LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Is-Salmi (6) – mil-lenti Kristjana

Minn Fr Paul Sciberras

 

Fost il-Kotba tat-Testment il-Qadim, il-Ktieb tas-Salmi huwa dak li sa mill-ewwel żmien tal-Knisja sab postu f’idejn l-Insara. Is-Salmi jissemmew mija u sittax-il darba fil-Kotba tat-Testment il-Ġdid: dan il-fatt jurina li l-Appostli u l-ewwel xandara tal-Kelma għarfu jinqdew sewwa bis-Salterju biex jippruvaw li Ġesù ta’ Nazaret huwa tabilħaqq il-Messija mħabbar, Bin Alla. U dan għamluh fuq l-eżempju ta’ Ġesù Kristu stess, li bosta drabi wera lin-nies li l-Ktieb tas-Salmi jagħti ħafna provi tat-tagħlim tiegħu (ara Mt 22:41-46; 27:46; Lq 23:46; Ġw 13:18), għaliex, kif hu wkoll fisser lid-dixxipli ta’ Għemmaws (Lq 24:44), minnu wkoll jitkellmu s-Salmi.

Nistgħu nifhmu li l-ewwel insara, li kienu Lhud, kellhom tagħrif sewwa tas-Salmi mil-Liturġija tat-Tempju u l-laqgħat fis-Sinagogi. It-Titli ta’ xi Salmi jixhdu li dawn inkitbu għall-użu liturġiku, jew ġew adattati wara għal dan l-iskop (ara 1 Kron 16:4-43).

Jista’ jkun li l-Insara ta’ żmien l-Appostli  wkoll kienu jgħidu s-Salmi fil-laqgħat liturġiċi tagħhom (1 Kor 14:26; Efes 5:19; Kol 3:16). Imma sa mill-ewwel żmien tal-Knisja kellhom diġà ġabra ta’ innijiet imqaddsa li bihom kienu jinqdew fil-laqgħat liturġiċi. Fdalijiet ta’ dawn l-innijiet jinsabu mxerrda f’xi kotba tat-Testment il-Ġdid (ara Efes 5:14; Fil 2:6-11; 1 Tim 3:16; 2 Tim 2:11-13). Għall-ħabta tas-sena 200 WK, is-Salmi kienu żgur daħlu sewwa fit-talb u l-kant tal-liturġija nisranija. Hekk kellha bidu s-salmodija fil-ħajja tal-Knisja, li malajr daħlet fil-ħajja monastika, fejn kibret u ssaħħet.

Il-Knisja, imbagħad, għamlet mis-Salterju l-ktieb tat-talb u tal-kant tagħha. Is-Salmi daħlu hekk tajjeb fl-użu liturġiku li bdew jiġu ‘kristjanizzati’, jew, fi kliem ieħor, imfissra għal Kristu u l-ħidma tiegħu. Fis-Salterju, il-Knisja tal-ewwel żminijiet kienet tħoss u tara l-persuna ħajja ta’ Ġesù Kristu. Billi kienu jaħsbu li s-Salmi kitibhom kollha David, u f’David kienu jaraw ix-xbieha ta’ Kristu, dak kollu li hemm fis-Salmi kienu japplikawh, direttament jew indirettament, għal Ġesù Kristu u għall-membri tal-Ġisem mistiku tiegħu, il-Knisja. Daħlet għalhekk id-drawwa qaddisa li fis-Salmi beda bħallikieku jinstema’ Kristu nnifsu qiegħed ifaħħar lil Alla l-Missier, jew jitolbu jeħilsu mill-għedewwa, jew qiegħed jitkellem mal-Knisja, u l-Knisja titkellem miegħu. Minħabba din l-interpretazzjoni allegorika, spiritwali u mistika, is-Salterju, l-aktar fi żmien is-Santi Padri, sar għall-Insara l-għeżeż Ktieb fost l-oħrajn kollha tat-Testment il-Qadim. Is-Salmi ġew studjati bi ħrara tal-għaġeb mill-għorrief il-kbar tal-Knisja, bħal Sant’Atanasju u Santu Wistin. Is-Salmi kienu jitkantaw bil-qalb fil-laqgħat liturġiċi, kif ukoll jingħadu bħala talb u tifħir mill-Insara fid-devozzjonijiet privati u personali tagħhom.

Is-Salmi fil-Liturġija jfissru fuq kollox is-sens tal-Komunità Nisranija. Huma l-leħen tal-Knisja, jiġifieri, il-leħen ta’ Kristu mal-Ġisem mistiku tiegħu, leħen li jitla’ l-ħin kollu quddiem Alla l-Missier b’tifħir u radd ta’ ħajr, u b’talb għall-ħarsien mill-għedewwa u s-setgħat tal-ħażen. Iċ-ċirkustanzi storiċi tat-Testment il-Qadim, li xi Salmi jfakkruna fihom, huma xbihat tal-ħajja tal-Knisja, li hi Iżrael il-ġdid, marbut b’rabta waħda ta’ wirt ma’ Iżrael tal-imgħoddi.

B’hekk is-sentimenti tassew sbieħ u poetiċi tas-Salmisti jsiru s-sentimenti ta’ kull min jinqeda bis-Salmi tagħhom, biex bħalhom jerfa’ ħsibijietu lejn Alla.