LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Il-Bibbja: ktieb wieħed, żewġ Testmenti.

Tixbihat u ċitazzjonijiet mit-Testment il-Qadim fil-Ġdid.

Minn Dun Paul Sciberras.

 

It-tixbihat mit-Testment il-Qadim fil-Ġdid

Il-blata – 1Kor 10,1-5 – “missirijietna kienu taħt is-sħaba” - Ġesù jitwieled billi l-Ispirtu s-Santu jiġi fuq Marija u l-qawwa tal-Għoli tgħattiha; “ilkoll qasmu l-baħar” – Ġesù jimxi fuq il-baħar li hu simbolu tal-ħażin; u meta jitgħammed, jitla’ mill-ilma; “ilkoll kielu mill-istess ikel spiritwali” – Ġesù mhux biss għandu ikel ieħor li intom ma tafux bih (ara Ġw 4,32), imma l-ikel tiegħu hu li jagħmel ir-rieda tal-Missier u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu (Ġw 4,34) u Ġwanni juża l-verb tal-perfezzjoni teleiōsō autou ton érgon, li juża meta jtemm dik l-opra: “kollox mitmum” (Ġw 19,30). Biex ma nsemmux l-Ikel spiritwali tal-Ewkaristija (fejn terġa’ tiġġedded dik l-opra feddejja tal-Missier fi Kristu fuq is-salib, fil-qawmien u l-glorifikazzjoni tiegħu)! U l-blata kienet Kristu!

 

Iċ-ċitazzjonijiet mit-TQ fit-TĠ

º Għimmanu-El (Mt 1,23 [v.25 juri kif Alla hu magħna, billi jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom … Ġużeppi lit-tarbija semmieha Ġesù] – Iż 7,14)

º Mill-Eġittu sejjaħt lil Ibni (Iżraël bħala l-iben għażiż ta’ Alla [ara Hos 11,1-4])

º Talbiet fuq is-salib - ü Ġesù fil-Ġetsemani. Xtaq ikun ħafna waħdu, mal-Missier, imma bħala bniedem kellu tassew il-bżonn tas-support anke uman, tal-ħbieb intimi tiegħu. U f’dak il-mument talab hekk:

«Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.» (Lq 22,42)

Hemm tassew ħass l-għaqda tiegħu ma’ dak li nisslu sa minn dejjem.

U hemm ukoll bdiet il-passjoni tiegħu, fis-sens tat-tbatija l-kbira.

            ü Ġesù jilħaq il-qofol tat-tbatija tiegħu fuq is-salib. U wasal fl-aħħar nifs. U f’dak il-mument talab hekk:

«Missier, f’idejk jien nerħi ruħi» (Lq 23,46) U kif qal hekk, ħarġet ruħu.

Hemm ukoll, f’idejn il-Missier, wassal sat-tmiem il-missjoni tat-tbatija tiegħu: għand il-Missier!

Issa dan il-vers li bih jerħi ruħu f’idejn il-Missier hu meħud mis-Salm 31,5: Salm li hu talba fil-hemm u, fl-istess ħin, talba ta’ radd il-ħajr għall-ħelsien. Is-salmista, persegwitat mill-għedewwa tiegħu, jitlob b’fiduċja kbira l-għajnuna lil Alla li ġa drabi oħra kien ħelsu mit-tfixkil. Imma fis-salm oriġinali, ma nsibux l-invokazzjoni lil Alla, “Missier”. Ġesù, fuq is-salib, jikkwota dan is-Salm imma jżid hu l-invokazzjoni, “Missier”. Issa l-Lhud li kienu jafu tajjeb l-Iskrittura, meta kienu jisimgħu vers minnha kienu jkunu jafu anke l-kuntest minn fejn hi meħuda dik iċ-ċitazzjoni. Kienu jkunu jafu f’dan il-każ li Ġesù qiegħed iqabbel lilu nnifsu mas-salmista li jħossu persegwitat imma li jsib it-tama f’Alla.

            ü Imma meta kien fl-abbiss l-aktar profond tat-tbatija, meta jħossu abbandunat anke minn Alla u jokrob: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, il-għala tlaqtni?”, hemm ukoll jikkwota salm ieħor, nafu li hu s-Salm 21, fil-bidu tiegħu. U l-Lhud li semgħuh idur lejn Alla b’dak il-vers kienu jafu li qiegħed jikkowta s-salm ta’ min iħossu ġust quddiem Alla u quddiem il-bnedmin imma fl-istess ħin għaddej minn tbatija, persekuzzjoni, u waħx terribbli. Imma hawn Ġesù ma jdurx lejn Alla u jsejjaħlu “Missier”!

Fil-punt tal-mewt, jikkwota s-Salm 31 u jżid Missier; hawn jikkwota s-Salm 21 imma ma jżidx l-invokazzjoni!

Donnu li t-tbatija, l-abbandun, u l-waħx kollu li kien għaddej minnhom lanqas baqa’ jħoss ’l Alla bħala missier tiegħu, lanqas baqa’ jħoss li hu iben, tant ħassu mitluq minħabba d-dnub tagħna! Ġesù, mgħobbi dnubietna, jitwarrab minn Alla minħabba f’hekk. Dan hu l-akbar abbandun li għadda minnu Ġesù: hu, Alla wkoll, jitwarrab mill-stess qdusija tiegħu ... għax il-qdusija u d-dnub ma joqogħdux flimkien. U għalhekk ..... “Għaliex abbandunajtni!”

Il-passjoni ta’ Ġesù tasal fl-aħħar bi kwotazzjoni oħra minn Ġesù tas-Salm 31:5: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23:46). Għalkemm Ġesù qiegħed jikkwota mill-ġdid is-Salm 31:5, issa huwa mimli tama fil-Missier, u allura mal-kwotazzjoni tal-vers mis-Salm iżid l-invokazzjoni “Missier”.

Fil-passjoni tiegħu Ġesù jġib progress sħiħ għall-qofol tiegħu ta’ diversi passi mit-TQ. L-iżvilupp li jagħmel huwa li japplikahom għalih fir-relazzjoni ta’ fiduċja fil-Missier. It-TQ isib il-qofol tiegħu f’Ġesù fit-TĠ.