żmien qasir

la taħlix ħinek, qum u aħdem sħiħ

matul dan l-intervall żomm ċar it-tir.

 

ASSISTENTI

Kun ħanin u ieqaf miegħu Mulej

Kun ħanin u eħilsu  fis Mulej,

mid-dnubiet li issa għaddew

u mir-rabja tad-Divin;

mill-periklu tal-imwiet

jew tħaddin l-għelt u d-dnubiet

mill-imħabba lejn il-jien

u mill-qerq tal-ħafna kliem;

mill-ħruxija tan-nirien

u mill-eħżen post jew żmien

lill-qaddej il-ħelsien ġib

żommu dejjem tiegħek qrib.

 

Bi twelidek u s-Salib

lilu eħles mit-telfien

bil-mewt tiegħek, u l-qawmien

roddlu l-ħajja ta’ b;a tmiem

u bir-rebħ fl-għoli u glorjuż

fejn mort tgħammar fis-smewwiet

ġiblu r-rebħa dakinhar

meta tkun it-tromba dwiet.

 

ĠERONZJU

Sanctus fortis, Sanctus Deus

De profundis oro te,

Misere, Judex meus

Parce mihi, Domine.

Jiena nemmen b’fidi ferma

f’Alla wieħed Trinita’,

u f’Ġesu’ li t’ulied Eva

in-natura fuqu ħa.

Jien nittama u dan bil-qawwa

li Ġesu’ fuq is-Salib

miet, u miegħu jien immewwet

dak li fija d-dnub iġib.

Tiegħu biss id-dawl u l-ħajja

lilu nħobb jien fuq kulħadd

u fuq kollox nagħti qima,

lilu s-Sid li ma jmut qatt.

Sanctus fortis, Sanctus Deus

De profundis oro te

Misere, Judex meus

Parce mihi, Domine.

Għax inħobbu, ħax hu Sidi

Jien inħobb ukoll bil-kbir

lill-Imqaddsa Knisja tiegħu

u tagħlimha bla tnikkir.

Jiena nilqa’ b’ferħ u mħabba

u naċċetta dak li jsir,

waqt li naqta’ l-irbit kollu

mal-qerq li jagħmilni lsir.

‘Qima u glorja, sliem, foħrija

lil Sid l-art, Sid is-smewwiet’

lill-Missier, l-Iben, l-Ispirtu

fost l-arkanġli l-għajta dwiet.

Sanctus fortis, Sanctus Deus,

De profundis, oro te

Misere, Judex meus

Mortis in discrimine.

 

Ma niflaħx iżjed, qed inħossa nieqsa

dik l-għajja kiefra, agħar mill-agħar uġigħ

dik l-istmerrija, dawk riġlejna jogħtru

bħal meta xejn ma jibqa’ qawwi u sħiħ.

 

Inħossni fuq l-irdum

qed naqa’ u ma naqax;

ma nafx fejn jien sejjer

bħal nista’ u ma nistax.

Jew agħar minn hekk, jitkisser

il-qafas li jżomm sħiħ

il-ġisem dgħajjef tiegħi

nitnittef qalb ir-riħ.

U agħar u agħar – il-biża’

biża’ mingħajr waqfien

li jimla ruħi u jitla’

sax-xifer qisu flien.

U agħar u agħar il-qilla

ta’ mard il-ġisem sħiħ

li jġorr u jġibu miegħu

bil-ħeffa, fuqi, ir-riħ.

Ġwenħajħ jiftaħ qawwija

li jnittnu kullimkien

li jibdew jidħku bija

jeqirdu fija s-sliem.

Ġesu’ itlob għalija, Marija!

Xi anġlu, Ġesu’ bħal dak li jżurek ġie

f’tiegħek il-agunija. . .

Marija, itlob għalija, Ġużeppi itob għalija

Int Marija.

 

ASSISTENTI

Eħilsu O Mulej f’din l-eqqel siegħa

Kif dari Int għamilt bil-qawwa tiegħek Amen.

Enok w Elija, minn tagħhom l-agunija. Amen.

Noe mill-ilmijiet għal daru żgura. Amen.

Abram meħlus mnn qerq il-paganiżmu. Amen.

Ġob minn tant inkwiet li waqa’ fuqu. Amen.

Iżakk minn tarf is-sikkina nieżla fuqu. Amen.

Lot minn Sodoma maħruqa f’jum il-ġudizzju. Amen.

Mose mill-art tal-jasar u d-disperament. Amen.

Danjel minn ħalq l-iljuni mġewħa f’darhom. Amen.

U t-tlett żgħażagħ f’nofs it-Tron mixgħul. Amen.

Susanna s-safja mill-mistħija u d-diskors tan-nies. Amen.

David minn Gulija u qillet Sawl. Amen.

U ż-żewġ appostli mill-ħabs kollu dlam. Amen.

Tekla mit-turmenti tagħha. Amen.

-          mela biex turi setgħetek

-          eħles Mulej lil dan il-qaddej f’din l-eqqel siegħa.

 

ĠERONZJU

Novissima hora est; issa sa norqod

Ħallieni l-uġigħ . . . . .f’idejk

Mulej nintelaq jiena.

