LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Kliem Bibliku teoloġiku bil-Grieg

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Agápe

Kelma Griega għal “imħabba”. Din hi 1-kelma li biha l-aktar li nqdew l-awturi tat-Testment il-Ġdid biex ifissru l-ministeru tal-imħabba ta’ Ġesů Kristu u t-tagħlim tal-Evanġelju tal-imħabba.

Fil-Grieg hemm tliet kelmiet li jfissru l-kelma tagħna “imħabba”:

Éros - imħabba erotika u sesswali; din il-kelma ma tidħolx fit-Testment il-Ġdid;

Filίa - imħabba naturali bħall-ħbiberija; insibuha darba biss (Ġak 4:4); imma l-verb filein insibuh ħafna drabi fis-sens tal-imħabba fost il-membri tal-familja (Mt 10:37) jew tal-ħbieb bejniethom (Ġw 15:19); imma wkoll għall-imħabba ta’ Alla l-Missier lejn Ibnu Ġesů (Ġw 5:20) jew lejn id-dixxipli ta’ Ibnu Ġesů Kristu (Ġw 16:27), għax hu jħobbhom bl-imħabba ta’ missier lejn uliedu; Ġesů wkoll iħobb (fίlei) id-dixxipli tiegħu bħal ħbiebu, u huma wkoll iħobbu lilu bl-imħabba ta’ bejn il-ħbieb (Ġw 11:3.36; 16:27; 21:15-17). Din hi l-filadelfίa, l-imħabba tal-aħwa, l-imħabba bejn il-membri tal-istess familja; għalhekk hi l-imħabba tal-ulied ta’ Alla li huma lkoll aħwa f’Missier wieħed (Rum 12:10; 1 Tess 4:9; 1 Pt 1:22; 2 Pt 1:7).

Imma l-kelma li biha jinqdew l-awturi tat-Testment il-Ġdid biex ifissru l-imħabba nisranija rrivelata minn Ġesů Kristu hi agápe, u l-verb li minnu ġejja agapan. Alla nnifsu hu agápe, hu imħabba (1 Ġw 4:8); hu “Alla tal-imħabba” (2 Kor 13:11). Agápe hi l-imħabba ta’ Alla lejn Ibnu Ġesů Kristu (Ġw 15:10) u lejna l-bnedmin (Rum 5:5.8); l-imħabba ta’ Kristu lejna (Rum 8:35; 2 Kor 5:14); l-imħabba tagħna lejn Alla (1 Ġw 2:5; 3:17) u lejn xulxin bħala nsara (Rum 13:10; 1 Kor 16:14).

Id-differenza bejn agápe u filίa           mhijiex dejjem ċara fit-testi bibliċi. L-użu aktar abbundanti ta’ agápe jagħtina x’nifhmu li għall-awturi tat-Testment il-Ġdid din il-kelma kienet aktar f’lokha biex tfisser l-imħabba nisranija skont l-ispirtu ta’ Ġesů. Biha fehmu jfissru b’qawwa akbar il-karattru reliġjuż tal-imħabba. L-awturi tat-­tradizzjoni Griega tat-Testment il-Qadim (LXX) għażlu l-kelma agápe biex ittraduċew il-kelma Lhudija aħabŕh; rarament il-kelma filίa. Jista’ jkun li l-awturi tat-Testment il-Ġdid fuq l-eżempju tagħhom raw il-karattru aktar sagru fil-kelma agápe.

Filίa hi aktar l-imħabba naturali tal-ħbieb jew tal-membri tal-familja. Agápe taqbeż dan iċ-ċirku u tilħaq lill-bnedmin kollha, ħbieb u għedewwa, qraba u mhumiex. Ma tħobbx biss lil min iħobbha, imma wkoll lil min ma jħobbhiex. Din hi l-imħabba fuq l-eżempju ta’ Ġesů Kristu u ta’ Alla l-Missier, li hu agápe (Mt 5:44-48; 1 Ġw 4:16).

 

Apokalissi

Mill-kelma Griega apokalίpsis, li tfisser “rivelazzjoni”. Hi forma ta’ letteratura li biha l-awturi kienu jħabbru l-ġejjieni bi xbihat oskuri, simboliċi u mistura. Numri, kuluri, bhejjem, figuri, anġli u xjaten, dehriet tas-sema... kollha elementi tal­-letteratura apokalittika.

