LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Festi ta’ Pellegrinaġġ Bibliċi u Jiem ta’ Festa Maġġuri f’Iżrael tal-Qedem

Tliet Festi ta’ Pellegrinaġġ fil-Bibbja

Minn Dun Paul Sciberras

 

Oriġini fil-Bibbja Lhudija:

Tliet pellegrinaġġi relatati mal-agrikoltura huma msemmija f’Eżodu 23:14-17: il-festa tal-Ħobż Ażżmu (Ħobż bla ħmira), festa ta’ sebat ijiem fir-rebbiegħa, qrib il-Ħsad tax-Xgħir; il-festa tal-Ħsad tal-bidu tas-Sajf, meta l-qamħ jimmatura; u l-festa tal-Ħsad tal-Ħarifa, meta ż-żebbuġ, l-għeneb u frott ieħor jinħasdu (ara Eż 34:18-23).

 

Il-ktieb tal-Levitiku jagħti regolamenti għal ġranet ta’ festa li għandhom jiġu ċċelebrati “b’laqgħa qaddisa,” inkluż is-Sibt ta’ kull ġimgħa (Lev 23:1-4) u seba’ festi annwali: il-Għid (jew aħjar il-Mogħdija) (sebat ijiem, inkluż ħobż bla ħmira), l-Ewwel Frott, Pentekoste jew tal-Ġimgħat, is-Sena l-Ġdida, il-Jum tat-Tpattija, l-ewwel jum tal-Għerejjex, u t-tmien jum tal-Għerejjex (Lev 23:5-44)

 

Dawn il-festi aktar tard ġew trasformati u mgħaqqda ma’ tifkiriet ta’ ġrajjiet storiċi/reliġjużi; oriġinarjament in-nies setgħu jġibu l-offerti tagħhom f’xi santwarju maġġuri, iżda aktar tard kien jeħtiġilhom imorru fit-tempju ta’ Ġerusalemm, l-aktar għat-tliet festi ewlenin ta’ pellegrinaġġ (ara Dewt 16:1-17).

 

Il-Festa tal-Mogħdija jew l-Għid (Pésaħ) u tal-Ħobż bla Ħmira (Mazzòt):
Il-festa tal-ħsad tax-xgħir ġiet mibdula biex tinkludi t-tifkira tal-Eżodu oriġinali, meta l-Lhud ħarġu mill-Eġittu, qrib is-sena 1300 QK.
L-Għid (jew il-festa tal-Mogħdija) kien oriġinarjament iċċelebrat fid-dar ta’ kull familja; ħaruf bla tebgħa minn ta’ dik is-sena stess kien jiġi maqtul u jittiekel, u demmu imraxxax fuq il-koxox tal-bibien b’fergħa tal-pjanta tal-issopu (Eż 12:1-13.21-28.43-49; ara Ġw 19:29).
Il-ħaruf kien jinqatel wara nofsinhar tal-14-il jum tax-xahar ta’ Nisàn/Abìb (imsejjaħ il-“Jum tat-Tħejjija”), u l-ikla tal-Għid kienet tittiekel eżatt wara nżul ix-xemx (il-bidu tal-15-il jum, fil-kalendarju Lhudi).
Il-festa ta’ sebat ijiem tal-Ħobż Ażżmu (bla ħmira) hija marbuta wkoll mal-Eżodu, meta l-Lhud lanqas biss kellhom il-ħin iħallu l-ħobż jitla’ hekk kif kienu ħerġin mill-Eġittu (Eż 12:14-20; 13:3-10).
Iż-żewġ festi flimkien saru festa kbira waħda ta’ pellegrinaġġ, bin-nies imorru fit-tempju ta’ Ġerusalemm biex joffru l-ħaruf tas-sagrifiċċju (Lev 23:4-14; Num 9:2-5; 28:16-25; Dt 16:1-8).
Fil-Ġudaiżmu modern, il-Ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet jinqara kollu fis-servizzi tas-sinagogi waqt il-Festa tal-Għid.
 