 

IL-QASSIS

Profiscere anima Christiana, de hoc mundo

Ibda ja ruħ Kristjana l-mixja tiegħek!

Itlaq minn din id-dinja! Itlaq f’isem Alla

il-Missier li jista’ kollox, li ħalqek!

Mur f’isem Ġesu’ Kristu, il-Mulej tagħna

Iben Alla l-Ħaj li żvina għalik!

Itlaq f’isem l-Ispirtu s-Santu, li

ġie msawwab fuqek! Mur f’isem

l-Anġli u l-Arkanġli, f’isem

it-Troni u d-Dominazzjonijiet; f’isem

il-Prinċipati u s-Setgħat; f’isem

il-Kerubini u s-Serafini; itlaq!

Mur, f’isem il-Profeti u l-Patrijarki;

u f’isem l-Appostli u l-Evanġelisti,

il-Martri u l-Konfessuri, f’isem

l-Irħieb qaddisa u l-Eremti; f’isem

il-Verġni u f’isem il-Qaddisin kollha ta’ Alla

irġiel u nisa morru! Aqbdu triqitkom

u jalla ssibu darkom kollha sliem

u jalla darkom tkun il-Għolja Mqaddsa

ta’ Sijon;  bl-istess Kristu Sidna.

 

RUĦ TA’ ĠERONZJU

Jiena mort norqod; u qomt u nħossni sħiħ

tisħiħ ftit stramb, għax fija qed inħoss

bħal ħeffa ġdida, u bħal ħelsien ġdid

li jroddli bħal jien frisk li bħalu qabel

jien qatt ma ħassejt.  O x’ħelu rdoss!

M’għadnix qed nisma’ l-ħoss tat-tektik taż-żmien

u lanqas in-nifs għaddej, u mank il-polz

u ebda waqt ma jiġi jew imur.

Jien kelli ħolma; iva  - u xi ħadd qal

‘Ħalliena’; u mbagħad bħal nifs ‘il ġew u ieħor

‘il barra li dar mal-kamra.

Imbagħad smajt vuċi ta’ qassis qed tgħid

‘Subvenite’ u kulħadd niżel fuq għarkopptejh.

Bħal donnu għadni qed nisimgħu; imma rqiq, fil-baxx,

u aktar dgħajjef l-aċċent qed nisma’,

u jikber l-intervall bejn wieħed  u ieħor.

Ah! Meta qed iseħħ dan? X’inhu dal-qtugħ?

Dan is-silenzju jnissel solitudni

fil-qalba nett ta’ ruħi;

u l-mistrieħ profond, hekk ħelu u hekk ta’ serħ

bħal kellu qtar ta’ diqa u tal-uġigħ.

Ħsibijieti kollha marru lura lejn l-għajn

bħal reġgħu daħlu ġeww’

u rġajt bejt niekol minni stess

x’niekol ma kellix sew.

 

‘Mma jien mejjet jew ħaj? Mejjet m’inix

għadni fil-ġisem; għax jien għadni nħoss

bħal xi kuraġġ li għadu jaqbad miegħi;

u kull organu fil-ġisem qiegħed hemm

u f’għaqda mal-oħrajn u f’simetrija

li ddur madwari u tagħmilni sħiħ

il-bniedem illi jdur, b’ġisem u demm.

Imma jien ridt, tassew, nitħarrek ftit

u setgħa kelli; għax ħassejtni stramb

la nista’ nħarrek idi u lanqas riġli

u x-xofftejn u s-swaba’ ma jersqux,

u lanqas il-kappell tal-għajn ma

jrid jagħti ftit serħan il-moħħ,

biex bit-taħrik tas-soltu kull ftit ħin

juruni k’inix ħaj inkella le.

Le jien ma nafx fejn jien u x’jien

jekk hux bil-wieqfa fuq riġlejja ndur

inkella qiegħed, jew mal-art mindud

nitħarrek jew għajjien.

 

Daqstant biss naf – ma nafx lanqas kif nad

jekk huwiex l-univers li fih kont għext

hux hu li qed iħalli lili wrajh

inkella huwie jien qed inħallih.

Jew jien jew hu qed jimraħ fl-għoli sħiħ

fuq ġwienaħ qalb l-irjieħ.

Issa miljuni l-mili bejn it-tnejn,

u vojt jifridna qiegħed minn xulxin,

vojt li nqisuh bl-ispazju naf biċ-ċert

imma tistaqsinix k’nistax nikkalkulah

bil-ħeffa jew biż-żmien?

Jew jien qiegħed immur lil hemm mill-infinit

u nimraħ ‘l hinn mill-qies

li jagħmel il-vjaġġ tiegħi fl-infinit

‘il bogħod mid-dinja, bogħod minn art in-nies?

Dan għaġeb ieħor; xi ħadd qiegħed jaħfinni

fil-palma minn ta’ jdejh; u din mhix bħall-

qabdiet l-oħrajn li jużaw fuq l-art,

imma madwari sħiħ inħossha ddur

bħal kieku kont ballun, u nħoss ukoll li

mhux jien waħdi miexi bir-riġlejn

imma hemm xi ħadd quddiemi juri t-triq.