Dan it-tip ta’ letteratura beda jidher fost il-Lhud xi 200 sena QK u baqa’ sejjer fost il-Lhud u mbagħad ukoll fost l-insara sa 200 sena WK, l-aktar fi żmien ta’ persekuzzjonijiet ħorox minn għedewwa qliel. L-awturi kitbu biex jagħmlu l-qalb lill-ippersegwitati. Kienu jħabbrulhom it-telfa tal-għedewwa tagħhom u r-rebħa tal-aħħar tagħhom. Dan il-messagg ta’ kuraġġ kien iwassluhulhom bil-figuri ta’ bhejjem tal-biża’, b’dehriet sbieħ u b’numri u kuluri simboliċi. Kienu jiktbu hekk biex ma jsemmux il-persekuturi b’isimhom u hekk iħarrxuhom aktar. Dan l-istil tqil u oskur ma kinux jifhmuh l-għedewwa. Imma dawk li lilhom l-awturi kienu jiktbu, sew il-Lhud u sew l-insara, kienu jifhmu sewwa x’riedu jgħidulhom, għax kienu qegħdin jgħixu fiċ-ċirkustanzi ta’ taħt il-madmad iebes tal-persekuturi. Hekk aħna wkoll illum biex nifhmu l-kotba tal-forma apokalittika rridu nkunu nafu sewwa ċ-ċirkustanzi storiċi li fihom u minħabba fihom inkitbu. Malajr nifhmuhom meta jirnexxielna nqegħduhom fuq l-isfond tagħhom.

Fost il-kotba tal-Bibbja għandna wkoll minn dawk tal-forma apokalittika. Fit-Testment il-Qadim: Iż 13:9-18; 24–27; Eżek 38–39; Sof 1:14-18; Ġol 2:1-11; 4:1-21; Żakkarija, kważi kollu; u l-aktar Danjel, kważi kollu apokalittiku wkoll.

Fit-Testment il-Ġdid il-ktieb li hu kollu kemm hu apokalittiku hu dak li bir-raġun hu magħruf b’dan l-isem: il-Ktieb tal-Apokalissi. Imbagħad barra mill-kotba ispirati, għandna ħafna tal-forma letterarja apokalittika, fost dawk li nsejħulhom apokrifi, bħall­-Ktieb ta’ Enok, it-Testment tat-Tnax-il Patrijarka, l-Assunzjoni ta’ Mosč, fost oħrajn.

 

Diakonίa

Kelma Griega li tfisser qadi, servizz, kull xorta ta’ għajnuna lill-oħrajn. Mill-verb diakonein, qeda jew serva. Għalhekk dawk li jagħmlu din il-ħniena fil-Knisja jissejħu “djakni”, “ministri” (2 Kor 6:4; 11:23; Fil 1:1; 1 Tim 3:8).

Fit-Testment il-Ġdid jissemmew diversi ħidmiet jew ministeri fid-djakonija. Il-ministeru tal-­kelma (Atti 6:4; 2 Kor 9:12); il-ministeru fl-imwejjed (Lq 6:4; ara Lq 10:40); il-­ministeru fit-tmexxija tal-Knisja (Atti 1:17.25; 20:24; Rum 11:13; 2 Kor 4:1; 6:3); kull xorta ta’ don jew karitŕ li Alla jagħti lill-membri tal-Knisja għas-servizz ta’ ħuthom (Rum 12:7; 1 Kor 12:5; Ef 4:12).

 

Didakč

Mill-verb Grieg didáskein, “għallem”. Id-didakč hi t-tagħlim nisrani, id-duttrina. “It-tagħlim tal-Appostli” (Atti 2:42; Rum 16:17). B’differenza mill-kérigma, li tfisser it-tagħlim elementari jew tal-ewwel elementi tal-messaġġ nisrani, id-didakč turi l-iżvilupp ta’ dan it-tagħlim. Il-kérigma tqiegħed, biex ngħidu hekk, il-pedament tat-tagħlim, waqt li d-didakč tibni fuqu u tkomplih. Eżempju tat-tnejn insibuh fl-­Atti 2:41-42: Dawk li laqgħu kliem Pietru, il-kérigma, tgħammdu u kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-appostli: didakč tōn apostόlōn. L-ewwel tagħlim, it-tagħlim elementari tar-religjon nisranija, mhuwiex biżżejjed; jinħtieġ inkomplu nibnu fuqu u nikbru fih bit-tagħlim tad-duttrina (didakč) li ma jieqaf qatt.

