|
LISTA TA' KLIEM | IL-BIBBJA BIL-MALTI |
Il-Bibbja: ktieb wieħed, żewġ Testmenti
Testment: dokument għal wara l-mewt jew patt?
Minn Dun Paul Sciberras
Il-kelma “testment” ġejja mil-Latin testamentum, li hija t-traduzzjoni ta’ dak li fil-Grieg hija diathēkē. Issa diathēkē, kemm fit-Testment il-Qadim (TQ), fit-Testment il-Ġdid (TĠ), u fit-traduzzjoni Griega tat-Testment il-Qadim, imsejħa Settwaġinta (LXX), tfisser
id-dikjarazzjoni tar-rieda ta’ Alla li jorbot lilu nnifsu, dwar il-wegħdiet u l-kundizzjonijiet li bihom daħal f’relazzjoni mal-bniedem.
Ä Allura testment, meta nitkellmu mit-TQ u t-TĠ,
mhux dak id-dokument li jsir qabel il-mewt biex jitħalla l-ġid u xi jrid li jsir wara mewtu min qed jagħmel it-testment (Alla huwa bla bidu/tmiem)
imma huwa patt, li bih ALLA jorbot lilu nnifsu mal-bniedem.
Patt Unilaterali u Patt Bilaterali
Hemm żewġ kwalitajiet ta’ pattijiet fil-Bibbja. Fil-kunċett tal-Patt bejn Alla u l-bniedem ma jidħolx dak li jintrabat bih li jagħmel il-bniedem. L-istorja ta’ Abram hija eżempju tajjeb. Donnu Alla jintrabat anke jekk il-bniedem ma jintrabatx: Patt Unilaterali.
Fil-każ ta’ Mosè u l-Poplu għandna Patt Bilaterali: intom tħarsu l-kmandamenti u jien inkun Alla tagħkom (ara Eż 6,7; Lev 26,9-12).
Għaliex wieħed qadim u l-ieħor ġdid?
Mhix l-idea ta’ ‘la qadim, inwarrbuh u narmuh’. Ġesù nnifsu qal:
«Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti (espressjoni użata ħafna fit-TĠ għall-Iskrittura kollha = it-TQ); jien ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-perfezzjoni» (Mt 5,17).
U dan meta kien qiegħed jagħmel id-Diskors tal-Muntanja – fejn hu ppreżentat bħala l-Mosè l-ġdid, li qed jagħti l-Liġi l-ġdida lill-poplu l-ġdid ta’ Alla!
« Il-Ġdid hu mibni fuq il-Qadim; mela jekk jitwarrab hu jkun jitwarrab ukoll il-Ġdid. Hu l-pedament. Fil-Qadim kien imħabbar dak kollu li kellu jiġri fil-Ġdid:
profeziji
(Dar David: 2Sam 7,11-14 – Il-Mulej jibnilek hu d-dar [fiż-żewġ sensi ta’ bini u familja/razza];
Għimmanu-El (Iż 7,14 – Mt 1,23 [imma fit-TĠ ħadd ma jsejjaħlu hekk għax hija kwistjoni ta’ xi jfisser l-isem]; “mill-Eġittu sejjaħt lil ibni”: Hos 11,1 – għal Iżrael imma f’Mt 2,15; l-Għanjiet tal-Qaddej ta’ Jaħweh);
tixbihat
(il-blata; Sara u Ħagar [Gal 4,24-25];
il-Ħaruf – “tistgħu tiħduh mill-mogħoż jew min-nagħaġ [imma dejjem il-ħaruf jissemma u qatt il-gidi, minħabba li fil-Lhudi u fl-Aramajk “ħaruf” u “qaddej” u “iben” jissejħu bl-istess kelma, taleh/taljà];
tħabbir [il-passjoni];
Ġesù nnifsu jinqeda bis-Salmi u t-talbiet tat-TQ.
« Imma hemm ħaġa oħra fit-TQ li hi tal-akbar importanza: it-tħejjija fit-TQ tal-Poplu li minnu wasal Ġesù u l-poplu l-Ġdid ta’ Alla.
Ma ninsewx li Alla ma għażilx l-ewwelnett bnedmin individwali għall-pjan tas-salvazzjoni tiegħu, imma għażel poplu, li miegħu intrabat b’patt jew pattijiet imma li mbagħad, għax il-poplu naqas u reġa’ naqas li jżomm il-patt li Alla kien għamel miegħu, wasal għall-Patt il-Ġdid li wettaq f’Ibnu Ġesù.
Veru li Alla kien għażel lil Abraham, lil Mosè, lil David ... imma jekk ninnutaw il-missjoni tagħhom dejjem kienet missjoni favur il-poplu:
§ Abraham – missier il-Poplu [«Qum u itlaq minn artek, minn art twelidek, u minn dar missierek, lejn l-art li jien nurik (xejn li hu tiegħu, u anke ismu nbidel [Ġen 17,5] minn Abram għal Abraham għax missier ta’ ħafna ġnus). U nagħmlek ġens kbir, inbierkek u nkabbarlek ismek, u int tkun barka» Ġen 12,1-2];
§ Mosè – ħellies u dak li ta l-Liġi [il-moħħ, ir-rieda ta’ Alla] lill-Poplu;
§ David – is-sultan tal-Poplu.
F’Ibnu Ġesù, Alla mhux biss għamel patt ġdid imma l-Patt perfett għax f’Ibnu mhux biss intrabat b’xi ħaġa għażiża imma bl-aqwa li kellu, Ibnu stess. U meta ngħidu l-Iben inkunu ngħidu l-Missier innifsu għax iben huwa dejjem imnissel minn missier, huwa parti mill-aktar importanti mill-missier innifsu. F’Ibnu, li fih intrabat il-Missier, kien hemm hu nnifsu!
U kif intrabat magħna l-Missier? «Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom» (Lq 22,20). L-għotja li biha ntrabat il-Missier mhijiex aktar xi ħaġa materjali, imma d-demm (=il-ħajja) ta’ Ibnu nnifsu!