LISTA TA' KLIEM IL-BIBBJA BIL-MALTI    

Il-Bibbja: ktieb wieħed, żewġ Testmenti. Kif jitqassmu?

Minn Dun Paul Sciberras

 

It-Testment il-Qadim

Il-Lhud isejħu l-Bibbja tagħhom, li hija prattikament it-Testment il-Qadim tagħna, bħala TaNàK. Mhix kelma bil-Lhudi imma sigla: jekk tieħu t-tliet blokki li fihom tinqasam il-Bibbja Lhudija: it-Torà, in-Nevijim u l-Ketuvim, u tieħu l-ewwel ittra ta’ kull blokk, tifforma s-sigla TaNàK.

 

It-Torà  hija l-blokk tal-Liġi. Meqjus mil-Lhud li nkiteb minn Mosè nnifsu, dan il-blokk huwa magħmul mill-ewwel ħames kotba tat-Testment il-Qadim: il-Ġenesi, l-Eżodu, il-Levitiku u d-Dewteronomju.

Il-kelma Torà ġejja minn verb Lhudi (j-r-h) li jfisser ‘għallem, iggwida, ta struzzjonijiet’. U dan hu fil-fatt l-għan tal-Liġi li Alla ta lill-Poplu tiegħu permezz ta’ Mosè: li jgħallem u jiggwida lill-Poplu tiegħu dwar dak li għandu f’qalbu u f’moħħu għall-Poplu; dak li jrid Alla għall-Poplu tiegħu.

 

In-Nevijim, dawk li huma mnebbħa, għax l-isem ġej minn verb Lhudi (n-b-’) li jfisser ‘huwa nebbaħ’. It-tieni blokk huwa l-blokk tal-Profeti. Fil-Bibbja Nisranija dan il-blokk jiġi l-aħħar blokk fit-TQ. Imma l-Lhud kienu jqisu li l-Profeti kienu dawk in-nies magħżula biex jitkellmu f’isem Alla. Għalhekk il-kitbiet tal-Profeti kienu meqjusa li huma l-kummentarju tal-Profeti dwar il-Liġi ta’ Alla. Għalhekk jiġi wara l-blokk tat-Torà.

Il-Profeti f’dan il-blokk lanqas huma biss il-Profeti l-kbar, bħal Iżaija u Ġeremija u Eżekjel, u t-Tnax-il Profeti ż-Żgħar: Hosegħa, Ġoel, Għamos, Għabdija, Ġona, Mikea, Naħùm, Ħabbakuk, Sofonija, Ħaggaj, Żakkarija u Malakija. Il-Profeti mhumiex biss il-Profeti li kitbu l-profeziji tagħhom. Hemm il-Profeti wkoll li ma kitbux la l-profeziji u lanqas il-ġrajjiet tagħhom. Hekk, ngħidu aħna, f’dan il-blokk, skont it-taqsim Lhudi, insibu wkoll il-ġrajjiet tal-Profeti Elija u Eliżew. Imma wkoll insibu protagonisti li lanqas nagħrfuhom bħala profeti. F’dan il-blokk il-Lhud jinkludu l-kotba ta’ Ġożwè, tal-Imħallfin, iż-żewġ kotba ta’ Samwel u ż-żewġ kotba tas-Salten.

In-Nevijim għalhekk ma kinux dawk biss li jħabbru l-futur, imma iktar dawk li jitkellmu f’isem Alla.

 

Il-Ketuvim jew il-Kitbiet. F’dan il-blokk jinġabru t-tliet kotba poetiċi tas-Salmi, il-Proverbji u Ġob; il-Ħames Skrollijiet (bil-Lhudi Megillòt): L-Għanja tal-Għanjiet, Rut, il-Lamentazzjonijiet, il-Ktieb ta’ Koħélet, u Ester; u l-Kotba Storiċi ta’ Danjel, Eżra u Neħemija u ż-żewġ kotba tal-Kronaki.

 

It-Testment il-Ġdid

L-evanġelji. Il-kelma “evanġelju” ġejja mill-Grieg ew-angélion, aħbar tajba. Propjament kienet l-aħbar li kienu jwasslu messaġġiera mqabbda apposta ta’ rebħiet fi gwerer. Imbagħad ġiet applikata għall-Aħbar it-Tajba tar-rebħa ta’ Alla fuq il-ħażin (salvazzjoni) permezz ta’ Kristu Ġesù. Imma hemm żewġ faċċati kif tħares lejn l-Evanġelju, l-Aħbar it-Tajba: jew l-Aħbar imwassla minn Ġesù (il-ħajja, il-predikazzjoni, il-mirakli, il-fidwa fuq is-salib, il-qawmien u l-għotja tal-Ispirtu s-Santu). Hemm ukoll l-Aħbar imwassla mill-Appostli u d-dixxipli wara li Ġesù mar fil-glorja tal-Missier: l-Aħbar dwar Ġesù.

L-erba’ evanġelji kanoniċi, magħrufa mill-Knisja bħala ispirati, u għalhekk jagħmlu parti mit-Testment il-Ġdid fil-Bibbja, huma din l-Aħbar Tajba dwar Ġesù minn erba’ perspettivi differenti u miktuba lil komunitajiet ta’ fidi differenti. L-erba’ evanġelji kanoniċi huma l-evanġelji skont Mattew, Mark, Luqa u Ġwanni.

