LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Is-Salmi (1) – Il-Ktieb, in-Numri u t-Titli.

Minn Dun Pawl Sciberras

 

Il-ktieb tas-Salmi jiġbor fih 150 għanja li bihom il-Lhud kienu jiftħu qalbhom ma’ Alla f’kull ċirkustanza tal-ħajja tagħhom. Ġesů nnifsu, flimkien mal-Appostli, kanta s-Salmi fi tmiem l-Aħħar Ċena, qabel ħareġ lejn il-Ġnien tal-Getsemani (Mk 14:26). Mhux l-ewwel darba li Ġesů kkwota s-Salmi fit-tagħlim tiegħu (ara Lq 20:42; 24:44). L-Appostli għamlu l-istess (ara Atti 13:33.35). L-Appostlu Pawlu jistieden lill-insara biex fit-tifħir tagħhom lil Alla jużaw is-Salmi tat-Testment il-Qadim (ara Efes 5:19; Kol 3:16). Saħansitra tnejn mis-seba’ kelmiet li l-evanġelji jġibu li qal Ġesů fuq is-salib huma meħuda mis-salmi.

Il-kelma “salm” ġejja mill-Grieg psálmos, traduzzjoni tal-Lhudi miżmňr, li propjament tfisser ‘strument tal-korda’. Mela l-għanjiet akkumpanjati minn strumenti huma magħrufa bħala “salmi”. Dawn is-salmi huma tassew kollha innijiet ta’ stil poetiku u ta’ xejra reliġjuża, għalkemm ħafna drabi jesprimu ftuħ il-qalb tal-bniedem fiċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja tiegħu: ferħ, niket, rebħiet, telfiet, talb, tifħir lil Alla, radd il-ħajr u ringrazzjament, dubji, fiduċja.

Għalhekk is-Salterju, il-Ktieb tas-Salmi, kien dejjem il-Ktieb tat-talb u tal-għana tal-Poplu ta’ Alla, kemm għal-Lhud u kemm għall-Insara. Il-Lhud sejħulu séfer teħillěm, jiġifieri ‘Ktieb it-tifħir’.

Għalkemm il-kelma ‘salm’ (psálmos > miżmňr) tfisser strument tal-korda, l-istrumenti li kienu jakkumpanjaw dawn l-għanjiet kienu mħallta sew. Biżżejjed naraw Salm 150 biex nagħrfu kemm strumenti oħra kienu jintużaw: “Faħħruh bid-daqq tat-tromba, faħħruh bl-arpa u ċ-ċetra! Faħħruh bit-tanbur u biż-żfin, faħħruh bid-daqq tal-kordi u tas-sfafar! Faħħruh bid-daqq qawwi taċ-ċimbali, faħħruh bid-damdim taċ-ċimbali!” (vv.3-5). Jidher minn dan is-salm biss li ż-żfin kien ukoll jappumpanja l-għana tas-salmi.

 

Ktieb b’ħames taqsimiet

L-edituri li ġabru s-salmi flimkien fi ktieb wieħed għoġobhom iqassmuh f’ħames taqsimiet jew ħames “kotba”. Aktarx li dan għamluh biex il-Ktieb tas-Salmi jkun jixbah il-Ktieb tal-Liġi, li wkoll huwa mqassam f’ħamsa: Ġenesi, Eżodu, Numri, Levitiku u Dewteronomju.

Fi tmiem kull taqsima, żiedu vers jew nota ta’ tifħir lil Alla, imsejħa dossoloġija: wara Salm 41, Salm 72, Salm 89, Salm 106. L-aħħar Salm imbagħad, is-Salm 150, hu kollu kemm hu dossoloġija waħda, bħala għeluq tas-Salterju kollu kemm hu. Hekk fost l-oħrajn, is-Salm 41 jagħlaq bil-kelmiet: “Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, minn dejjem għal dejjem. Ammen! Ammen!” Is-Salterju, għalhekk, jitqassam:

L-ewwel ktieb: minn Salm 1 sa Salm 41

It-tieni ktieb: minn Salm 42 sa Salm 72

It-tielet ktieb: minn Salm 73 sa Salm 89

Ir-raba’ ktieb: minn Salm 90 sa Salm 106

Il-ħames ktieb: minn Salm 107 sa Salm 150

 

In-numri tas-salmi

Meta niftħu l-Bibbja u nfittxu l-Ktieb tas-Salmi, nindunaw li kull salm għandu numru: Salm 1, Salm 2, Salm 3, u l-bqija, bħalma l-kotba l-oħra kollha tal-Bibbja huma mqassma f’kapitli. Dan it-tqassim hu antik ħafna, għalkemm mhux ġej mill-awturi oriġinali tas-salmi. Imma ġara li n-numri li għandhom is-salmi fit-test Lhudi mhumiex l-istess numri li jingħataw fil-verżjoni Griega tas-Sebgħin jew tas-Septwaġinta, imqassra għal ‘LXX’, jew dik Latina tal-Vulgata. L-ewwel tmien salmi u l-aħħar tliet salmi biss għandhom l-istess numru fil-verżjoni Lhudija u fil-verżjoni Griega. Fil-każ tas-salmi l-oħra, in-numru tat-test Lhudi huwa ġeneralment wieħed iktar min-numru li jingħata fil-verżjoni Griega. Minn Salm 10 sa Salm 147, it-test oriġinali Lhudi jimxi b’numru ʼl quddiem minn dawn iż-żewġ traduzzjonijiet antiki. Is-LXX (Grieg) u l-Vulgata (Latin) jgħaqqdu s-Salmi 9 u 10 tat-test Lhudi u jagħmluhom salm wieħed (is-Salm 9). L-istess jagħmlu mis-Salmi 114 u 115 tal-Lhudi, u jiġbruhom flimkien fis-Salm 116. Imbagħad jifirdu s-Salm 116 fi tnejn, jiġifieri f’Salm 114 u Salm 115, u s-Salm 147 jifirduh ukoll fis-Salmi 146 u 147. Naturalment, meta nġabru s-salmi kollha flimkien, mhux bilfors li l-ewwel salm li nkiteb huwa Salm 1 u l-aħħar wieħed li ġie miktub kien Salm 150.

