LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Taqsim il-ħin u s-sahriet. Minn Dun Pawl Sciberras

Dwar il-ħinijiet qabel il-Rumani ma nsibux dettalji oħra ħlief li l-lejl kien jitqassam aktarx fi tliet sahriet, li ma nafux x’ħin kienu jibdew u jispiċċaw.

F’Eżodu 14:24 naqraw li fis-sahra ta’ filgħodu l-Mulej ħarbat l-Eġizzjani li marru jilħqu lil ulied Iżrael wara li ħarġu mill-Eġittu. F’Imħallfin 7:19 naqraw li Gidgħňn u l-irgiel li kellu miegħu waslu sa tarf il-kamp tal-Midjanin bil-lejl fil-bidu tas-sahra tan-nofs. F’1 Samwel 11:9-11 naqraw li Sawl bil-lejl bagħat jgħid lin-nies ta’ Ġábes-­Gilgħŕd li malli tisħon ix-xemx ikollhom is-salvazzjoni; imbagħad hu u l-poplu li kellu miegħu daħlu f’nofs il-kamp ta’ Naħas l-Għammoni fis-sahra ta’ filgħodu. Is-Salmista jgħid li għal Alla elf sena huma bħal sahra tal-lejl (Salm 90:4). F’Lamentazzjonijiet 2:19 l-awtur jistieden lil Ġerusalemm biex tqum bil-lejl u tgħajjat x’ħin is-sahriet ikunu se jibdew. U l-Mulej iridna nishru biex, jekk Sidna jiġi fil-ħin tat-tieni sahra jew tat-tielet, isibna xorta waħda fuq dmirna (Lq 12:37-38).

Ir-Rumani kienu jqassmu l-ġurnata f’erba’ għases li flimkien kienu jagħmlu tnax-il siegħa, mis-6.00 a.m. sas-6.00 p.m.: l-ewwel siegħa kienet is-6.00 a.m., it-­tielet siegħa kienet id-9.00 a.m., is-sitt siegħa nofs in-nhar, u d-disa’ siegħa t-3.00 p.m. Fl-Evanġelju naqraw li, meta sallbu lil Ġesů, mis-sitt siegħa ʼ1 quddiem waqgħet dalma kbira sad-disa’ siegħa (Mt 27:45; Mk 15:33; Lq 23:44). U fl-Atti tal-Appostli fost eżempji oħra naqraw li Pietru u Ġwanni kienu telgħin lejn it-­tempju għat-talb tad-disa’ siegħa (Atti 3:1). Dan it-tqassim baqa’ użat fil-Knisja sa żmien il-Konċilju Vatikan II: l-Uffiċċju Divin, qabel it-tiġdid tiegħu, kien fih talba Ad Primam (6.00 a.m.), Ad Tertiam (9.00 a.m.), Ad Sextam (f’nofs in-nhar), u Ad Nonam (3.00 p.m.).

 

Il-jum jew in-nhar, mis-6 ta’ filgħodu sas-6 ta’ filgħaxija:

l-ewwel siegħa = mis-6.00 sad-9.00 ta’ filgħodu;

it-tielet siegħa = mid-9.00 sa nofsinhar;

is-sitt siegħa = minn nofsinhar sat-3.00;

id-disa’ siegħa = mit-3.00 sas-6.00 ta’ filgħaxija.

 

Il-lejl ukoll kien imqasssam f’erba’ taqsimiet imsejħin “sahriet”:

l-ewwel sahra = mis-6.00 sad-9.00 ta’ filgħaxija;

it-tieni sahra = mid-9.00 sa nofsillejl;

it-tielet sahra = minn nofsillejl sat-3.00;

ir-raba’ sahra = mit-3.00 sas-6.00 ta’ filgħodu.