Mattew, Mark u Luqa huma magħrufa bħala t-tliet evanġelji Sinottiċi (mill-Grieg sun [flimkien] u ópsis [daqqa ta’ għajn], għax tista’ tqegħedhom f’kolonni ħdejn xulxin u tarahom jaqblu ħafna saħansitra fl-ordni tar-rakkonti, għalkemm għandhom persepttivi ta’ teoloġija differenti, skont il-bżonnijiet tal-fidi tal-komunitajiet insara lil lilhom inkitbu.

L-evanġelju skont Ġwanni huwa differenti ħafna mit-tlieta Sinottiċi għax jippreżenta ordni differenti u teoloġija li gawdiet mir-riflessjoni tat-tlieta l-oħra li nkitbu qablu. Għalhekk fih inqas rakkonti u dettalji dwar il-ħajja ta’ Ġesù (ma fihx rakkonti tat-twelid, lanqas parabboli, jew diskors etiku, bħad-Diskors tal-Muntanja. Ma fihx Ġwanni lanqas jagħti r-rakkont tat-Twaqqif tal-Ewkaristija. Ġwanni jidħol iżjed fil-fond tat-teoloġija tal-ħajja u t-tagħlim ta’ Ġesù.

Mattew hu kunsidrat li nkiteb qrib is-sena 90-95; Mark qrib is-sena 65; Luqa qrib il-85, imma Ġwanni nkiteb fis-sena 100.

 

L-Atti tal-Appostli jimxu fuq il-mudell tal-ħajjiet tal-eroj ta’ żmien il-Griegi u r-Rumani. Għalkemm jissejħu l-Atti tal-Appostli, jirrakkuntaw biss partijiet mill-ħajja ta’ San Pietru (qisu sal-ewwel nofs) u mbagħad dik ta’ San Pawl (mill-Konċilju ta’ Ġerusalemm fil-kap 15 sal-aħħar). Fil-kap 9 nsibu diġà r-rakkont tad-dehra ta’ Ġesù Rxoxt lil Sawlu/Pawlu fit-Triq ta’ Damasku. L-Atti nkiteb ukoll minn Luqa qrib is-sena 85, tant li hemm studjużi li jgħidu li l-evanġelju ta’ Luqa u l-Atti kienu xogħol wieħed li nqasam fi tnejn: il-ħajja u l-ministeru ta’ Ġesù (l-evanġelju); u Ġesù li jkompli l-missjoni tiegħu fil-Knisja wara l-axxensjoni.

 

Wara l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù fl-evanġelji u l-ġrajjiet tal-Knisja tal-Bidu fl-Atti tal-Appostli nsibu l-fażi ta’ iktar riflessjoni teoloġika mid-dixxipli, li tieħu l-forma ta’ kitbiet f’ittri. L-ewwel hemm il-blokk tal-ittri ta’ San Pawl, li nkitbu kollha bejn is-sena 50 u s-sena 60, jiġifieri qabel inkitbu l-evanġelji nfushom. Dawn l-ittri jinqasmu fi tnejn: l-ittri Proto-Pawlini, li daħlu mill-ewwel fil-kanoni għax kien hemm qbil mill-ewwel dwar l-awtentiċità tagħhom li kitibhom San Pawl, u d-Dewtero-Pawlini: dawk li ġew aċċettati li nkitbu minn Pawlu jew minn xi dixxiplu tiegħu iktar tard.

L-ittri Proto-Pawlini huma: Rumani, Galatin, 1 u 2 Korintin, 1 Tessalonkin, Filippin u Filemon.

L-ittri Dewtero-Pawlini huma: 2 Tessalonkin, Kolossin, Efesin, 1 u 2 Timotju u Titu.

Kolossin, Efesin, Filippin u Filemon huma msejħa l-Ittri mill-Ħabs għax aktarx li San Pawl kitibhom waqt xi wieħed miż-żminijiet li għamel maqful fil-ħabs.

1 u 2 Timotju, flimkien ma’ Titu huma magħrufa bħala l-Ittri Pastorali, għax għalkemm huma miktuba lil individwu (Timotju u Titu), San Pawl jindirizza permezz tagħhom lill-komunitajiet li kienu jmexxu.

L-Ittra lil-Lhud ma għadhiex titqies miktuba minn San Pawl minħabba l-kontenut u l-istil letterarju tagħha.

 

L-Ittri Kattoliċi

L-ittri l-oħra li hemm fit-TĠ huma magħrufa bħala l-Ittri Kattoliċi: 1 u 2 Pietru, Ġakbu, Ġuda, 1-3 Ġwanni. Huma msejħa kattoliċi mhux għar-Rit Kattoliku, imma għax il-kelma ‘kattoliku’ tfisser universali. Dawn l-ittri għalhekk jindirizzaw lill-knejjes u lill-insara kollha.

 

L-Apokalissi

Huwa msejjaħ b’dan l-isem minħabba l-istil u l-kontenut tiegħu, dak apokalittiku, jiġifieri stil u kontenut ‘ta’ rivelazzjoni’. Il-messaġġi lis-seba’ knejjes tal-Asja Minuri (fit-Turkija ta’ llum) huma messaġġi mogħtija lill-insara kollha (in-numru sebgħa jfisser universalità) fi stil ta’ kodoċi simboliċi li jifhmuhom biss dawk li huma midħla tal-messaġġ nisrani. Għalhekk hemm simboli ta’ kuluri u numri, simboli ta’ annimali, simboli ta’ movimenti fiżiċi (tela’, niżel, qagħad, qam), u l-bqija.

Il-messaġġi tal-Ktieb tal-Apokalissi jseħħu waqt liturġija tas-sema, fejn dawk li jemmnu jagħtu qima lil Alla madwar u permezz tal-Ħaruf maqtul u mqajjem mill-mewt li hu Ġesù.