LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Ilma

Minn Dun Pawl Sciberras

L-ilma hu wisq għażiż għall-bnedmin. Hu għajn ta ħajja u saħħa. Fejn hemm l-ilma, hemm il-ħajja, fejn m’hemmx ilma, hemm biss “art niexfa, maħruqa” (Salm 63:2). Dan kienu jħossuh wisq aktar il-Lhud tal-Palestina ta’ żmien il-Bibbja; art ċkejkna b’deżert fuq naħa u bil-baħar fuq oħra. Għalhekk fil-Bibbja ma nsibux ħlief tifħir u apprezzament għall-ilma. L-ilma hu don ta’ Alla lill-bniedem, hu ħolqien tiegħu. Fir-rakkonti tal-ħolqien tingħata importanza kbira lill-ilma. L-ilma hu l-opra tat-tieni u t-tielet jum (Ġenesi 1:6-10). Alla hu Sid l-ilmijiet. Hu jaħżen l-ilma fl-“imħazen għolja” tiegħu (Salm 104:13). Minnhom jibgħat ix-xita meta jrid u kif irid (Ġob 5:10; 12:15). L-ibħra l-kbar u l-abissi hu jmexxihom (Salm 135:6; Prov 3:18-20). Is-Salm 104 b’tifħir lil Alla ħallieq jurih bi kliem sabiħ bħala Sid l-ibħra u l-ilmijiet; jurih jieħu ħsieb il-bniedem u l-ħlejjaq kollha tiegħu bid-don tax-xita li jibagħtilhom (versi 3-16).

L-ilma jingħata importanza kbira wkoll fis-sens simboliku tiegħu. L-ewwelnett hu simbolu ta’ Alla nnifsu. Kif Alla hu l-ħajja u l-awtur tal-ħajja, hekk hu mxebbah ukoll lill-ilma li jagħti l-ħajja. Alla hu “l-għajn tal-ilma ġieri”(Ġeremija 2:13). Il-bniedem li jittama fih hu “bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma” (Salm 1:1; Ġeremija 17:8). Mingħajr Alla l-bniedem hu “bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma” (Salm 63:2; 143:6; 42:2-3). L-ilma li Eżekjel ra ħiereġ mit-tempju u jixtered bħal xmara fid-deżert tal-Għaraba u jagħtih l-ħajja hu s-simbolu tal-qawwa ta’ Alla li jagħti l-ħajja (Eżekjel 47:12). Isaija jxebbah il-kelma ta’ Alla lix-xita li tagħti l-ħajja lill-art biex tnibbet il-frott għall-għixien tal-bniedem (Isaija 55:10-11). Hekk ukoll l-Ispirtu tal-Mulej hu mxebbah lill-ilma li jisqi l-art għatxana (Isaija 44:3-4; Għanja 8:11). Il-qawmien ta’ Iżrael wara l-eżilju tal-Babilonja hu mfisser bit-tixbieha sabiħa tal-ilma jgelgel fid-deżert, li jinbidel f’għejun ta’ ilma ġieri (Isaija 35:6-7; 41:17-20; 43:20; Eżekjel 34:26). Imbagħad ukoll l-ilma bħala simbolu tal-purifikazzjoni jew tat-tisfija mit-tbajja tad-dnub. Dan kienu jfissru l-ħafna kwalitajiet ta’ ħasil li kellhom jagħmlu l-Lhud skont il-liġi (Eżodu 29:4; Levitiku 16:4.24; eċċ).

Fit-Testment il-Ġdid ukoll l-ilma sab postu bħala simbolu ta’ realtajiet sopranaturali. L-ewwel ta’ Ġesù Kristu nnifsu. Ġesù hu “l-għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem” (Ġwanni 4:14). Hu l-blata li, bħal dik tad-deżert, minnha joħroġ l-ilma (1 Korintin 10:4; ara Eżodu 17:l-7). Hu “x-xmara tal-ilma tal-ħajja” f’Ġerusalemm il-ġdida (Apokalissi 22:1-17; 21:6). L-ilma li jagħti Ġesù lil dawk li jemmnu fih hu l-Ispirtu s-Santu (Ġwanni 7:37-39). Dan hu mfisser ukoll bl-ilma tal-magħmudija, is-sagrament tal-ilma u l-Ispirtu s-Santu (Ġwanni 3:5; Titu 3:5). L-ilma tal-magħmudija jnaddaf mhux fil-ġisem, iżda fir-ruħ, inaddaf mid-dnub bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu (1 Korintin 6:11; Efesin 5:26).