It-tabella li ġejja turi kif jgħodd is-Salmi t-test Lhudi, u kif jgħodduhom it-test Grieg tas-LXX u l-Vulgata Latina.

Test Lhudi                                        Test Grieg u l-Vulgata

1 – 8                                  =            1 – 8

9                                         =            9:1-21

10                                       =            9:22-39

11 – 113                            =            10 – 112

114                                     =            113:1-8

115                                     =            113:9-26

116:1-9                              =            114

116:10-19                          =            115

117 – 146                          =            116 – 145

147:1-11                            =            146

147:12-20                          =            147

148 – 150                          =            148 – 150

 

It-titli tas-Salmi

Fil-bidu tagħhom, il-biċċa l-kbira tas-Salmi għandhom titlu jew kitba qasira ħafna li tfissirhom aħjar. Tlieta u  erbgħin Salm ma għandhom l-ebda introduzzjoni.

Dawn it-titli juru:

1) Il-forma letterarja tas-Salm, jew ta’ liema tip ta’ għanja hu s-Salm. Hemm seba’ u ħamsin Salm li għandhom it-titlu ta’ miżmňr (“salm”); tletin oħra huma xir (“għanja”); ħamsa huma tefillŕh (“talba”); ħmistax huma maskěl (aktarx “tagħlim”); sitta għandhom miktŕm u wieħed siggajňn, imma dawn l-aħħar żewġ kelmiet ma nafux xi jfissru.

2) Salmi oħra għandhom direttivi dwar il-kant jew l-istrumenti tal-mużika li għandhom jindaqqu magħhom. Ħamsa u ħamsin Salm iġibu t-titlu “Għall-mexxej tal-kor” u/jew l-isem ta’ xi strument tal-mużika (ara Salmi 4; 5; 6; 8; 54). Noti oħra juru l-mod jew il-melodija tas-Salm (ara Salmi 9; 22; 45; 56; 57; 60). Barra minn dawn, hemm disa’ u tletin Salm li fihom tidħol diversi drabi l-kelma selŕh (li aktarx tfisser ‘pawsa’), b’referenza għall-kant (ara Salmi 3; 4; 24; u oħrajn).

3) L-okkażjoni liturġika li fiha kien jingħad jew jitkanta s-Salm. Insibu titli bħal: “Għanja għal Jum is-Sibt” (Salm 92); “B’radd il-ħajr” (Salm 100); “Għad-dedikazzjoni tat-Tempju” (Salm 30); “B’tifkira” (Salmi 38 u 70); “tat-Telgħat” (is-Salmi 120-134), li aktarx kienu jitkantaw għall-okkażjoni tal-pellegrinaġġi għat-Tempju li l-Lhud kienu jagħmlu fil-jiem kbar tas-sena.

4) Iċ-ċirkustanza storika li minħabba fiha nkiteb is-Salm. Hemm tlettax-il Salm, bit-titlu “ta’ David”, li juru l-okkażjoni tas-Salm. Tmienja minnhom (7; 18; 34; 52; 54; 57; 59; 142) għandhom x’jaqsmu mal-persekuzzjoni li David kellu minn Sawl. Salm 18 huwa tifħir lil Alla għar-rebħa ta’ David fuq l-għedewwa tiegħu. Salm 51 hu l-att ta’ ndiema ta’ David wara d-dnub tiegħu ta’ adulterju u omiċidju. Salmi 3 u 63 ifakkru l-ħarba ta’ David minn quddiem ibnu Absalom. Salm 60 huwa t-talba fi żmien il-gwerra bejn David u s-Sirja u Għammon.

5) L-awturi tas-Salmi. Fis-Salterju hemm tlieta u sebgħin Salm bit-titlu “ta’ David”, tnax “ta’ Asŕf”, ħdax “ta’ Wlied Kóraħ”, salm wieħed “ta’ Mosč”, ieħor “ta’ Hemŕn”, u ieħor “ta’ Etŕn”. Skont il-verżjoni Griega tas-LXX, is-Salmi “ta’ David” huma erba’ u tmenin.

Dawn it-titli tas-Salmi mhumiex mingħajr valur tagħhom. Għalkemm ma ħarġux minn idejn l-awturi ispirati imma żdiedu minn oħrajn, il-fatt li huma jinsabu fit-test Grieg tas-Sebgħin (LXX) jixhed li huma qodma ħafna (xi 250 sena QK), jew li kienu diġŕ daħlu fit-test Lhudi għall-ħabta tas-seklu 2 QK.