Xi ħlew! Qed nisma’ l-kant; u dan mingħajr ma naf

jekk hux qed nisma’, jew inkella immiss, jew

forsi ntiegħem l-istess noti li ġejjin.

O x’ħelwa melodija tmiss il-qalb!

 

ANĠLU

Jien xogħli lest

il-ħidma għamilt

u issa ġej

neħodha lejn id-dar,

għax il-kuruna ntrebħet

            Allelulia

            għal dejjem.

 

Missieri tani

raddli f’idejja

dan bin il-art

sa mit-twelid.

Biex naqdi u neħles

            Allelulia

            u issa salv.

 

Dan bin it-tafal

lili ġie mogħti

biex inrabbi u nlesti

fl-uġigħ ingħin u nħejji

fit-triq id-dejqa.

 Alleluia!

            Mill-art lejn is-sema.

 

RUĦ

Din membru tal-familja

ta’ ħlejjaq kbar tassew, li għalihom l-art inbniet

miljuni ta’ snin ilu, qagħdu maġenb it-Tron Divin; -

            hu qatt ma għaraf id-dnub

            u f’dawk iċ-ċikli kollha li għaddew

            żamm sħiħ il-ħajja pura tas-smewwiet,

u lilu ngħata li ħarstu jitfa’ ’l fuq

lejn wiċċ Alla setgħan

u xorob mill-Għajn ħajja ta’ bla tmiem

u lilu qeda b’ruħu kollha ġmiel

hawn hu jibda mill-ġdid.

 

ANĠLU

Mulej kemm inti kbir fil-għoli, il-fond

imma aktar fil-bnedmin!

Oh liema mħabba kollha ġmiel u rebħ

wasslet tikseb għalik il-qaddisin.

U ħadu l-post li inti kont ħejjejt

u tilfu l-anġli meta tkabbru sħiħ

            u mill-ġenna keċċejt..

 

Hu qiegħed fl-ewwel ġnien, jitkaxkar fl-art

            mimli bl-iskopijiet!

Dak illi fih il-ħażen sħiħ

biex jidħak bil-bnedmin.

U ħaddem moħħu kollu qerq bla ġieħ

biex lill-ewlenin bnedmin jirbaħ bil-kliem

            f’qoxortu biss sabiħ.

 

Kien dakinhar li mis-smewwiet lejn l-art

lil Ibni Jiena bgħatt!

Oh liema ġlieda twila u bla mistrieħ

issieltu biex it-Tajjeb jibqa’ sħiħ!

U fl-aħħar minn ġot-tajn fejn kien jinsab

ħarġu bi ħlas prezzjuż li b’demmu ġab.

 

Oh liema ħidma kollha qtigħ il-qalb

tinħadem rajt!

Qalb it-tifrik u qalb bosta beżgħat

il-ġrajja kiebja, frott il-fidwa rat

u qalb l-imwieġ li riedu b’ikel ‘l-art

id-dgħajsa fil-ħelsien tal-grazzja ankrat.

 

O bniedem, kif f’nofs triq bejn sema u art

tul jiemek int baħħart

kull meta ġrejt biex tiekol dak li xtaqt

jien ħlistek mill-velenu li maxtart

dgħjufitek kollha għelt kabbart bid-dnub

sa feġġ il-ħelsien sħiħ f’dawl il-Mislub.

 

Kif jistgħu s-setgħat minn tas-smewwiet

xi darba jifhmu sew

il-ħwejjeġ li ngħataw lill-wild Adam

li tappnu d-dawl u għammru qalb id-dlam?

Dak li għas-Serafin ma jagħmilx sens

F’idejn l-Anġlu sar il-fidwa tal-ġens.

 

RUĦ

Issa naf sew li ninsab barra mill-ġisem

u li lid-dinja warajja ħallejt;

li ma kienx hekk kif qatt stajt nisma’ sewwa

il-mużika ta’ Alla kollha ġmiel;

issa ninsab kuntent u kalm u hieni

il bogħod mis-semm tal-qerq u t-tentazzjoni

il-ġabra qed inħoss kull ħin timlieni.

 

ANĠLU

Lilu tifħir, li għall-kliem tiegħu biss

tal-aħħar jiġu l-ewwel, fuq quddiem

u l-imkabbrin jintefgħu lejn it-tmiem;

għax niżżel minn fuq tronu lis-setgħan

u lil Marija għolla Omm is-Sultan

u lil Luċifru tefgħu f’qiegħ l-abiss.

 

RUĦ

Jiena sa nkellmu, Sidi, O Mulej

u Anġlu li tħarisni  -  sliem issa

u għal li ġej!

 

ANĠLU

Sliem, ibni!

Int ibni u ħija! Sliem

fejn sejjer ħi?

 

RUĦ

Ma nixtieq xejn għajr ngħidlek ftit tal-kliem

biex ngħidu kelma int u jien flimkien

irrid nagħmillek xi mistoqsijiet

mhux b’kurżita’, ‘mma biex naqtgħu das-skiet

 

ANĠLU

Inti ma tista’ qatt tixtieq

ix-xewqa li għad trid tinbet mill-qiegħ.

