LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Dinja

Minn Dun Pawl Sciberras.

 

1. Fil-Lhudi mhemmx kelma waħda li tfisser sewwa sew id-dinja tagħna. Il-kelma tébel (Ġer 51,15) nistgħu nittraduċuha bil-kelma “dinja”. Għal dan l-univers lIi naraw b’għajnejna l-espressjoni biblika hi “s-smewwwiet fejn jgħammar Alla, l-art (ʼérez) fejn jgħixu l-bnedmin (Is 66,1; 45,18). Imma dan mhuwiex il-kunċett ta’ din li aħna nsejħulha “dinja” u li ġej mill-kultura Griega tal-kósmos. Għall-Griegi l-kósmos hu ornament, dak li hu sħiħ, ordnat, perfett u sabiħ. Għal-Lhud tal-Bibbja d-dinja hi l-kumpless totali tal-elementi li jidhru u li jikkostitwixxu l-univers taħt il-kontroll tal-ħidma ta’ Alla. Kif id-“dinja” b’kull ma fiha kellha l-bidu tagħha bil-ħolqien ta’ Alla, hekk għadha u tibqa’ taħt il-ħidma tal-providenza tiegħu (Ġen 8, 22).

I1-kelma Griega kósmos fis-sens Grieg tagħha wkoll daħlet fil-kotba Griegi tat-Testment il-Qadim li dehru fl-aħħar żmien, bħall-Ktieb tal-Għerf (2, 24; 5,20; 6,24; 7,23; eċċ.) u t-Tieni Ktieb tal-Makkabin (3,12; 7,28; 12,15; eċċ). Imbagħad ukoll fil-kotba tat-Testment il-Ġdid.

 

2. Fit-Testment il-Ġdid kósmos hi din id-dinja materjali, maħluqa minn Alla (Ġw l ,10; Atti 17, 24); hi d-dinja tal-bnedmin (Mt 4,8; 26,13; Mk 16,15); għalhekk ġie li tfisser il-bnedmin li jgħammru fiha (Mt 5,14; l Kor 4,9). Minn dan is-sens joħroġ is-sens metaforiku u teoloġiku tad-dinja fil-kotba tat-Testment il-Ġdid, l-aktar fil-kitbiet ta’ Pawlu u ta’ Ġwanni.

Għal Pawlu hemm “l-ispirtu tad-dinja” u “l-Ispirtu ta’ Alla” (l Kor 2,12). L-ispirtu tad-dinja hu kontra l-lspirtu ta’ Alla, minħabba d-dnub li daħal fid-dinja (Rum 5,12). Imma Alla ħabbeb id-dinja miegħu permezz ta’ Ġesù Kristu (2 Kor 5,19), għax Ġesù Kristu ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin (l Tim l,15). ln-nisrani hu bniedem mejjet għad-dinja (l Kor 7,31; Gal 6,14), m’għandux ikun jixbaħ lid-dinja (Rum 12,2).

Fil-kitbiet ta’ San Ġwann id-dinja tieħu aspetti diversi. Ġie li tfisser din l-art materjali tagħna li fiha ngħixu aħna l-bnedmin; ġie li tfisser il-bnedmin li jgħixu fiha, u ġie li hi l-ħażen tad-dinja jew il-forzi tal-ħażen li hemm fiha. Il-kelma “dinja” għandna nifhmuha fid-dawl tal-kuntest li tkun fih.

Hekk fl-ewwel sens meta jingħad li Ġesù ġie fid-dinja jew li Alla bagħat ʼl Ibnu fid-dinja (Ġw 3,17; 9,39; 1 Ġw 4,9; eċċ.). Fejn jingħad li Alla ħabb lid-dinja jew li l-Iben ġie fid-dinja biex isalva d-dinja (Ġw 3,16-17), biex jaħfer id-dnub tad-dinja u jagħti l-ħajja lid-dinja (Ġw 1,29; 6,31; 1 Ġw 2,2), għandna nifhmu l-bnedmin li jgħixu fid-dinja.

 

3. Imma Ġwanni jħares l-aktar lejn id-dinja fl-aspett ikraħ tagħha tad-dnub u l-ħażen. Hi d-dinja li ma għarfitx ʼl Alla u li ma laqgħetx ʼl lbnu Ġesù Kristu li hu bagħat fiha (Ġw l,10; 17,25); lid-dinja li tobgħod lil Ġesù (Ġw 7,7; 15,18), immexxija mill-kap ħażin tagħha, li ma għandu l-ebda setgħa fuqu (Ġw16,11; 14,30). Ġesù ma jitlobx għal din id-dinja l-ħażina (Ġw 14,22), sakemm hi ma tridx tagħrfu. Id-dixxipli tiegħu ma jistgħux ikunu ta’ din id-dinja u lanqas iħobbuha (Ġw 15,19; 1 Ġw 2,15). Din hi d-dinja li tobgħod lil Ġesù Kristu u li hi kontrih. Iżda hu rebaħha bl-imħabba (Ġw 16,33); hekk ukoll id-dixxipli tiegħu jirbħuha bil-fidi tagħhom fih (l Ġw 5,4-5).

Id-dixxipli ta’ Ġesù huma fid-dinja, iżda mhumiex tad-dinja bħalma hu mhuwiex tad-dinja (Ġw 17,15-16). Jgħixu fid-dinja, iżda m’għandhomx ikunu bħall-bnedmin tad-dinja li ma jagħrfux ʼl Alla u lil Ibnu Ġesù Kristu (Ġw 17,25).