Il-Festa tal-Ġimgħat (Pentekoste jew Xavuòt [= Ġimgħat]):
Il-festa oriġinali u iktar antika tal-“Ħsad tal-Qamħ” iktar tard bdiet issir 7 ġimgħat (= ħamsin jum) wara l-festa tal-Għid (Lev 23:15-21; Num 28:26; Dt 16:9-12; 34:22).
Aktar tard saret ukoll it-tifkira tal-għoti tat-Torà (Il-Liġi ta’ Mosè) fuq il-Muntanja Sinaj (Eż 19-20). Minn “Xavuòt”, saret “Xevuòt”, il-festa tal-ħalfiet jew tal-pattijiet (ta’ Alla mal-Poplu ta’ Iżrael bl-għoti tal-Liġi).
Fit-Testment il-Ġdid hija msejħa “Pentekoste” billi tinżamm “50 jum” wara l-Għid (ara Atti 2:1; 20:16; 1 Kor 16: 8).
Fil-Ġudaiżmu modern, il-Ktieb ta’ Rut jinqara fis-servizzi tas-sinagoga waqt il-Festa ta’ Xavuòt.
 
• Festa tal-Għerejjex (Tabernakli jew Sukkòt):
Il-festa antika tal-Ħsad jew tal-Ġbir tal-Frott saret it-tifkira tal-erbgħin sena li l-Lhud kienu jiġġerrew fid-deżert, jgħixu f’għamajjar temporanji bħal tined jew għerejjex (Lev 23:33-36.39-43; Dt 16:13-15).
Fil-perjodu tat-Tieni Tempju, saret festa ta’ tmint ijiem bl-użu tax-xbihat tal-ilma u tad-dawl fl-aqwa tagħhom; l-ilma kien jinġieb kuljum mill-Ġiebja ta’ Silwam (ara Ġw 9:1) sat-Tempju u jitferra fuq l-artal; id-dawl kien ipprovdut minn lampi kbar li kienu jinxtegħlu filgħaxija fil-btieħi tat-tempju.
It-tmien jum tal-Festa ta’ Sukkòt, meqjus bħala l-aħħar u l-akbar jum tal-festa, kien jinkludi laqgħa tal-Poplu kollu (Lev 23:36).
Fil-Ġudaiżmu modern, il-Ktieb ta’ Koħelet jinqara waqt il-festa ta’ Sukkòt.
 
Referenzi tat-Testment il-Ġdid:
L-Evanġelji Sinottiċi ta’ Mark, Mattew u Luqa jsemmu ikla waħda biss tal-Mogħdija jew tal-Għid (spiss imsemmija flimkien mal-festa tal-Ħobż Ażżmu jew il-Ħobż bla Ħmira), li Ġesù jiċċelebra eżatt qabel mewtu (Mk 14:12-26; Mt 26:17-29; Lq 22:15-20).
Ir-Raba’ Evanġelju jirrakkonta tliet festi tal-Għid differenti matul il-ministeru pubbliku ta’ Ġesù (Ġw 2:13-23; 6:4; 11:55–19:14; iżda qatt ma jsemmi l-festa tal-“Ħobż tal-Ażżmi”), kif ukoll il-Festa tal-Għerejjex (7:2.14.37), u festa oħra mhux speċifikata bl-isem (5:1) li xi studjużi jaħsbu li tista’ tkun ta’ Pentekoste.
L-Atti tal-Appostli jsemmi li wara l-qawmien ta’ Ġesù, id-dixxipli tiegħu baqgħu f'Ġerusalemm sa Pentekoste (Atti 2:1), meta rċevew it-tiswib tal-Ispirtu s-Santu. Atti jirrakkonta wkoll kif, bosta snin wara, Ġakbu ġie maqtul u Pietru ġie arrestat waqt il-festa tal-Ażżmi, għalkemm Pietru jinħeles mill-ħabs b’miraklu eżatt wara li l-festa tal-Għid kienet ġiet fit-tmiem tagħha (12:1-4). Fl-aħħarnett, il-Ktieb tal-Atti jgħid ukoll li, ftit għexieren ta’ snin wara, Pawlu u xi wħud minn sħabu telqu minn Filippi eżatt wara l-festa tal-Ażżmi (20:6), u li Pawlu kien ħerqan li jasal Ġerusalemm fil-ħin għall-festa l-oħra ta’ pellegrinaġġ li kien jmiss: “Pawlu kien qatagħha li jgħaddi ʼl barra minn Efesu, biex ma jaħlix żmien fl-Asja, billi kien mgħaġġel ħalli, jekk jista’ jkun, ikun Ġerusalemm għall-festa ta’ Għid il-Pentekoste” (20:16).
Fl-ittri ta’ Pawlu, jirreferi darba (metaforikament/teoloġikament) għal Kristu Ġesù bħala “L-Għid tagħna” (1 Kor 5:7; jew “il-Ħaruf tal-Għid tagħna”). Aktar tard fl-istess ittra huwa jgħid ukoll lill-Korintin, “Nieqaf Efesu sa Għid il-Ħamsin” (1 Kor 16:8; hawn jirreferi biss għaż-żmien tas-sena, mingħajr l-ebda indikazzjoni li kien se jmur x’imkien fuq pellegrinaġġ).
Fl-aħħarnett, l-Ittra lil-Lhud issemmi darba l-Għid oriġinali ta’ żmien Mosè (Lhud 11:28).
 
