LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Is-Salmi (2) – L-awturi.

Kitba ta’ Dun Pawl Sciberras

Is-Salmi ma nkitbux f’daqqa, u anqas ma nkitbu minn id waħda. Qabel ma nġabru fi ktieb wieħed kif inhuma llum, u qabel ma nġabru f’ħames taqsimiet, kien hemm diversi kollezzjonijiet jew ġabriet ta’ Salmi. Is-Salmi saru ftit ftit u wieħed wieħed matul l-istorja ta’ Iżrael, bejn wieħed u ieħor, minn żmien David (qrib is-sena 1000 QK) sa wara l-eżilju f’Babel (qrib is-sena 400 QK); allura xi 600 sena. Jekk noqogħdu għat-titli li jinsabu fil-bidu ta’ ħafna mis-Salmi, nistgħu nagħżlu dawn il-ġabriet:

1) Salmi ta’ David

a) 3 – 41, fejn Alla jingħatalu l-isem ta’ JĦWH

b) 51– 65, fejn Alla jingħatalu l-isem ta’ Eloħěm

Is-Salm 86 iġib ukoll it-titlu “Talba ta’ David”

2) Salmi ta’ Wlied Kóraħ (42 – 49; 84 – 85; u 87

3) Salmi ta’ Asŕf (73 – 83; u 50)

4)  Salmi tas-Saltna (92 99)

5) Salmi tat-Telgħat (jew Gradwali) (120-134)

6) Salmi Hallelujatiċi, jiġifieri, Salmi ta’ Tifħir, li fihom ġeneralment tinsab l-istedina “Faħħru lill-Mulej” (Hallelujah) fil-bidu jew fl-aħħar tas-Salm, jew sew fil-bidu u sew fl-aħħar (104 – 107; 111 – 117; 135 – 136; u 146 – 150)

7) Salmi oħra ta’ David, li jinsabu ʼl hawn u ʼl hinn fir-Raba’ u l-Ħames Ktieb, u huma 101; 103; 108 – 110; 122; 124; 131; 133; u 138 – 145.

L-istudjużi jqisu li s-Salmi li jġibu t-titlu “Ta’ David” huma, fil-biċċa l-kbira, ta’ qabel l-Eżilju ta’ Babel, is-Salmi “Ta’ Kóraħ” u “Ta’ Asŕf” saru għal-liturġija tat-tieni Tempju, jiġifieri wara l-Eżilju (597-538 QK); is-Salmi tat-Telgħat ukoll huma ta’ wara l-Eżilju jew ta’ żmien Neħemija.

It-titli ta’ xi wħud mis-Salmi jagħtuna tagħrif siewi ħafna dwar l-awturi tagħhom. F’dawn it-titli, l-awtur li jissemma l-iżjed huwa David, l-aktar fl-ewwel żewġ taqsimiet jew kotba tas-Salterju. U għalhekk it-tradizzjoni, sew Lhudija u sew Nisranija, ħarset lejn David bħala l-Awtur tas-Salmi kollha (ara Mt 22:43; Atti 1:16-20; 2:25-34).

L-espressjoni Lhudija le-Dawěd fit-titli ta’ xi salmi tista’ turina li l-awtur tagħhom kien tassew David; imma jista’ jkun ukoll li ma turiniex ħlief rabta ma’ xi ġrajja mill-istorja ta’ David, bla ebda referenza għalih bħala awtur tas-salmi. B’dankollu nistgħu nżommu bla ebda diffikultŕ li David hu tassew l-awtur tas-salmi li jġibu ismu fit-titli tagħhom, jew għall-inqas li xi wħud minnhom inkitbu tassew minnu. Għalkemm xi kotba tat-Testment il-Qadim (1 Sam 16:14-23; 2 Sam 1:17-19; 6:5-14; 1 Kron 25:1-31) jgħidulna kemm David kien iħobb l-għana u l-mużika u li kien ukoll waqqaf gruppi ta’ kantanti u mużiċisti għas-servizz liturġiku tat-Tempju, ma nistgħux nagħrfu b’ċertezza liema minnhom ħarġu mill-pinna tiegħu.

Ulied Kóraħ kienu membri tal-kor tat-Tempju (ara 1 Kron 6:16-23; 2 Kron 20:19).

Asŕf kien wieħed mill-mexxejja tal-kor tal-leviti (ara 1 Kron 16:5) sa minn qabel l-Eżilju ta’ Babel; u, wara l-Eżilju, uliedu kienu jiffurmaw il-kor tat-Tieni Tempju (ara Esd 2:41; 3:10; Neħ 11:22). Hemŕn, Ġedutůn u Etŕn kienu mexxejja oħra tal-kor fi żmien David (1 Kron 15:17-19; 16:41-42). Jiġifieri ma tkunx ħaġa barra minn postha jekk inżommu li dawn kienu l-awturi tas-salmi li fit-titli tagħhom iġibu isimhom. Hemŕn u Etŕn, li skont it-titli huma l-awturi rispettivament tas-Salmi 88 u 89, jissejħu “Eżraħiti”, kelma li tfisser “barranin”; u tassew, isimhom jixhed li kienu ta’ nisel Kangħani.

Numru kbir mis-Salmi sar qabel l-Eżilju, għalkemm xi wħud minnhom sarilhom xi tibdil wara l-Eżilju biex ġew adattati aħjar għaċ-ċirkustanzi li minnhom kien għaddej il-poplu (ara, fost l-oħrajn, Salm 51:20-21). Din il-fehma terġa’ ssaħħaħ it-tradizzjoni antika dwar “l-oriġini Davidika” tas-Salterju.