 

RUĦ

Mela sa nlissen kliemi, kif emmint

li kif ir-ruħ ittemm fid-dinja l-vjaġġ

jewwilla ma taqax f’idejn is-Sid

u terġa’ għandu bħal tax-xemx ir-raġġ?

Għidli x’qiegħed iżommni O Mulej

milli nintelaq fik għaż-żmien li ġej?

 

 

ANĠLU

Hekk la taħsibx għax b’ħeffa bla tfissir

int riesaq lejn l-Imħallef, Sidek kbir

għax mank ir-ruħ ma tkun infirdet sħiħ

li terġa’ lejn għeruqha bla tnikkir.

Iż-żmien hawnhekk f’din l-art ’il fuq mill-art

ma jitkejjilx bis-sħana, il-ksieħ, il-kalma, il-bard.

La tippruvax il-ħin taqsam bil-kejl

jekk tifred hawn il-jum mid-dlam tal-lejl,

x’ħin tisma’ s-‘Subvenite’ tal-qassis;

it-talb ikun ġa sar bla tista’ tqis!

 

Għax bejn l-ispirti u l-art minn tal-bnedmin

bejn il-kejl t’hawn u ż-żmien tad-dinja, il-ħin,

hawn baħar jaqsam li ma jitfissirx

bi kliem il-bniedem żgur ma jintagħżilx.

Ix-xemx u l-qamar hawn ma jinstabux

u l-kwiekeb b’dawlhom lilna ma jdawlux

u l-istaġuni għorba f’dan l-idwar

u l-arloġġ tagħna ħinu għadda u mar.

Għalina mhux meħtieġ il-għadd tal-ħin

il-ħsieb il-kejl bla rbit ma’ ġrajja u snin;

it-tul hawnekk qasir u ċ-ċkejken kbir

u dak li għadda, għadu ġej, ħa jsir;

kulħadd iżomm għalih il-kejl u ż-żmien

u l-qies li għandna hawn, bla bidu u tmiem.

Is-sekli ma jgħaddux, lanqas jibdew

u ħsibijietna biss b’Alla jimtlew.

 

RUĦ

Għidli ja Anġlu, għidli

għalfejn minn Alla jiena ma nibżax

issa li dħalt f’dil-mixja tas-smewwiet?

Meta kont għadni fl-art kelli l-biżgħat

U meta flejt lil Kristu Kurċifiss

kont inħoss fija ħsus kollha twerwir

mis-setgħa tal-ġudizzju ’l hemm mis-snin.

Imma issa nħossni ħieles mill-biżgħat

lejn Sidi nħares b’hena u rpużat.

 

ANĠLU

Iva, int għalhekk seren issa u kuntent

għax darba bżajt, issa aktar ma tibżax,

għaliex tal-mewt il-qilla marret, tfiet,

u l-jum tar-ruħ qed jibda qalb is-skiet.

Dak li għad iseħħ għall-bnedmin kollha mbagħad

qed iseħħ issa għalik, hawn f’dan il-waqt;

int riesaq lejn it-Tron, u d-dawl sabiħ

qed jitfa’ r-raġġi tiegħu fuq ir-ruħ,

il-Ġenna bdiet, l-Imħallef qiegħed hawn

sa taħsad dak li żrajt f’tad-dinja r-rjieħ!

 

RUĦ

Imma bil-mod, bħal donnu qed inħoss

xi ftit tal-biża’. . .x’qed iseħħ malajr

li bħal qed jhedded ftit dal-ħelu rdoss!

 

ANĠLU

Issa wasalna f’salet l-imħallfin

minn fejn jinstemgħu il-karbiet kesħin

tax-xjaten indannati u mitlufin.

Dan hu r-reġjun tan-nofs, hawn ix-Xitan

jinsab ukoll, jitħalla jkun ħerqan

minn hawn tefa’ lejn l-Art fuq Ġobb miskin

il-provi kollha qilla u mxajtnin.

Dejjem imġewwaħ dan, dejjem qalil

irid isemma’ leħnu bit-tgħajjir.

 

RUĦ

Oh x’miġja ta’ nuqqas ta’ qbil u mrar!

 

DEMONJI

Ulied koroh

ta’ din l-art

kemm nixtiequ

kieku sirna bħal allat.

Qrib in-Nar kbir u divin

ma qgħadniex matul is-snin

u minn Alla, għax kburin

sfajna lkoll imkeċċijin.

 

Bogħod mill-glorja tat-tajbin

sibna rwieħna mehdijin

l-art nilagħqu kollha trab

u nitkawgħġu imdejqin.

 

ANĠLU

Qed jgħixu ħajja mingħajr kwiet u sliem

bħal annimali jfittxu jitmantnew,

iridu jieklu – dejjem imġewħin

ifittxu li jinħelsu mid-destin.

 

DEMONJI

Il-moħħ ħieles ;

nagħmlu kuljum

dak li irridu

jum wara jum.

Imsejkna, dgħajfa

il-qaddisin;

le mhumiex ħielsa

imma msallbin.

Haha! Haha!

Tafal maħdum

imsejken bniedem

dejjem jittallab

midneb jew niedem!