FESTI OĦRA U ĠRANET SPEĊJALI fil-Bibbja:
 
Is-Sibt ta’ kull ġimgħa (Xabbàt):
Il-mistrieħ mix-xogħol fis-seba’ jum tal-ġimgħa huwa wieħed mill-Għaxar Kmandamenti (Eż 20:8-11; Dt 5:12-15), u msaħħaħ ta’ sikwit matul il-Bibbja Lhudija kollha (it-Testment il-Qadim) (ara Eż 23:12; 34:21; Lev 23:3).
Il-ħarsien tas-Sibt huwa bbażat fuq l-istorja li Alla strieħ mix-xogħol tiegħu wara s-sitt “ijiem” tal-ħolqien (Ġen 2:1-3).
Madankollu, il-Lhud matul is-sekli ddiskutew x’jikkostitwixxi propjament “xogħol” illegali (ara Ġer 17:10-27) u jekk Alla jagħmilx tal-inqas xi “xogħol” essenzjali li jsostni l-ħajja nhar ta’ Sibt (ara Ġw 5:9-18; 7: 21-23).
 
L-Ewwel tax-Xahar (Rox Kόdex):
Kull darba li l-Lhud kienu jħarsu u jaraw il-qamar ġdid ta’ kull xahar kienet okkażjoni importanti li kienet tiġi ċċelebrata b’festa żgħira fi żminijiet bibliċi (1 Kron 23:31; 2 Kron 2: 4; Salm 81:3; eċċ.)
Fil-Ġudaiżmu modern, l-ewwel ta’ kull xahar mhijiex ċelebrazzjoni maġġuri, għalkemm xi talb u qari speċjali jsiru fis-sinagogi.
F’xi komunitajiet Lhud dan il-jum huwa jum bla xogħol għan-nisa (iżda mhux għall-irġiel), biex jingħatalhom ġieh talli rrifjutaw li jieħdu sehem fil-qima lejn l-Għoġol tad-Deheb.
 
Is-Sena l-Ġdida (Rox ĦaXanà):
 L-ewwel jum tas-seba’ xahar (ix-xahar ta’ “Tίxri” fil-kalendarju Lhudi) jiġi ċċelebrat bil-“mistrieħ tas-Sibt” u b’“laqgħa qaddisa” (Lev 23:23-25; ara Num 29:1).
F’dan il-jum, l-offerti tal-ħruq reġgħu ġew stabbiliti mill-qassis Esdra fil-perjodu wara l-Eżilju tal-Babilonja (Esdra 3:6; ara Neħ 8:2).
Il-festi jinkludu d-daqq tax-Xofàr (tip ta’ tromba magħmula mill-qarn tal-muntun u li tindaqq f’laqgħat liturġiċi).
Ta’ min jinnota li l-Kalendarju Lhudi għandu erbat ijiem differenti msejħa “Sena l-Ġdida” (hekk kif aħna għandna s-“Sena Skolastika l-Ġdida,” is-“Sena Fiskali l-Ġdida,” differenti mill-1 ta’ Jannar): Nisàn 1 (f’Marzu) = is-sena l-ġdida għall-għadd tax-xhur fil-kalendarju; Elùl 1 (f’Awissu) = is-sena l-ġdida għat-taxxa ta’ wieħed fil-mija (dieċmi) fuq l-annimali; Tίxri 1 (f’Settembru) = is-sena l-ġdida għas-snin (żid in-numri tas-sena); Xevàt 15 (fi Frar) = is-sena l-ġdida għas-siġar (meta l-frott ikun misjur biżżejjed biex jittiekel).
 
