LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

    

Evanġelju

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-kelma ‘Evanġelju’ bil-Malti ġejja mil-Latin Evangelium, li tirriproduċi  l-kelma oriġinali Griega euangélion. B’din il-kelma aħna llum nifhmu sew il-messaġġ tat-tagħlim ta’ Ġesù Kristu lid-dinja (l-Evanġelju minn Ġesù) u sew il-kotba li jippreżentaw dan il-messaġġ (l-evanġelju dwar Ġesù). Ġeneralment b’din il-kelma aktar nifhmu l-kotba jew l-erba’ kotba tat-Testment il-Ġdid li jġibu dan  l-isem.

Din il-kelma nsibuha ħafna drabi fil-kotba tat-Testment il-Ġdid sew bħala nom (euangélion) u sew bħala l-verb imnissel minnha (euangelίzesthai, ‘tevanġelizza’). Bħala nom (euangélion) insibuha: ħames darbiet f’Mattew u tmien darbiet f’Marku. Ma tidħol qatt fl-evanġelju ta’ Luqa u ta’ Ġwanni; imbagħad darbtejn fl-Atti tal-Appostli u sittin darba fl-ittri ta’ Pawlu. Bħala verb (euangelίzesthai) tidħol darba f’Mattew u għaxar darbiet f’Luqa; 15-il darba fl-Atti, 22 darba fl-ittri ta’ Pawlu, tliet darbiet fl-1 Ittra ta’ Pietru u darba fl-Apokalissi. Din  l-istatistika turi li  l-kelma ‘Evanġelju’ kellha post prominenti fil-vokabularju tal-predikazzjoni apostolika tal-ewwel żmien, daqskemm kienet importanti  l-evanġelizzazzjoni bħala l-missjoni ewlenija tal-Knisja. Fit-tradizzjoni nisranija tal-ewwel żmien, jiġifieri, fiż-żmien tal-predikazzjoni apostolika l-kelma euangélion kienet tfisser sew il-messaġġ ta’ Ġesù kif xandru hu nnifsu fi żmienu, u sew fl-istess messaġġ kif fehmuh u xandruh l-Appostli f’ismu. Hu f’dan is-sens li San Pawl isemmi ħafna drabi “L-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu” jew, kif ġie li jsejjaħlu,  l-evanġelju “tiegħu” (Rumani 2:16; Galatin 1:7; Filippin 1:27; eċċ.).

Il-kelma euangélion kienet ilha teżisti fil-vokabularju Grieg ta’ dak iż-żmien. Biha kienu jifhmu l-aħbar it-tajba jew il-bxara t-tajba ta’ xi ġrajja li tferraħ, bħal dik tat-twelid ta’ xi prinċep jew tar-rebħa ta’ xi ġeneral fuq l-għedewwa. L-Appostli, u dawk li sa mill-bidu kienu magħhom fil-ministeru tal-kelma, sabuha tajba l-kelma euangélion biex biha juru x’ifisser Ġesù Kristu għad-dinja u x’inhu  l-messaġġ tiegħu għall-bnedmin. Hu aħbar tajba, aħbar ta’ ferħ. Hu  l-kelma li xxandar ir-rebħa vera u l-ħelsien tassew lill-bnedmin kollha. Dan hu l-veru Evanġelju. Kien hemm ħafna evanġelji jew aħbarijiet tajba li kienu jixxandru lill-bnedmin fid-dinja ta’ dak iż-żmien. Imma wieħed hu l-veru euangélion: id-dehra ta’ Ġesù Kristu fid-dinja u l-messaġġ tiegħu għas-salvazzjoni tal-poplu kollu. Hu s-Salvatur tassew. It-twelid tiegħu hu l-bxara t-tajba, aħbar ta’ ferħ kbir (Luqa 1:10-11).