 

Diáspora

Din hi l-kelma teknika li biha nifhmu nfissru dawk il-komunitajiet jew gruppi tal-Lhud li kienu jgħixu barra mill-Palestina mill-aħħar seklu QK sal-ewwel seklu WK. Kien hemm diversi komunitajiet ta’ Lhud imxerrdin f’artijiet u fi bliet tal- imperu Ruman ta’ dak iż-żmien. Waħda minnhom, li kienet kbira ħafna, kienet dik tal-Babilonja mnissla mil-Lhud li kienu ttieħdu fl-eżilju f’din il-belt fis-sekli 7-8 QK. Imbagħad dik ta’ Lixandra, li minnha ħarġet l-ewwel traduzzjoni tal-Bibbja bil-Grieg, il-verżjoni tas-Settwaġinta jew tas-Sebgħin (LXX).

Mit-Testment il-Ġdid nafu li f’dak iż-żmien kien hemm Lhud imxerrdin f’ħafna artijiet oħra barra l-Palestina. “Partin, Medin, Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm Proséliti, oħrajn minn Kreta u Għarab...” (Atti 2:9-11).

Din hi xhieda li f’dawn l-artijiet u l-ibliet imsemmija kien hemm il-Lhud jgħixu; kienu marru Ġerusalemm għall-festa ta’ Għid il-Ħamsin, kif kienu jagħmlu l-Lhud tad-diáspora għall-okkażjoni tal-festi l-kbar tal-Lhud. Mal-Lhud tad-diáspora kien hemm ukoll xi proséliti; dawn kienu pagani li kienu ħaddnu r-reliġjon tal-Lhud (ara Ġw 7:35; 12:20).

L-awturi tal-Ittra ta’ Ġakbu (Ġak 1:1) u tal-Ewwel Ittra ta’ Pietru (1 Pt 1:1) jużaw il-kelma diáspora b’applikazzjoni għall-insara mxerrda mad-dinja jew għall­knejjes lokali mxerrdin fl-ibliet ta’ żmienhom.

 

Kérigma

Xandira, proklamazzjoni, predikazzjoni. B’din il-kelma Griega nifhmu 1- messaġġ ewlieni tal-predikazzjoni primittiva jew tax-xandir tal-Evanġelu fil-­bidu tal-Knisja ta’ żmien l-Appostli. Kien jikkonsisti fix-xandir tal-elementi ewlenin tal-fidi f’Ġesů Kristu: li hu l-Messija (Atti 2:36; 8:5; 9:22), li hu 1-Mulej (Atti 2:36; 2 Kor 4:5), li bata u miet u li qam mill-imwiet (1 Kor 1:23; 15:3), eċċ.

Il-kelma kérigma ġejja mill-verb kērússein, “xandar, ħabbar”; għalhekk twassal il-Bxara t-Tajba, ixxandar l-Evanġelju. Dak li jxandarha hu l-kēruks, il-ħabbar, il-­messaġġier, bħal dak li kien iwassal lill-poplu l-ordni tas-sultan jew xi aħbar ġdida oħra (ara 1 Tim 2:7; 2 Tim 1:11).

 

Lόgos

Il-kelma bil-Grieg li tfisser “kelma” u li tittraduċi 1-kelma Lhudija dabŕr. Minn barra s-sens ordinarju u komuni tagħha fl-ilsna kollha tal-bnedmin u wkoll is-sens teologiku tagħha fil-Bibbja bħala “l-kelma tal-Mulej”, sew imwassla bil-fornm tal­-profeti u sew miktuba fil-Kotba Mqaddsa, il-kelma lόgos għandha valur kbir fil-­kitbiet ta’ San Ġwann b’riferenza għal Ġesů Kristu.

L-awtur tar-raba’ Evanġelju jippreżenta mill-ewwel vers lil Ġesů bħala l-Lόgos (ħo lόgos, “il-Kelma, il-Verb”). Fil-kitba tal-filosofi Griegi, bħal Platun, u wkoll tal-­kittieb Lhudi Filun ta’ Lixandra, il-kelma Lόgos tfisser dak kollu li hu tajjeb, sabiħ, armonjuż u perfett. San Ġwann ma setax isib kelma aħjar minn din biex juri li Ġesů hu l-ewwel u l-aqwa fost il-bnedmin kollha, hu fuq kollox u fuq kulħadd. Għax “fil-bidu kien il-Lόgos, u l-Lόgos kien ma’ Alla, u l-Lόgos kien Alla” (Ġw 1:1). Imma “l-Lόgos sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1:14). Dan hu Ġesů! Hu Alla veru u bniedem veru; bħala bniedem hu l-espressjoni ħajja ta’ Alla, għax hu l-Kelma ta’ Alla.