Haha!  Haha!

Jemmnu u jisimgħu

lill-qassisin

minn imeħirhom

immexxijin!

 

RUĦ

Kemm huma bla setgħa

u bosta mqarrqin

imma brikkuni

fost il-bnedmin!

 

ANĠLU

Hekk kif tinsab fil-waqt tal-prova

imxi bil-għaqal, iftaħ għajnejk

segħat il-ħażen ġew bnew l-għamara

qribek u ħdejk!

Kollox sabiħ jippruvaw juru

dawn l-imwaqqgħin

imma x’ħin jilmħu xi Anġlu safi

bosta jinfixlu bħal maħrubin;

eħles mid-dwiefer tal-indannati

kif l-irħieb ħelsu f’kamret it-talb

lejn Alla resqu, u lilU qiemu

l-Imħallef twajjeb, il-ferħ tal-qalb.

 

DEMONJI

Vizzji u Virtu’

kliem jolqot l-għajn

biża’ min-nar

bjuda flok tajn,

Ha ha! Ha ha!

Miskin il-bniedem

ifittex l-hena

jixtieq li jirbaħ

bi premju l-Ġenna!

 

RUĦ

Jien ma nixtieqx li x-xjaten nerġa’ nara

imma l-Imgħallem fuq it-Tron tas-Sema

jew li l-kliem tiegħu nisma’ lili jlissen

u jgħidlu biex nidħol f’tiegħu il-ġemgħa!

Kollox kien dlam sa ma ħallejt id-dinja

għidli daqsxejn fejn jien għax qed intiegħem

qed nisma’, qed inħoss u qiegħed nilmaħ

u ma nafx sew dal-post kif sa jiftiegħem.

 

ANĠLU

Issa xejn aktar m’int sa tħoss u tilmaħ

issa qed tgħix fid-dinja tas-sinjali

ruħek bla ġisem, ma teħtieġx xi sura

ma hemmx iżjed ilbieraħ, issa u dari.

Sa tħossok waħdek bħal mitluf u minsi

sa tħossok dawramejt bil-ħolm imdawwar

dal-ħolm mhux bħal tal-art li jiġi u jgħaddi

dan ħolm tassew li fis-sewwa huwa msawwar.

Sa tħossok qisek għadek tgħix fuq l-art

sa tħoss id-daqs, sa xxomm l-inwar tal-ħajja

sa tisma’ l-mużka u tagħżel waqt minn ieħor

sa tistħajjlek tassew qed tgħix xi ġrajja.

Imma’issa mhux sa tmidd passejn jew timxi

mhux sa titħarrek kif kont tagħmel darba

mhux iżjed tħoss l-uġigħ fl-idejn u r-riġel

mhux iktar tista’ tlissen diq jew karba.

Sa dak il-jum tal-ferħ li għad jitfaċċa

sa tibqa’ b’ġisem fil-moħħ biss jitlajja

sa jerġa’ l-jum tal-qawwa kollu glorja

sa jqumu l-mejtin kollha lkoll għall-ħajja.

Għalissa tilmaħ biss u fil-bogħod tara

dak illi l-qaddisin jilmħu quddiemhom

viżjoni kollha ġmiel f’sura ċelesti

li għad jikkontemplaw l-erwieħ fi żmienhom.

 

RUĦ

Ħa jsir dak li jrid HU,

ma jitħoqqlix li nerġa’ nara mdawwal

il-jum sabiħ; wisq inqas wiċċu mqaddes

Hu li Hu l-isess xemx. Issa fil-ħajja

li darba għext, stennejt li l-purgatorju

ikun il-post li fih nistenna b’ħerqa

id-dehra għal ftit tas-Sid biex troddli l-ħeġġa!

 

ANĠLU

La mgħaġġla u anqas vana x-xewqa tiegħek

Iva – għal waqt wieħed tilmaħ ’l Alla Sidek

quddiem it-Tribunal xortik tinqata’

biex fuq il-lemin tiegħu mal-magħżula

tintasab ruħek hienja u ppremjata.

Qalb dlam niggież sa tilmaħ din ix-xena

li tant sa tħobb u trid tidħol ġo fiha

imma mument; kun af ibni ħanini

dak li qed titlob, mela d-dehra hienja,

sa tferrħek koċċ, fil-waqt li b’qawwa tinfdek.

 

RUĦ

Dan kliemek iebes, Anġlu, u jbeżżgħani

u nibża’ wisq jekk sa jfettilli ngħaġġel.

 

ANĠLU

Kien hemm xi ħadd; li issa ‘l fuq jinsab

fil-glorja; hu, li meta l-mewt iżżuru ġiet

ingħata li jingħaqad mal-Mislub –

hekk li l-ġerħat tal-pjagi ħallew fih

il-marka tagħhom b’qawwa u żelu sħiħ.

Minn dik il-agunija li lir-ruħ u l-ġisem

ħaddnet waqt li fniet; itgħallem dan,

li l-fjamma kollha nar ma tintefiex

u bidla ġġib fejn tmiss, mil-lejl għan-nhar.

 

Issemma sew!