Għalkemm il-kelma euangélion ittieħdet mill-Grieg profan, l-applikazzjoni tagħha bis-sens ġdid mogħti lilha mill-awturi tat-Testment il-Ġdid ġejja mit-tħabbiriet tal-profeti tat-Testment il-Qadim, l-aktar Isaija 40-66. F’din il-parti  l-profeta jħabbar il-ġejjieni sabiħ ta’ Sijon, meta  l-Mulej ifarraġ il-poplu tiegħu u jwasslu għas-salvazzjoni bil-ħelsien mill-eżilju (Isaija 40:9; 41:27; 52:7; 61:1). Din l-aħbar sabiħa tissejjaħ fit-test Lhudi besorà, “bxara”. Il-verzjoni Griega tas-Sebgħin (LXX) tittraduci din il-kelma Lhudija bil-kelma Griega euangélion. Mela, l-ewwel predikaturi tal-messaġġ ta’ Ġesù Kristu, kif ukoll il-kittieba tat-Testment il-Ġdid kellhom raġun jinqdew bil-kelma euangélion u bis-sens ġdid tagħha fuq  l-isfond tat-Testment il-Qadim, biex ixandru lin-nies ta’ żmienhom, Lhud u pagani, l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Qabel ma nkitbu l-evanġelji li għandna f’idejna kien hemm fil-komunitajiet insara l-Evanġelju orali mxandar bil-fomm tal-ministri tal-kelma (ara Luqa 1:2). L-insara tal-ewwel ġenerazzjoni ma kellhomx ‘evanġelji’, imma kellhom l-Evanġelju tal-predikazzjoni. Huma kienu jafu biżżejjed fuq dak li Ġesù kien “għamel u għallem” (Atti 1:1) f’ħajtu. Kien imbagħad minn dan l-Evanġelju orali li l-awturi sagri ħadu l-kontenut tal-evanġelji li kitbulna. L-Istruzzjoni dwar il-verita storika tal-Evanġelji, maħruġa mill-Kummissjoni Biblika Pontifiċja fil-21 ta’ April 1964, tgħidilna li l-evanġelji, fil-formazzjoni tagħhom, għaddew minn dawn it-tliet tarġiet: a) il-ministeru personali ta’ Ġesù f’ħajtu fil-Palestina; b) il-predikazzjoni tal-Appostli u l-fidi u l-ħajja tal-Knisja ta’ żmienhom; ċ) il-ħidma tal-awturi tal-evanġelji; dawn “minn dak kollu li rċevew għażlu... qassru... fissru dak li kien jaqbel mad-diversi kundizzjonijiet tal-fidi tal-fidili u mal-ħsieb tagħhom”. L-istess tagħmel il-Kostituzzjoni Dommatika dwar ir-Rivelazzjoni tal-Konċilju Vatikan II, Dei verbum, #19.

Minn dan il-prinċipju nagħrfu x’inhi l-forma letterarja tal-evanġelji: hi  l-forma storika-kerigmatika. L-evanġelji huma storiċi; fihom tassew ‘l-istorja’ ta’ “dak li Ġesù għamel u għallem” (Atti 1:1), “kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-kelma” (Luqa 1:2). Huma wkoll “kerigmatiċi”, jiġifieri, dokumenti tal-proklamazzjoni tal-Evanġelju jew tax-xandir tal-messaġġ ta’ Ġesù Kristu b’għażla ta’ kliem li bih għallem u ta’ fatti li bihom wera min hu, kif għarfuhom u fehmuhom l-Appostli u l-ewwel insara fid-dawl tal-fidi tagħhom fih. L-evanġelisti ma fehmux jiktbu storja sħiħa u eżatta ta’ Ġesù ta’ Nazaret, kif jiktbu l-istorjografi ta’ żmienna; iżda fehmu jxandru l-Bxara t-Tajba tiegħu lill-bnedmin bi kliem u b’eżempji tiegħu, kif kienu ilhom ifissruha u jxandruha l-Appostli u l-ministri tal-kelma fl-ewwel żmien tal-Knisja. L-evanġelji ħarġu minn ħdan il-Knisja jew mill-Evanġelju tagħha permezz tal-erba’ awturi li kitbuhom f’isimha. Għalina huma xhieda awtentiċi tal-fidi tal-insara tal-ewwel żmien.