L-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann tiftaħ ukoll bil-preżentazzjoni ta’ Ġesů bħala l- Lόgos, “il-Kelma tal-ħajja” (1 Ġw 1:1). Imbagħad ukoll l-awtur tal-Apokalissi jsejjaħ lil Ġesů “il-verb ta’ Alla” (Apok 19:13).

 

Parousίa

Kelma Griega li tfisser “preżenza”; għalhekk “migja, żjara” jew “wasla” ta’ xi ħadd biex ikun preżenti ma’ oħrajn. Fl-ittri ta’ Pawlu l-kelma parousίa tingħad għaż-żjajjar tiegħu jew ta’ xi dixxipli tiegħu lill-komunitajiet insara (1 Kor 16:17; 2 Kor 7:6; 10:10; Fil 1:26; 2:12); darba tingħad għall-wasla tal-antikrist (2 Tess 2:9). Imma ġeneralment tingħad b’referenza għat-tieni miġja ta’ Ġesů Kristu (Mt 24:3.27.37.39; 1 Tess 3:19; 2 Tess 2:1.8; eċċ).

B’din il-kelma Pawlu u l-insara ta’ żmienu kienu jifhmu u jfissru t-tieni miġja ta’ Ġesů bħala l-imħallef tad-dinja. Għall-ewwel kienu jaħsbu li din il-migja kienet fil-qrib, li kienet se sseħħ fi żmienhom (1 Tess 4:15; Rum 13:11). Imbagħad bdew jifhmu li ma kinitx hekk fil-qrib kif kienu jaħsbu huma. San Pawl kellu jwissihom fuq dan (2 Tess 2:1-2). Hu stess aktar tard f’ħajtu beda jaħsibha mod ieħor (Fil 1:23).

Hekk ukoll mill-kliem tal-Ittra ta’ Ġakbu (Ġak 5:7.8) u tat-Tieni Ittra ta’ Pietru (2 Pt 3:4.8-15). Madankollu l-insara tal-ewwel żmien kienu jixtiequ b’ħerqa kbira li l-Mulej Ġesů jerġa’ jiġi fil-glorja tiegħu, kif kien wiegħed. Dan kienu jixtiquh daqskemm kemm kienu jixtiequ jaraw f’ħajjithom stess ir-rebħa tiegħu fuq il-ħażen ta’ żmienhom. Kien bil-qawwa ta’ din ix-xewqa li b’ħeġġa kbira kienu jitolbuh li jfittex jiġi: “Marana-tŕ! Ejja, Mulej tagħna!" (1 Kor 16:22). “Ejja, Mulej Ġesů!” (Apok 21:20).

 

Plérōma

“Milja”. Dak li jimla, li jkompli dak li jonqos, li jtemm jew iwassal għat­-tmiem. Mill-verb Grieg, plēroun, “huwa mela, kompla, wassal għat-tmiem” (ara Mt 13:48; Lq 2:6; Ġw 16:6; Atti 7:23).

Fit-Testment il-Ġdid, il-kelma plérōma tingħad:

i. għal Ġesů Kristu: “fih hemm tgħammar il-milja (plérōma) sħiħa tad-divinitŕ fil-ġisem” (Kol 2:9; 1:16). “Mill-milja tiegħu aħna lkoll ħadna” (Ġw 1,16).

ii. għall-Knisja: “il-milja ta’ Kristu” (Ef 1:23), għax bil-membri tagħha tkompli jew tagħmel sħiħ il-Ġisem li tiegħu Kristu hu r-Ras; jew – jista’ jkun ukoll - għax hi mimlija bil-milja ta’ Kristu.

iii. għall-imħabba: “hi l-milja tal-liġi” (Rum 13:10). Fl-imħabba l-liġi ta’ Alla ssib il-perfezzjoni tagħha.

iv. għaż-żmien: “il-milja taż-żminijiet” (Gal 4:4; Ef 1:10). Iż-żmien stabbilit minn Alla kellu bħallikieku jimtela ftit, bħal reċipjent li jimtela bl-ilma, sa ma jasal il-waqt li jagħlaq iż-żmien u jseħħ dak li jrid Alla.