Dawn in-noti ħelwin jinstemgħu ċar

l-anġli qed ikantaw, tassew xi ħlew!

 

L-EWWEL KOR TAL-ANĠLI

Is-Sliem lil Alla l-Għoli, is-Sid

u f’qiegħ il-art, is-sliem,

kull ma jeżisti minnek ġej

ta’ kollox bidu u tmiem.

 

Lilna uliedu r-rebħa ġab

fis-seigħa tat-tiġrib

sabiex naqduh il-ħelsien radd

għax tiegħu riedna qrib.

 

Lil Ibnu ried is-sura jtih

bil-ġisem u bir-ruħ

u b’daru tah is-sema u l-art

biex bniedem iqisuh.

 

Lil Ibnu bierek, lilu bagħat

fid-dinja biex rebbieħ

joħroġ tassew fil-kamp tal-ġlied

u tagħna jsalva l-ġieħ.

 

ANĠLU

Qbiżn’issa d-daħla u ninsabu ġewwa

d-Dar tal-Ħaqq; u fil-waqt li fuq l-Art

l-imqades u l-palazzi fihom kollha l-partijiet

jiswew il-flus u b’ħafna qsim u ġid;

fid-dinja tal-ispirti xejn minn dan,

u flok il-art u s-saqaf u l-ħitan

u t-tiżjin għoli kollu ġmiel u rħam,

issib lill-qaddisin li jgħannu lkoll

innijiet ħelwa ta’ tifħir ħerqan.

 

IT-TIENI KOR TA’ ANĠLI

Is-Sliem lil Alla l-Għoli, is-Sid

u f’qiegħ il-art, is-sliem,

kull ma jeżisti minnek ġej

ta’ kollox bidu u tmiem.

 

Imsejken sewwa wild Adam

li daħal qalb il-ġlied

u tilef wirtu kollu ġmiel

is-saltna tas-smewwiet.

 

Fuq rasu s-sema irrabjat

madwaru r-ragħad qalil

jinstema’ jkarwat fil-maltemp

u l-beraq bla żegħil!

 

Mill-bidu nett missier il-qerq

lill-bniedem taħt idejh

mar jaħfen biex jurih it-triq

li tressqu dejjem lejh.

 

Kultant beżgħan, kultant mifxul

ifittex triq aħjar,

kultant rebbieħ, kultant tellief

ftit li xejn jara ċar.

 

Bil-mod il-mod iż-żmien għalliem

mexxieh lejn il-Mulej

u beda jagħraf jagħżel sew

it-tajjeb u l-aħjar.

 

B’qawwet in-Nifs qaddis, mexxej,

u b’fidi fis-smewwiet

il-bniedem fehem liem’hi id-dar

fejn jista’ jgħix fis-skiet.

 

Imbierek l-Isem tal-Mulej

li għażel ġens għalih

sabiex minn żmien għal żmien jagħtih

il-glorja u t-tifħir.

 

RUĦ

Dal-ħoss nistħajjel it-tvenvin tar-riħ

ir-riħ tas-sajf qalb is-siġar jistrieħ

nisimgħu bl-eku tiegħu qawwi u sħiħ.

Kultant fil-qrib, kultant fil-bogħod, sabi,

kultant tal-biża’ f’surtu, ma jgħajjiex

ir-riħa tiegħu trodd il-fwejjaħ sbieħ.

 

TIELET KOR TAL-ANĠLI

Is-Sliem lil Alla l-Għoli, is-Sid

u f’qiegħ il-art, is-sliem,

kull ma jeżisti minnek ġej

ta’ kollox bidu u tmiem.

 

L-Anġli fil-għoli tas-smewwiet

għaddew mill-prova, u sħaħ

instabu u baqgħu jgħammru loll

qrib Dak li ħadd għadu ma raH!

 

Għalihom m’hemmx għabex u diq

ix-xemx ma tinżel qatt

fis-saltna li b’dar ingħataw

ma jnikket xejn lil ħadd.

 

Għar-razza msejkna tal-bnedmin

it-tama feġġet sħiħ

iżernaq jum ta’ dawl u sliem

ta’ hena u ta’ mistrieħ.

 

O bniedem, liema xorti sibt

f’dan it-tieni twelid

il-ġieħ ta’ qabel lilek tradd

u li ngħatajt mill-ġdid.

 

‘mma sadattant bejn sema u art

għad hemm il-ġlied għaddej

bħal agunija doppja trid

lill-bniedem tqis b’qaddej.

 

Jitħallas għad irid id-dejn

għall-maħfra tad-dnubiet

intemmet issa l-mewt u ntfiet

in-nar isaffi tant ħtijiet.

 

Glorja lil Alla kullimkien

tas-Sewwa s-Sid, Sultan

Hu waħdu jeqred dell id-dnub

Id-Dawl ikeċċi d-dlam.

 

ANĠLU

Dwar l-agunija bdew issa jkantaw

li dwarha inti kont darba staqsejt

il-Wiċċ ta’ Alla-Bniedem inkarnat

sa jnissel karba u tħoss xi ftit tal-mejt.