Jum it-Tpattija (Jom Kippùr):
Ritwal ta’ purifikazzjoni annwali, li fih kien jiġi offrut is-sagrifiċċju għall-purifikazzjoni tat-tempju, għall-art u għan-nies (Lev 16:1-34; 23:26-32).
It-Testment il-Ġdid ma jsemmix direttament dan il-jum ta’ festa, iżda jadatta l-immaġini tiegħu biex jitkellem dwar il-mewt ta’ Ġesù bħala tpattija għad-dnubiet (Rum 3:25; Lhud 2:17).
 
Il-Festa tad-Dedikazzjoni jew Festa tad-Dwal (Ħanukkà):
It-tempju ta’ Ġerusalemm kien “ipprofanat” (iżda mhux “meqrud”) mis-sultan Selewċidu Antijoku IV Epifani fl-167 QK.
Wara s-suċċess tar-rewwixta tagħhom, il-Makkabej naddfu u ddedikaw mill-ġdid it-Tempju u l-Artal fl-164 QK, u ordnaw ċelebrazzjoni ta’ kull sena ta’ tmint ijiem biex ifakkru dan l-avveniment ta’ ferħ kbir (1 Mak 4:36-59).
Din il-festa tax-Xitwa mhix imsemmija fil-Bibbja Lhudija (It-Testment il-Qadim), iżda biss fil-kotba Dewterokanoniċi/Apokrifi ta’ 1 u 2 Makkabej.
Tissemma wkoll fil-qosor fi Ġwanni 10:22, imma mkien iktar fit-Testment il-Ġdid.
 
Il-Festa tat-Tfigħ tax-Xorti (Purìm):
Tfakkar ir-rebħa tar-Reġina Ester fuq il-pjan biex jinqatlu l-Lhud Persjani kollha, qrib is-sena 400 QK, kif jingħad fil-Ktieb ta’ Ester.
Fil-Ġudaiżmu modern, il-Ktieb kollu ta’ Ester jinqara dakinhar tal-festa ta’ Purìm. Huwa żmien ta’ ċelebrazzjoni kbira, bi ħsejjes u daqq, kostumi, eċċ. (kemmxejn bħall-festi fil-Punent tal-Karnival).
 
Festi Agrikoli Iżgħar:
“Il-Ħmistax-il Jum tax-Xahar ta’ Xevàt (Tu B'Xevàt) - meqjus bħala s-“Sena l-Ġdida għas-Siġar” (Lev 19:23-25).
“Għadd tal-Omèr” (Sefiràt Ha’Omèr) - ibbażat fuq Lev 23:15-16, li jgħid lill-Iżraelin biex “jgħoddu” l-ħamsin jum bejn l-Għid u Xavuòt.
 
Sibtijiet twal sena sħiħa:
Kull seba’ sena, ma kellu jsir l-ebda xogħol agrikolu; l-art kellha titħalla wkoll “tistrieħ”, u n-nies kellhom jaħsdu biss dak li jikber waħdu fl-għelieqi (Eż 23:10-11; Lev 25:2-7.18-24; 26:34-43) .
 
Sena tal-Ġublew:
Kull ħamsin sena, id-djun kollha kellhom jinħafru, u l-iskjavi jiġu meħlusa, u l-art li tkun inbiegħet kellha tingħata lura lis-sidien oriġinali tagħha (Lev 25:8-17.25-55; 27:16-25). L-istudjużi jiddiskutu jekk fil-fatt dawn il-liġijiet qattx ġew imqiegħda fil-prattika.