Imbgħad x’ħin lilU tilmaħ u tarah

ħlewwet il-qalb jagħtik u dispjaċir

l-indiema li ssaffik tiswielek sħiħ

u ‘l ruħek tehnni w tagħmel ġid qatigħ.

Il-ħarsa tad-Divin sa tidħol fik

u tgħallmek it-triq ħelwa tat-twajbin

u issa li bla dnub tinsab tassew

tistenna it-tgħanniqa tad-Divin.

Bħal dwell qaddis tħoss jibda ġewwa fik

bejn li tixtieq tinħeba f’dak il-waqt

u bejn li trid li tibqa’ tgħammar hemm

għax ħarset Alla tkun għal ftit ħin sraqt

u dan jiswielek purgatorju sħiħ

sakemm mid-dwell toħroġ rebbieħ kif xtaqt.

 

RUĦ

Tinsab ruħi f’idejja u bla beżgħat

għax issa nħossni mdawwar b’dawl ħanin

bħal nisma friski jfuru l-ilmijiet

inħossni qed nintelaq f’dawl divin.

 

ANĠLU

Issa konna qbadna it-turġien

li jwasslu ġewwa s-Sala tal-Preżenza

quddiemna qatgħa anġli juru t-triq

u jgħannu ‘l Alla wieħed Trinita’.

 

ANĠLI TAT-TARAĠ QADDIS

Missier, illi tjubitek ħadd ma jaf

għajr dawk li wiċċ imbwiċċ tiegħek qegħdin;

bil-bniedem fqir inqdejt

biex turi f’dawl ħanin

il-grazzja kollha sliem

li biha l-bniedem midneb kont geżwirt.

 

Qed nilmaħ l-Anġlu li f’dell il-ġnejna lmaħt

Mulej, mgħejjun bil-bniedem waqt il-hemm

agonnizant minħabba l-Liġi u rajt

li ssielet u sa rebaħ hawnhekk bqajt.

Għax min jista’ t-tifħir mistħoqq jagħtih

jekk mhux min rah fil-ġlied joħroġ rebbieħ?

 

RUĦ

Iskot! Bil-mod qed jinfetħu il-bibien

tas-Sala tal-Preżenza bla dewmien!

 

RABA’ KOR TAL-ANĠLI

Is-Sliem lil Alla l-Għoli, is-Sid

u f’qiegħ il-art, is-sliem,

kull ma jeżisti minnek ġej

ta’ kollox bidu u tmiem.

 

Bir-rabja mtela l-għadu l-kbir

kontra Alla tas-smewwiet

għax lil Adam Hu qiegħed b’sid

ta’ ħlejjaq u artijiet.

 

Fuq xbieha tiegħu ħalqu u tah

lil Eva b’sieħba w omm

l-ulied li minnu kattru l-art

u kollox tah li jżomm.

 

U meta għal kelmet martu ħa

mis-siġra tal-għarfien

missier il-qerd qabeż ferħan

għax kiser l-ewwel sliem.

 

Imbagħad mis-sema Alla bagħat

lil Ibnu il-waħdien

biex jerfa’ l-bniedem minn ġot-tajn

u jeħles lill-ħolqien.

 

 

ANĠLU

Hekk kif fuq l-għatba riġlejna qegħdin

Nisimgħu l-anġli jgħannu ferħanin.

 

ĦAMES KOR TAL-ANĠLI

Is-Sliem lil Alla l-Għoli, is-Sid

u f’qiegħ il-art, is-sliem,

kull ma jeżisti minnek ġej

ta’ kollox bidu u tmiem.

 

 

O Mqaddes Għerf li fostna bgħatt

Adam ieħor u ġdid

fis-siegħa tal-battalja rbaħt

u rfist fuq serp imqit.

 

O Kbira Mħabba, b’liema ferħ

irbaħt fuq il-ħażin;

fejn falla Adam, irnexxejt Int

b’ġisem minn tal-bnedmin.

 

Sabiex aktar mill-grazzja ġġib

lill-art trodd il-ħelsien,

il-ġisem u id-demm ilbist

għalkemm tiżboq liż-żmien.

 

Imħabba kbira din tassew

li qerdet l-għadu x-xiħ

li b’għuda nqeda għall-ingann;

biex jerġa’ jieħu r-riħ.

 

U kif mill-għuda ġie t-telfien

u Adam tilef Ħabib

hekk bl-għuda wkoll il-fidwa ġiet

bid-dawl minn tas-Salib.

 

ANĠLU

Qed joqrob il-ħaqq tiegħek, hawn qegħdin

taħt ħarset l-Għoli u minnu mdellin.

 

RUĦ

Qed nisma’ l-vuċijiet li ħallejt fuq l-art.

 

ANĠLU

Qed nisma’ l-vuċijiet madwar is-sodda

imdawwar b’bosta ħbieb;

qed nisma’ l-Qassis jgħid is-‘Subvenite’

u l-Anġlu tal-Agunija wara l-bieb.

Dak l-istess Anġlu illi waqaf miegħu

u li l-kuraġġ u s-saħħa mar jagħtih

meta fuq għarkopptejh kien minsub waħdu

u d-demm u l-għaraq dlonk xaqqew għalih;

dan l-aħjar anġlu jista’ jitlob ħniena

għall-erwieħ kollha qrib il-mewt w għajjiena.

 

ANĠLU TAL-AGUNIJA

Ġesu’! f’ġieħ it-tbatija kbira li ġiet fuqek;

Ġesu’! f’ġieħ dik il-kesta tad-deni li fnietek

Ġesu’! f’ġieħ it-taħbit tal-qalb li qabdek;

Ġesu’! f’ġieħ kotret id-dnubiet li ġarrejt fuqek

Ġesu’! f’ġieħ dak it-toqol tal-ħtijiet li erfajt fuqek

Ġesu’! f’ġieħ l-innoċenza li ddawwar persuntek

Ġesu’! f’ġieħ il-qdusija li hija biss tiegħek

Ġesu’! f’ġieħ l-għaqda m’Alla l-Missier tiegħek

Ġesu’! salva l-erwieħ li huma għal qalbek

l-erwieħ li ġewwa l-ħabs kalmi u sereni

qed jistennewk fuq ix-xwiek

ħaffilhom l-aħħar siegħa – lejk iġbidhom

ħalli jiġu jgawduk, għax demmek swewk.

 

RUĦ

Ħa nidher quddiem Sidi. . . .

 

ANĠLU

Tifħir lil Ismu!

L-ispirtu tiegħi tar, u ħareġ sħiħ

u bl-enerġija jtir u post jsib

Fir-riġlejn minfudin tal-Emmanwel!

Ruħi ġriet tħaffef lejn Ġesu’ l-Mislub

li minnu xorbot saħħa, barka u ġmiel

u issa ntasbet f’dell Tron il-Maħbub.

 

RUĦ

Ħudni minn hawn; niżżillni fejn sa nkun

Ħallini hemm;

ħallini ħa nittama l-jum qaddes

ħa nbati ftit, kemm kemm!

F’dal-post inħaddan hieni t-tbatijiet

li naf li jispiċċaw

meta ż-żmien t’issa jgħaddi u jintemm

u wiċċ Alla naraw!

Għad jasal dak il-waqt li lilu rrid

għad jisbaħ jum rebbieħ

meta minn hawn nittella’ ‘l fuq, il fuq

jgħibu d-diqa u l-uġigħ.

 

ANĠLU

Ħalli issa jinfetħu l-bibien kbar

tal-Ġenna – kollha deheb – u nidħlu ġew

Anġli tal-Purgatorju ħudu r-ruħ

għax tat-tisfija s-snin marru u għaddew.

 

ERWIEĦ TAL-PURGATORJU

 

Mulej int kont għalina l-kenn

    minn nisel għal nisel.

Qabel ma twieldu l-muntaji

    qabel ma tnisslu l-art u d-dinja

    minn dejjem ta’ dejjem int O Alla!

Int treġġa’ l-bnedmin lejn it-trab

    u tgħidilhom ‘Erġgħu lura intom bnedmin!’

Elf sena huma għalik

bħal jum ta’ lbieraħ li għadda

Jew bħal sahra tal-lejl;

int taħsadhom u jsiru bħal ħolma.

Huma bħal ħaxix li jinbet fil-għodu;

fil-għodu jwarrad u jħaddar

fil-għaxija jidbiel  u jinxef.

Ninsabu mifnija bil-qilla tiegħek

            mibluha minħabba l-għadab tiegħek.

Inti ġibt quddiem għajnejk ħtijietna

            dnubietna l-moħbija fid-dawl ta’ wiċċek.

Dur lejna Mulej kemm se ddum?

            ħenn għall-qaddejja tiegħek.

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek

            biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.

Ferraħna daqskemm għakkistna

            għas-snin li fihom rajna l-ħsara.

Ħa jidher għamilek quddiem il-qaddejja tiegħek

            u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.

Ħa tkun fuqna l-grazzja t’Alla Sidna!

            wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna

            wettaq iva xogħol idejna.

Glorja lill-Missier u lill-Iben  u lill-Ispirtu s-Santu

            kif kien mill-bidu, issa u dejjem  u jibqa’ għal dejjem

                        Amen.

 

ANĠLU

Bl-akbar imħabba u ħlewwa nħaddnek miegħi

ja ruħ għażiża li bid-demm mifdija

ġejt tal-Imsallab, ejja tgħannaq miegħi

għaliex bid-demm prezzjuż int ġejt mixtrija.

 

U l-ġisem tiegħek ħalli wrajk ja spirtu

fl-ilmijiet jegħreq ta’ din il-għadira

ħallih ħa jinżel, ħallih ħa jitbiegħek

mingħajr ma tibki, jew tfittex tirtira.

 

L-Anġli li lilkom dan il-ġieħ ingħata

li tindukraw dir-ruħ bl-akbar qlubija

imsieħba mill-quddies u t-talb assidwu

sa lilha twasslu qrib Tron it-Tgawdija.

 

Is-sliem għalik! Addjo! ‘mma mhux għal dejjem

żomm sod fuq soddtok, qalb in-niket – stabar

għad jgħaddi wkoll, malajr, il-lejl tal-prova

għad niġi biex inqajmek minn ġol-qabar!